Susan Anthony (1820–1906)
Charles B. Spiteri

Susan Anthony twieldet f’Massachusetts u tħarrġet bħala għalliema. Fl-1849, telqet il-professjoni li kellha biex tieħu ħsieb u tmexxi r-razzett tal-familja tagħha.
Niesha kienu Quakers u għalhekk ma kinitx ħaġa kbira li Susan bdiet titkellem kontra l-inġustizzja u l-iskjavitù u l-ħażen tas-sokor. Fl-1848, marret għall-ewwel konvenzjoni tad-drittijiet tan-nisa.
Erba’ snin wara, kienet irrabjata għall-aħħar meta mara ma tħallitx titkellem f’rally kontra l-alkoħol. Bir-rabja li tnisslet fiha, għaqqdet soċjetà ta’ rażan u tnaqqis tal-kliem għan-nisa biss. Minn hemm ’il quddiem, waqt li kompliet bil-kampanja tagħha kontra l-iskjavitù, tambret ukoll għad-drittijiet ugwali għan-nisa.
Susan bdiet tieħu ħsieb ta’ ġurnal, imsejjaħ Revolution, li saħaq li n-nisa kellu jkollhom l-istess drittijiet bħall-irġiel f’dak li hu tagħlim, fil-votazzjoni u fix-xogħol. Meta ma kellhiex aktar flus għall-ġurnal, bdiet iddur mal-pajjiż tagħti taħditiet u tiġbor il-fondi għalih.
Fl-1872, flimkien ma’ ħdax-il mara oħra ippruvaw jivvutaw fl-elezzjoni Presidenzjali. Susan tefgħet il-vot tagħha u sfat arrestata. Instabet ħatja u weħlet multa, iżda l-każ waqa’, anki għax hi rrifjutat li tħallas il-multa. Susan kompliet tikkampanja favur in-nisa sa ma mietet.
Fl-1870, il-15-il emenda tal-Kostituzzjoni Amerikana tat id-dritt tal-vot lill-irġiel suwed. Ħafna nies li kienu ġġieldu biex jabolixxu l-iskjavitù, bdew kampanja favur li n-nisa jivvutaw. Fl-Istati Uniti ngħataw id-dritt għall-vot fl-1920.
Kartunisti interpretaw lil Susan u lil ħbiebha n-nisa li kienu fis-soċjetà tagħha, bħala li qed jiġġieldu gwerra qaddisa kontra d-demonju tax-xorb.
Sue Ryder (1924–2000)
Charles B. Spiteri

Sue Ryder (Lady Ryder of Warsaw) iddedikat ħajjitha tgħin nies diżabilitati, morda jew qed isofru.
Twieldet f’Yorkshire u tħarrġet bħala infermiera fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija. Imbagħad ingħaqdet f’ unit ta’ operazzjonijiet speċjali li kien jieħu ħsieb jikkoordina l-attivitajiet tar-Reżistenza fl-Ewropa okupata min-Nazi.
Sue kienet xhieda ta’ ħafna nies li batew matul il-gwerra. Miljuni mietu, ħafna tilfu djarhom, mardu u ma kellhomx flus. Wara l-gwerra, kienet involuta f’ħidma ta’ għajnuna fil-Polonja, fejn kienet taħdem mill-qrib ma’ tijm mediku.
Fl-1952-3 reġgħet lura l-Ingilterra: irreġistrat il-Fundazzjoni Sue Ryder bħala karità u fetħet dar f’Suffolk, għan-nies li baqgħu ħajjin wara l-orruri tal-kampijiet tal-konċentrament. Ma damitx ma estendiet id-dar tagħha biex tinkludi lill-poplu ta’ kull nazzjonalità, li kien fiżikament jew mentalment inkapaċitat.
Is-‘Sue Ryder Foundation’ twaqqfet biex issib u tilqa’ għas-sofferenzi umani u tagħmel xi ħaġa għalihom. Tipprova tgħin lil dawk fil-bżonn u tagħti mħabba lil dawk li mhumiex maħbubin, hi x’inhi l-età, ir-razza u t-twemmin tagħhom.
Illum hemm aktar minn 80 dar ta’ Sue Ryder f’partijiet differenti tad-dinja. Hemm ukoll ‘Mobile Medical Teams’. Parti mill-flus jidħlu min-numru ta’ ħwienet li għandha l-Fundazzjoni. In-nies joffru oġġetti għall-bejgħ b’risq il-Fundazzjoni Sue Ryder.
Sojourner Truth (1777–1883)
Charles B. Spiteri

