Charles B. Spiteri
Min jaf jekk fl-irkant tal-karozzi tat-tip Mercedes, li se jsir f’ Battersea, ikunx bniedem wieħed li jixtrihom! Irid garaxx enormi fejn iqegħidhom!
Dawn il-karozzi li jlaħħqu għal 74 karozza tal-istess tip, kienu ta’ persuna waħda u mistennija jdaħħlu aktar minn €21,861,780 fl-iktar irkant ta’ valur li qatt sar f’Londra.
Din il-kollezzjoni ta’ karozzi Mercedes, hi magħmula minn flotta ta’ vetturi Ġermaniżi, li jkopru perijodu ta’ 100 sena sewqan. Hemm limousines, karozzi sportivi, convertibles u anki ambulanza. Huma nġabru u ngħaqdu mill-kollettur anonimu Ewropew, tul is-snin.
Fil-quċċata tal-bejgħ hemm żewġ Mercedes tal-1938, li huma 540K cabrios, li għandhom iġibu bejn €1,495,806 u €2,876,550 il-waħda.
Il-540K hi meqjusa bħala l-aktar karozza mfittxija fost il-karozzi Ġermaniżi għax tirrappreżenta l-qofol tal-inġinerija fil-karozzi ta’ qabel il-gwerra.
L-aktar karozza antika hi l-Mercedes tal-1905, tal-mudell Simplex, li kienet karozza lussuża, li tagħmel 68 mil fis-siegħa.
Hemm ukoll tliet 300SLs, li huma l-ikoni tal-kumpanija, kif ukoll Gullwing tal-1956, li għandha tqarreb il-€103,555. Mercedes oħra li għandha 81 sena hi t-370s, li mistennija tinbiegħ għal €1,380,744 waqt li Cabrio 500K tal-1936 għandha tinbiegħ għal €1,035,558. Magħhom hemm ukoll ambulanza antika tal-1952, li l-prezz mitlub għaliha se jkun ta’ bejn il-€57,531 u t-€80,543.
Finalment hemm ukoll replika, mibnija fis-sena 2000, tal-ewwel karozza tad-dinja – il-Benz Patent Motorwagen tal-1886 – li għandha tinbiegħ għal €63,284.
Jekk, kif inhu maħsub, tinġibed l-attenzjoni tad-dilettanti tal-karozzi Mercedes, din il-flotta ta’ 74 karozza għandu jkollha dħul li jaqbeż il-€21,861,780