Storbju sħiħ fid-dar

Charmaine Tanti M.A.
BDL Books - Il-Praspar ta' Donna

Donna kienet tifla fuq ruħha wisq. Mindu marret toqgħod man-nanniet kienet dejjem tivvinta l-praspar u tinkwetahom. In-nannu kien jirrabja magħha, għax kien iridha tistudja minflok toqgħod taħli ħinha tagħmel il-ħmerijiet. Iżda hi kienet minn widna jidħol u mill-oħra joħroġ. Għalkemm kienet tipprova tobdih, malli jillarga minn ħdejha kienet tqum minn postha u tibda ddur u tagħqad mad-dar ħalli tara x’bawxata ġdida se tagħmel.

Darba minnhom l-għalliema ta’ Donna għamlet lezzjoni dwar il-mużika. Spjegat kif il-mużika ma tinħoloqx mill-istrumenti biss. Lill-istudenti tagħha wriethom kif anki jekk sempliċiment tħabbat mgħarfa ma’ tazza tal-ħġieġ tinħoloq tip ta’ melodija ħelwa, mentri jekk tħabbat l-għotjien ta’ żewġ borom ma’ xulxin, il-melodija li tinħoloq tkun ferm aktar qawwija.

Donna fetħet par widnejn daqsiex għal kliem l-għalliema tagħha, u tassew għoġbitha l-lezzjoni ta’ dakinhar. Meta waslet lura d-dar mill-iskola kielet platt soppa u wara għamlet il-homework man-nannu. Xħin lestietu n-nannu mar jimtedd għax kien għeja. Imma ma damx igawdi l-mistrieħ tiegħu għal ħin twil. Il-ħsejjes li beda jisma’ tarrxulu widnejh.

Lanqas laħaq ħareġ minn kamartu li ma rax lil Donna għaddejja fil-kuritur tħabbat l-għotjien tal-borom flimkien u tidħak kemm tiflaħ, għax kien irnexxielha tagħmel bħalma qaltilha l-għalliema tagħha. In-nannu ried jgħolliha, u wiċċu sar aħmar nar bir-rabja.

Iżda Donna kienet pronta telgħet ’il fuq għax kienet taf li n-nannu ma kienx se jitla’ warajha, billi kellu saqajh juġgħuh. Bla dubju Donna kienet tellfitu r-raqda tiegħu għalkollox dakinhar, għax baqgħet sejra tħabbat dawk l-imberkin għotjien tal-borom hi u ddur fil-kmamar ta’ fuq. In-nannu qabad jigdem idu daqskemm kien inkorlat għaliha, imma ma setax iwaqqafha għax kienet ħarbitlu, ja mqarba li hi!

Lin-nannu mhux biss dejqu dak l-istorbju sħiħ li għamlet Donna, iżda inkwieta ferm meta ftakar li dawk l-għotjien tal-borom kienu jiswew il-flus, għax kienu ta’ marka fina. Beda jaħseb li b’dak it-taħbit kollu Donna kienet se tirranġahomlu għall-frisk!

Xħin omm Donna daħlet id-dar mill-ewwel saret taf min kien qiegħed jagħmel dawk il-ħsejjes kollha li bdew iriegħdu kullimkien, għax gżaha n-nannu. Il-mamà telgħet fuq, tatha ħasla kif tmiss il-liġi u malajr kellha tinżel ’l isfel u tpoġġi l-għotjien lura fuq il-borom fl-armarju tal-kċina. Imbagħad qaltilha biex titlob skuża lin-nannu talli ma ħallitux jistrieħ. Hi hekk għamlet, u hu ħafrilha minnufih, għax kien iħobbha daqs dawl għajnejh. Donna tbissmitlu u wegħditu li ma terġax tagħmillu aktar bħal dakinhar. Qabel marret torqod tatu bewsa fuq ħaddejh bħas-soltu, għax hi wkoll kienet tħobbu ħafna, minkejja kollox.

Meta n-nanna rritornat mill-mawra tagħha f’Għawdex aktar tard filgħaxija, tgħidx kemm raddet slaleb malli tarrfulha li dakinhar Donna kienet għoddha ġennet lin-nannu bil-praspura l-ġdida li għamlet. Donna ma kienet se tinbidel qatt, għax min jitwieled tond ma jmutx kwadru.