Rigal flok Ieħor bi Żball

Charmaine Tanti M.A.

Għeluq snin in-nanna kien jaħbat nhar il-festa ta’ San Pawl, fl-10 ta’ Frar. Iżda, ommha u missierha kienu semmewha Marija minħabba li kienu Mostin u lil Santa Marija kienu jħobbuha wisq. Elise u Luca kellhom lill-ħabib tal-qalb tagħhom, Gordon li kien jiċċelebra għeluq sninu jumejn biss qabel in-nanna, jiġifieri fit-8 ta’ Frar. Billi dik is-sena kellu l-lucky birthday, il-mamà tiegħu ħasbet biex torganizzalu festin żgħir u tistedinlu erbat iħbieb minn tiegħu.alt

Xi jiem wara li rċivew l-invit id-dar, Elise u Luca marru l-Belt mal-mamà tagħhom biex jixtru rigal għal Gordon. Xtrawlu ġakketta u qalziet blu tal-jeans għax żgur kienu jogħġbuh daqskemm kien iħobb jilbes il-ħwejjeġ tal-jeans. Kif kienu hemm, xtraw dublett iswed għan-nanna ħalli jagħtuhulha rigal ukoll f’għeluq sninha. Imbagħad la rritornaw id-dar, il-mamà kebbet iż-żewġ rigali fil-karti bojod irrigati bl-aħdar ċar, li kienet xtrat mill-Belt ukoll, u qegħdithom fuq il-pultruna tas-salott b’tali mod li setgħet tagħrafhom minn xulxin. Poġġiet ir-rigal ta’ Gordon quddiem ir-rigal tan-nanna billi huwa kien se jirċevih l-ewwel. Imma r-rigali ma baqgħux f’dik l-ordni għall-ħin twil għax malajr ċaqalquhom minn posthom Elise u Luca meta daħlu jilagħbu fis-salott bil-moħbi tal-mamà.

Dakinhar tal-festin, Elise u Luca marru xi ftit kmieni għand Gordon għax il-mamà tiegħu, li kienet tħobbhom daqslikieku kienu wliedha, riedet tagħtihom ftit ikel u ħelu żejjed qabel jaslu l-mistednin. Fil-fatt, wara li lestew il-homework, libsu, ħatfu wieħed mir-rigali bl-addoċċ mis-salott u telqu bil-pass lejn id-dar ta’ ħabibhom li kien joqgħod ftit bibien ’il bogħod mid-dar tagħhom. Peter ma kienx mistieden u baqa’ d-dar mal-mamà jara l-cartoons.

Hekk kif messew il-qanpiena tal-bieb ta’ barra, il-mamà ta’ Gordon marret tiġri tiftħilhom. Daħħlithom fil-kċina u hemmhekk sabu lil Gordon jistenniehom b’dik is-soltu tbissima fuq wiċċu. Kantawlu Happy Birthday u tawh ir-rigal. It-tifel fetħu f’kemm ilni ngħid, iżda nħasad xħin sab dublett iswed. Ommu riedet tmut bid-daħk u Elise u Luca ħmaru nar bil-mistħija. Kienu tawh ir-rigal tan-nanna Marija bi żball. Bla telf ta’ żmien, marru lura lejn darhom biex jeħdulu r-rigal li kien verament tiegħu. Il-mamà riedet tikolhom bl-għajjat malli saret taf  x’kien ġara. Mill-ewwel indunat li din il-balbuljata kienet saret għax l-għorrief uliedha ma kinux ħallew ir-rigali fejn qegħdithom hi.

Wara ftit, reġgħu marru għand Gordon u l-mamà marret magħhom ukoll. Skużat ruħha miegħu u m’ommu f’isem Elise u Luca. Sa mnalla ħadd mill-mistednin ma kien għadu wasal għax min jaf kemm kienu jaqgħu iżjed għaċ-ċajt dawk iż-żewġt itfal imqarbin! Il-biċċa malajr mietet fuq ommha għax malli ra dik il-ġakketta u dak il-qalziet tal-jeans li tawh Elise u Luca, Gordon kien pront tefagħhom fuqu u tgħidx kemm iddandan bihom waqt il-festin quddiem il-mistednin. Kien jaf li Elise u Luca kienu jħobbuh u li ma kinux tawh rigal b’ieħor apposta. Imma kien jaf ukoll li l-praspar kienu jikluhom bil-ħobż u issa kien drahom sew dejjem joħorġu b’xi waħda ġdida.