L-irbit tal-mażżri u x-xħit fil-baħar

Charles B. Spiteri

altminn Charles B. Spiteri

Waqt prietka kontra l-korruzzjoni, il-Papa Franġisku kien ferm iebes, u kkowta passaġġ mill-Evanġelu skont San Luqa, fejn Ġesù qal lil xi midinba, li ħaqqhom jintrabtu ma’ mażżra u jinxteħtu fil-baħar.

Din tqieset bħala omelija mill-aktar qawwijin lill-Insara, minn meta f’Marzu li għadda, kien elett il-Papa Arġentinjan. Hu enfasizza li min qed jgħaddi ħajja ‘doppja’ billi jagħti l-flus lill-Knisja waqt li jisraq lill-Istat, ikun qed jidneb u ħaqqu jkun ikkastigat.

Waqt li ma aċċennax direttament għall-korruzzjoni fi ħdan il-Knisja Kattolika, ir-rimarki tiegħu saru ftit jiem wara li faqqa’ skandlu f’ordni reliġjuża antika, marbuta mal-Vatikan. Madankollu l-Papa wera li hu determinat jieqaf lill-korruzzjoni u jeqred irregolaritajiet finanzjarji li sa tappnu lill-Bank tal-Vatikan.

Hu ddeskriva wkoll lin-nies imdaħħlin fil-korruzzjoni bħala ‘oqbra mbajda’ u qal li “minnbarra jidhru sbieħ, iżda minnġewwa huma gozz għadam mejjet u jinten.

Hu magħruf li l-Papa Ġiżwita kapaċi jkun ġentili f’diversi suġġetti sensittivi, bħall-omosesswalità u d-divorzju, iżda sa minnmeta ġie maħtur f’Marzu li għadda, il-prietki u l-omeliji tiegħu dejjem inkludew kliem iebes u referenzi għall-ħidma tax-Xitan.

Papa Franġisku għamel dawn ir-rimarki waqt il-quddiesa ta’ filgħodu f’Casa Santa Marta, id-dar għall-mistednin fil-Vatikan, fejn għażel li jgħix wara li rrifjuta l-appartamenti aktar kbar fin-naħa l-oħra tal-Bażilika ta’ San Pietru.

Kienet it-tieni darba fi ftit jiem, fejn hu attakka l-ħażen tal-korruzjoni. L-ewwel darba mar kontra l-Kattoliċi li stagħnew mill-korruzzjoni politika biex saħansitra jixtru rigali lil uliedhom u jibagħtuhom fi skejjel li jiswew ħafna flejjes.

L-aktar skandlu riċenti li laqat lill-Knisja Kattolika kien żvelat ħmistax ilu, fejn Dun Renato Salvatore ta’ 58 sena, u li jmexxi ordni reliġjuża ta’ 440 sena, kien arrestat fuq suspett li ħoloq xnigħat foloz kontra żewġ saċerdoti li kienu kontra n-nominazzjoni tiegħu biex jerġa’ jingħażel bħala s-Superjur Ġenerali tal-Camilljani, jew aħjar l-Ordni tal-Ministri tal-Morda.

Dun Salvatore kien magħżul għall-kariga mill-Papa Benedittu XVI biex jipparteċipa fis-sinodu ġenerali tal-isqfijiet f’Ottubru tas-sena l-oħra; ħames xhur qabel mal-Papa Ġermaniż iddeċieda li jirriżenza mill-papat.