Sena ta’ drill, ħruġ u privatijiet

Din is-sena tlajt fit-tielet sena ta’ skola primarja. Kemm nobgħod nibdel lill-għalliem jew għalliema wara li nkun drajthom għal sena sħiħa. Iżda din id-darba hi eċċezzjoni.

L-għalliem il-ġdid hu s-Sur Abela. Minn jiem qabel ma tispiċċa l-klassi tat-tieni sena, it-tfal kollha nistennew bil-ħerqa li mmorru għandu, iżda ħadd ma jkun jaf qabel ma jgħaddu l-vaganzi tas-sajf u s-Surmast jibda jgħajjat l-ismijiet tat-tfal u jgħidilna għand liema għalliem sejrin.

altIs-Sir Abela hu differenti minn għalliema oħra. Għalija, fid-dehra nqisu bħala gwerrier Ruman. Għajnejh jinfdu, u kulħadd joqgħod kwiet għandu, għax jgħajjat daqsxejn. Iżda kontra l-għalliema l-oħra, lit-tfal tiegħu joħroġhom kuljum għal nofs siegħa taħriġ fiżiku.

Għalhekk il-gost fija ma setax jonqos meta sirt naf li jien għal għandu għal din is-sena skolastika. Fl-istess klassi ġie l-ħabib tiegħi Leo Grima. Dan hu msieħeb fil-Boy Scouts. Itwal minni biċċa sew u felħan.

L-istudju għand is-Sur Abela mhux ċajta. Kulħadd irid jistudja u jagħmel ix-xogħol tad-dar inkella ma joħroġx għat-taħriġ fiżiku. U ta’kuljum, sakemm ma tagħmilx xita, noħorġu fil-bitħa; daqqa nilagħbu logħba ballun, daqqa ninqalbu fuq twapet apposta u daqqa nagħmlu d-drill – bħal tas-suldati. B’suffara li tarmi nota rqiqa minn ħalq is-sir nindunaw meta jkun sar il-ħin biex nerġgħu nidħlu fil-klassi. Ilkoll nagħmlu hekk b’nofs qalb. Fil-klassi, noħorġu ktieb u naqraw wieħed wieħed wara xulxin, skont lil min iqabbad l-għalliem.

F’din is-sena qed nesperjenza parti oħra ġdida mill-ħajja. Il-privat. Is-Sur Abela se jibda jagħti lezzjonijiet żejda nhar ta’Sibt, fil-bini tal-Iscouts, fi Triq Villambrosa, il-Ħamrun. In-nanna, li qed ngħidilha b’dan kif nasal id-dar mill-ewwel tinsisti li għandi nibda mmur. Hawnhekk niltaqgħu subien u bniet. Is-Sur Abela qed jgħidilna biex nixtru ktieb b’ħafna eżerċizzji bl-Ingliż. Jismu First Aid in English. Jiswa 2s 3d (11ċ 2m) li jixtrihuli z-Ziju Alfred. Kull xahar, in-nanna tagħtini 2s 6d (12ċ5), bħala miżata għat-tagħlim.Tgħidx kemm jagħtina lezzjonijiet fil-klassi u xogħol ieħor għad-dar.

Qabel ma mmur l-iskola, ngħaddi l-ħanut tan-nannu, ngħidlu benedizzjoni. Ta’ dan jagħtini stoċċ ħelu Bis,  li jiswa sold. Qed infaddalhom, għax is-Sir qalilna li darba f’xahar se joħroġna bil-private, inżuru postijiet storiċi.

Meta nagħmlu hekk, nieħu xi erba’ pakketti miegħi barra l-ħobżu l-luminata. Naħseb li minħabba fihom, is-Sir joqgħod bilqiegħda ħdejja fil-karrozza. Xejn xejn in-nanna hekk tkun trid, biex nibqa’ taħt għajnejh.

altXi jiem ilu ħadna l-Ġonna ta’ San Anton. Kien hemm ftit nies, iduru mal-annimali fil-gaġeġ kbar, l-aktar turisti xjuħ. F’passaġġ minnhom, fejn hemm qisha gazebo  ta’ l-injam b’xi bankijiet, waqafna nieklu l-lunch. Imbagħad is-Sir qagħad jirrakkuntalna l-istorja ta’ Treasure Island. Kulħadd attent li ma jitlifx xi biċċa importanti mill-istorja, li kienet inqatgħet ħesrem xħin wasal għalina s-sewwieq tal-private.

Minkejja li nagħmlu t-taħriġ fiżiku u noħorġu darba fix-xahar, xorta waħda ngħaddu lkoll mill-eżamijiet li jsirulna mis-Sir, u ftit huma dawk li jġibu marki baxxi.

Il-lum is-Sir mhux ġej l-iskola. Kulħadd jidher ftit imdejjaq għax se nitilfu d-drill. Is-Surmast diġà qiegħed fil-klassi biex iqassamna għand għalliema oħra. Jien, Leo u xi ħamsa minn tal-klassi se mmorru fil-klassi ta’ maġenbna, għand is-Sur Naudi. Raġel b’wiċċ daħqan, bla xagħar, b’nuċċali iswed u żaqq ħoxna mmens. Fil-klassi tiegħu għandu tifel ġellied.

Waranofsinhar, is-Sur Naudi jirrakkonta storja dwar il-gladjaturi. Ma jdumx wisq ma jinqala’diżgwid bejna t-tfal tal-klassi l-oħra u tiegħu.

It-tifel l-imqarqaċ, kunjomu Schembri, jrid jiġġieled. Aħna rridu lil Leo biex jiġġelidlu. Qed inressqu ftit il-bankijiet bil-mod biex ma nwaqqgħux il-linka mill-klamari taċ-ċomb li jidħlu f’toqob fil-bankijiet infushom u l-ġlieda ‘tal-gladjaturi’ se tibda.

Leo jidher li se jirbaħgħax l-ieħor jinsab taħtu fl-art, iżda l-ġlieda jkollha tieqaf għax is-Sur Naudi ma jridx li jweġġgħu. Jien u l-ħbieb tal-klassi tiegħi resqin lejn Leo biex niddikjarawh rebbieħ. L-imqarqaċżgur li se jrabbi l-għaqal.