Il-Kartolini Postali Maltin

Fiona Vella

altMiktuba minn Fiona Vella

Kont ilni nixtieq niltaqa’ ma’ Chev. Dr. Anthony J. Abela Medici minħabba li għal bosta snin, huwa kien id-Direttur tal-Laboratorju Xjentifiku Forensiku tal-Pulizija ta’ Malta. Madanakollu, hekk kif dil-ġimgħa rnexxieli nisraqlu siegħa, minflok dwar il-forensika, sibt ruħi nitkellem miegħu dwar passjoni kbira li daħlet f’ħajtu qajla qajla filwaqt li hu kien qiegħed isegwi passatemp ieħor.

Iffissat dwar l-istorja postali ta’ Malta

“Minn mindu kont żgħir kont iffissat dwar l-istorja postali ta’ Malta,” stqarr mill-ewwel Abela Medici. “Iz-ziju ta’ ommi kien jiġbor il-bolol u ħajjarni biex nibda nġemmagħhom jien ukoll. Dak iż-żmien, niftakar li Godwin Said kien ħareġ l-ewwel katalogu żgħir bi tliet fuljetti tal-marki postali tal-irħula u xtrajthom. U fost il-listi li kien fihom, nilmaħ dik ta’ Ħad-Dingli; ir-raħal li jien trabbejt fih man-nanna u maz-zijiet.”

“Fl-1964 kelli 14 il-sena u tħajjart nixtri l-ewwel bolla komuni iżda li kellha t-timbru ta’ Ħad-Dingli. Kienet tiswa erbatax il-xelin u għamilt sena u nofs inġemmgħa l-flus għaliha, sakemm fl-aħħar xtrajtha. Imbagħad dort għat-timbri l-oħra u maż-żmient, għaqqadt kollezzjoni kbira mhux ħażin. Biex insibhom, kont indur in-negozjanti kollha tal-bolol li kien hemm il-Belt. Dak iż-żmien kien hemm ħafna għalkemm illum ma baqa’ ħadd minnhom.”

Il-fieri tal-filatelija u l-kartolini postali

Il-kollezzjoni kompliet tiżdied u tespandi sakemm darba minnhom, huwa sar jaf bil-fieri tal-filatelija li kienu jittellgħu f’pajjiżna.

“Bdejna mmorru jien u l-mara nfittxu għal timbri differenti tal-posta ta’ Malta,” kompla jirrakkonta Abela Medici. “Issa dawn it-timbri ħafna minnhom kont issibhom fuq il-kartolini li kienu jkunu f’pakketti sħaħ. Min jaf kemm il-darba kelli nixtri pakkett sabiex nakkwista timbru wieħed li kien jinteressani! B’hekk ftit ftit, bla ma oriġinarjament kelli l-ħsieb, sibt ruħi niġbor kwantità kbira ta’ kartolini li finalment anki huma ħadu l-forma ta’ kollezzjoni u għalhekk bdejt nikkatalogahom.”

Minn dawn il-kartolini, huwa sab ruħu wkoll jinteressa ruħu fl-istorja ta’ pajjiżna, tant li huwa wettaq riċerka sfieqa, partikolarment fejn tidħol il-filatelija.

Katalogi tal-kartolini postali

“Meta fl-2008 bdejt naħseb biex nirtira, uliedi ħajjruni biex nibda nippubblika r-riċerka li kont għamilt ħalli b’hekk ix-xogħol kollu li għamilt matul diversi snin ma jtirx mar-riħ.”

Hekk tnissel l-ewwel volum ta’ Abela Medici fejn jidħlu dawn il-kartolini: Maltese Picture Postcards: The Definitive Catalogue (Volume 1: The Early Years 1898 – 1906).

“Għalkemm forsi ħafna minna jgħoddu l-kartolini bħala xi ħaġa komuni, fir-realtà, huma jiffurmaw parti mill-istorja viżiva ta’ pajjiżna. Kif spjega sewwa Dr Giovanni Bonello fl-introduzzjoni ta’ dan il-ktieb, dawn il-kartolini jipprovdu riserva sinifikanti ferm ta’ xbiehat ta’ niesna, tal-kultura tagħna u ta’ pajjiżna illi probabbli, li kieku ma kienx għal dan il-mezz ta’ kommunikazzjoni, kienu jintilfu kompletament. Barra minn hekk, għal ħafna minn dawk li għexu fil-perjodu ta’ qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-kartolini kienu l-uniku mod kif wieħed seta’ jara xeni ta’ pajjiżi oħra, speċjalment dawk li kienu pjuttost diffiċli biex iżżurhom,” spjegali.

