
Ir-rota kienet disinjata minn Ryno Motors, li jinsabu f’Portland u saret speċifikament għal dawk in-nies li jħossu li t-trasport pubbliku qed iwassalhom tard fejn ikunu jridu jmorru u apparti dan ma jħallsu xejn biex jipparkjawha. Hi taħdem bħas-Segway, jiġifieri s-sewwieq irid imil ’il quddiem biex jaċċellera u jintelaq ftit lura biex inaqqas il-ħeffa tas-sewqan, jew jieqaf.
Iżda kontra s-Segway, l-iscooter Ryno għandha teknoloġija li jekk is-sewwieq jiġġenneb ħafna lejn ix-xellug jew il-lemin, inkella ’l quddiem jew lura, ma jinqalibx. Ir-Ryno tiżen 57 kilogramm u titla’ għoljiet sa 30 grad. L-idea għaliha ġiet lil bint il-Kap Uffiċjal Eżekuttiv Chris Hoffmann, fl-2009. Hi kienet rat mutur b’rota waħda f’logħba li kienet qed tilgħab u talbet lil missierha jagħmlilha waħda bħala biex tmur biha lejn l-iskola.

Hoffman jgħid ukoll, li biex persuna titgħallem issuq ir-Ryno, kulma tieħu hi nofs siegħa u n-nies li jarawk jaħsbuk artist taċ-ċirku. Meta kienet inawgurata tliet snin ilu, ir-Ryno kienet stmata li tiġi tiswa madwar €2595.57.