Sojourner Truth twieldet fil-jasar. Meta nħelset ivvjaġġat u qasmet l-Istati Uniti, tipprietka l-libertà u l-ugwaljanza għan-nisa u l-poplu iswed.
Il-post li fih twieldet Sojourner kien razzett fl-istat ta’ New York, u ngħatat l-isem ta’ Isabella. Inbiegħet kemm-il darba, u qabel ma nħelset mill-jasar fl-1826 kienet iżżewġet lil skjav ieħor. Daħlet taħdem bħala seftura f’diversi djar tas-sinjuri fi New York. Uliedha wkoll kienu lsiera, u xtaqet immens li tarahom jingħataw il-libertà.
Fl-1843 qatgħetha li tivvjaġġa minn post għal ieħor, tipprietka. Ħadet l-isem ta’ Sojourner Truth għax ma riditx tibqa’ bl-isem li ngħatalha meta kienet ilsira. Kullimkien ippritkat li l-ilsiera kellhom jinħelsu, u ngħaqdet fi grupp li ried li tinqered l-iskjavitù u li emmen li n-nisa kienu qed ikunu trattati b’mod ħażin għall-aħħar. Meta aktar tard l-iskjavitù kienet abolita, Sojourner baqgħet f’Washington biex tgħin lill-iskjavi liberati jibdew jgħixu ħajja ġdida u biex tipprotesta kontra d-diskriminazzjoni razzjali li ppruvat iżżommhom stmati ħażin bħalma kienu miżmumin qabel.
Ħafna nies ma qablux ma’ Sojourner Truth. Qassis kien saħaq li jekk Alla kien tal-fehma li n-nisa jkunu ugwali għall-irġiel, kien jibgħat sinjal permezz ta’ Ġesù Kristu. Sojourner wieġbet li Kristu twieled minn Alla u minn mara, u li r-‘raġel’ ma kellu x’jaqsam xejn miegħu.
Peress li Sojourner Truth la kienet taf tikteb u lanqas taqra, irrakkuntat l-istorja tagħha lil ħabib biex in-nies ikunu jafu kemm kienet kerha l-ħajja ta’ lsira.
Sojourner Truth iltaqgħet mal-President Lincoln biex tinkoraġġih jiġġieled kontra l-istati tan-naħa t’isfel, fejn kien hemm ħafna lsiera. Talbitu wkoll biex iwaqqaf il-kummerċ tal-ilsiera.
Mary Wollstonecraft (1759–1797)
Charles B. Spiteri

Mary Wollstonecraft kienet temmen li l-irġiel u n-nisa kienu ugwali u li kellu jkollhom l-istess dritt għat-tagħlim, għax-xogħol u għall-vot.
Illum il-ġurnata ftit ikunu dawk li ma jaqblux mal-fehma tagħha, iżda mitejn sena ilu l-maġġoranza tan-nies ma kienu jaqblu xejn ma’ dan, u kienu jisblu għal dawn l-ideat.
Ħu Mary kien imħarreġ biex isir avukat, waqt li hi kienet mistennija ssib raġel xieraq u tiżżewweġ. Iżda Mary kienet determinata li taqla’ hi stess il-flus li kienet teħtieġ.
Fl-1782 kriet dar f’Newington Green, dak iż-żmien villaġġ żgħir qrib Londra, u fetħet skola. Din l-iskola ma kisbitx is-suċċess mixtieq, iżda Mary ltaqgħet ma’ grupp ta’ nies li kellhom ħafna ħsibijiet bħal tagħha.
B’hekk fl-1787 kitbet it-Thoughts on the Education of Daughters. F’dan il-ktieb kitbet li n-nisa kellhom il-ħtieġa li jitgħallmu biex ma jintefgħux bħala piż fuq l-irġiel għall-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom.
Mill-kitba Mary kisbet biżżejjed flus biex tgħajjex lilha nnifisha. Iżda xtaqet ħafna li ssib raġel li tabilħaqq ikun iħobbha u jistmaha bħala ugwali għalih. Fl-1797 iżżewġet lil William Godwin, u dik is-sena stess wildet tifla. L-omm mietet ftit wara, kaġun ta’ deni li ħakimha.
L-ideat femministi ta’ Mary Wollstonecraft kienu ferm qabel żmienhom.
Frankenstein, jew The Modern Prometheus, ta’ Mary Shelley sar kemm-il darba f’films famużi.
Bint Mary wkoll issemmiet Mary. Meta kibret iżżewġet lill-poeta Shelley u kitbet ir-rumanz Frankenstein. L-idea ġietha waqt li kienet għal vaganza ma’ Shelley u Byron. Byron ħareġ bl-idea li t-tnejn li huma kellhom jiktbu storja tal-waħx.
Harriet Beecher Stowe (1811–1896)
Charles B. Spiteri