L-ewwel kartolina postali

“Fatt interessanti huwa illi l-ewwel kartolina postali ħarġet fuq rakkomandazzjoni ta’ Dr Emanuel Herrmann, li kien Kanċillier tal-Ministeru tal-Kummerċ Awstrijakk. Huwa ssuġġerixxa din l-idea f’artiklu tiegħu li ġie ppubblikat fl-1969 u hekk kif il-gvern tal-imperu Awstrijo-Ungeriż aċċettaha, bdew jiġu stampati dawn il-kartolini li ħarġu għaċ-ċirkulazzjoni. Ma għaddiex wisq żmien biex tħajjru pajjiżi oħra u b’hekk bdiet din id-drawwa li jintbagħtu l-kartolini. Ftit ftit, in-nies bidlet din id-drawwa f’passatemp hekk kif ħabta u sabta, nibtu bosta kolletturi u l-kartolini bdew jiġu stampati fi kwantitajiet kbar. Hekk jew hekk kienet ferm irħas li tibgħat kartolina milli li tibgħat ittra bl-envelop.”

L-ewwel xbieha ta’ Malta li ġiet użata bħala kartolina

alt

“L-ewwel stampa li nafu biha s’issa bi xbieha ta’ Malta li ġiet użata bħala kartolina, ġiet impustatata fl-1872 u kienet turi xena tal-Port il-Kbir. Din l-istampa kienet tifforma parti minn serje ta’ ritratti li ġew ippubblikati minn kumpanija tat-tbaħħir fl-1857.”

“Min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju Postali ta’ Malta ġie trasferit lill-gvern kolonjali lokali f’Jannar tal-1885 u l-awtoritajiet postali Maltin ħarġu l-ewwel kartolini postali fl-istess xahar. Dawn kienu juru xbieha ta’ ras ir-Reġina Vittorja.”

Kartolini jgħinu biex tiġi rkuprata l-istorja

Qallibt dan il-katalogu b’interess hekk kif bdejt nara dawn il-kartolini b’għajnejn oħra. Fhimt illi ktieb bħal dan ma kienx iservi biss għall-kollezzjonisti u n-negozjanti tal-kartolini postali imma anki għal dawk li kellhom interess fl-istorja u fis-soċjetà Maltija.

“Għandek tkun taf li mhux darba u tnejn li dawn ix-xbiehat għenu sabiex tiġi rkuprata l-istorja ta’ pajjiżna, ngħidu aħna fejn jidħol ir-restawr ta’ xi bini antik,” għarrafni Abela Medici. “Każ minnhom kien dak tal-funtana li tinsab ir-Rabat Malta, filwaqt li eżempju ieħor kien il-proġett ta’ Biagio Steps fejn kien hemm il-ħtieġa li jiġi kkonfermat kif kienu t-twieqi oriġinali tal-post li kienu waqgħu waqt il-gwerra.”

Ħadt gost nifli x-xeni Maltin li kienu jidhru fuq dawn il-kartolini ta’ dari hekk kif bdejt inqabbilhom ma’ dawk ta’ llum. Uħud għarafthom imma oħrajn ilhom snin li għosfru mill-ambjent Malti u għaldaqstant, apprezzajt il-kartolini aktar u aktar għax kieku ma kien ikolli qatt iċ-ċans li narahom b’għajnejja.

Meta ntebaħ bl-entużjażmu tiegħi, Abela Medici beda jurini partijiet mill-kollezzjoni tiegħu ta’ kartolini li llum tlaħħaq il-fuq minn 40,000 kartolina!

“Ħassejtni obbligat li naqsam dak kollu li rnexxieli niġbor u niskopri flimkien mal-pubbliku,” huwa stqarr. “Permezz ta’ din il-kollezzjoni vasta, ħarġu kartolini antiki ferm li qatt ma kienu ddokumentati qabel. M’għandix dubju li hemm ħafna individwi li se jsibu din il-kollezzjoni utli jew interessanti għalihom, speċjalment dawk li japprezzaw il-Melitensia.”

altAbela Medici poġġieli f’idejja t-tieni volum li għadu kif ħareġ – Maltese Picture Postcards: The Definitive Catalogue (Volume 2: The Divided Backs 1904-1914 (A-G)).

“Wara tant ħidma, issa lestejt ukoll it-tieni volum. U hekk kif kiteb Dr William Zammit fl-introduzzjoni ta’ dan il-ktieb, din il-pubblikazzjoni dokumentata b’riċerka dettaljata, mill-llum il-quddiem se tibda tifforma parti mill-memorja kollettiva nazzjonali ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet li jmiss.”

Infatti l-kartolini maqsuma fi stampi, diżinji, pitturi u ritratti li ħarġu matul is-snin imsemmija jservu bħala vetrina ħelwa ta’ dak kollu li jagħmilna Maltin.

Kien impossibbli li nara l-kartolini kollha minħabba l-ammont kbir li għandu Abela Medici u għalhekk se jkolli nistenna l-pubblikazzjoni tal-volumi li jmiss. Min jaf jekk hux il-volumi kollha, bħat-tnejn li diġà ħarġu, hux ser ikunu ddedikati lil Snoopy, il-kelb tiegħu li ma telaqx għal mument wieħed lil sidu u li għal siegħat twal akkumpanjah matul dan ix-xogħol tiegħu.

(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (29 Parti) fit-Torċa tal-21 ta’ Diċembru 2014)