Meta twieldet Harriet Beecher Stowe, in-nies fl-istati tan-naħa t’isfel tal-Istati Uniti kienu għadhom iżommu l-ilsiera biex jaħdmu għalihom. Fl-1852 ir-rumanz ta’ Harriet, Uncle Tom’s Cabin, għen biex jipperswadi lill-poplu li l-iskjavitù kellha tinqered.
Harriet twieldet u kibret f’Connecticut. Fl-1832 marret Cincinnati biex tgħallem fil-kulleġġ ta’ oħtha Catherine. Hemmhekk, fix-xatt tal-Punent tax-Xmara Ohio, saret taf bl-orruri tal-iskjavitù, peress li ħafna lsiera kienu jinqabdu quddiem għajnejha jippruvaw jaħarbu billi jaqsmu x-xmara.
Fl-istati ta’ fuq tal-Amerika l-iskjavitù ma kinitx permessa u l-maħrubin saru nies liberi. Madankollu, fl-1850, il-Gvern għadda Att li jgħid li n-Nordiċi kellhom jirritornaw lill-ilsiera kollha tagħhom. Min jonqos li jagħmel dan kien jitqies hu stess bħala kriminal. Harriet, bħal ħafna oħra li xtaqu li titneħħa l-iskjavitù, irrabjat qatigħ li din kienet se titneħħa minn parti waħda tal-Amerika. Kienet diġà kitbet bosta stejjer u artikli kontra min iżomm l-ilsiera. Kitbet ukoll Uncle Tom’s Cabin bħala puntati f’magazin.
L-istorja erojka ta’ skjav maħrub, jaqbeż minn fuq firxa ta’ silġ għal oħra, tul ix-Xmara Ohio, ħafnet l-immaġinazzjoni tal-qarrejja. Ir-rumanz inbiegħ bl-eluf. Illum l-eroj, Tom, hu kritikat għax ma ġġilidx lis-sidien bojod tiegħu, iżda dak iż-żmien l-istorja laqtet ferm lin-nies ta’ dak il-perjodu.
Bejn l-1861 u l-1865 faqqgħet il-Gwerra Ċivili Amerikana bejn il-Unjonisti tan-Nord, li riedu jxejnu għalkollox l-iskjavitù, u l-Konfederati fin-naħa t’isfel, li riedu jżommu l-iskjavi. L-Unjonisti rebħu u l-iskjavitù nqerdet.
Emmeline Pankhurst (1857–1928)
Charles B. Spiteri

Emmeline Pankhurst u t-tliet uliedha bniet għamlu kampanja iebsa biex jipperswadu lill-gvern jagħti d-dritt tal-vot lin-nisa. Anki bħala tifla, Emmeline kienet tmur għall-meetings ma’ ommha, fejn dejjem talbu għad-dritt tal-vot. Fl-1879, Emmeline iżżewġet lil Richard Pankhurst u flimkien komplew bil-kampanja sa ma Richard miet fl-1898. Ħames snin wara, Emmeline u bintha Christabel iffurmaw il-Women’s Social and Political Union.
Huma mexxew marċijiet u rrappreżentaw lin-nisa sa fil-Parlament. Emmeline kienet oratriċi mill-aqwa u magħhom ingħaqdu ħafna nisa. Fl-1908, żewġ nisa li tħabtu biex jingħataw il-vot, garaw ġebel lejn it-twieqi tad-dar tal-Prim Ministru f’Downing Street.
Emmeline sfat arrestata bl-akkuża li inkuraġġiet lin-nisa fl-għemil tagħhom.
Matul is-sentejn ta’ wara, ’il fuq minn 1,000 mara ntbagħtu l-ħabs. Dawk li kienu qed isostnu l-kampanja rrabjaw u saru vjolenti. Imbagħad fl-1914 faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija u Emmeline waqqfet il-kampanja li kienet bdiet. Minflok, inkuraġġiet lin-nisa jagħmlu x-xogħol tal-irġiel biex dawn imorru jiġġieldu.
B’hekk kulħadd seta’ jinduna li n-nisa setgħu jaħdmu daqs l-irġiel u fl-1981 il-Parlament qabel li n-nisa ta’ ’l fuq minn 30 sena setgħu jivvutaw. Fl-1928 l-età tnaqqset għal 21 sena u b’hekk, fil-vot, in-nisa ġew ugwali għall-irġiel.
Ħafna rġiel irvellaw għall-idea li n-nisa jkunu jistgħu jivvutaw. Huma ħasbu li n-nisa ma kinux makakki biżżejjed biex jifhmu l-politika. Raġel minnhom kien ħareġ bl-esklamazzjoni: “U żgur, voti lin-nisa; issa jonqos nintalbu nħallu liż-żwiemel u lill-klieb jivvutaw!”
Eglantyne Jebb (1876–1928)
Charles B. Spiteri

Żgur li kulħadd sama’ bis-Save the Children Fund, il-karità enormi li tqiegħed il-ħtiġiet tat-tfal fl-ewwel post. Madankollu, żgur li ftit semgħu b’Eglantyne Jebb, il-mara mill-aqwa li bdiet il-Fond.
Eglantyne kibret fi Shropshire, fl-Ingilterra. Kienet tomboy enerġetika li kienet tħobb ħafna l-qari.
L-Universitajiet kienu għadhom kemm fetħu l-bibien tagħhom u Eglantyne ħadet l-opportunità li tmur tistudja f’Oxford. Wara, ħadmet bħala għalliema u aktar tard mas-Soċjetà li tieħu ħsieb il-karità.
Fl-1913 intbagħtet il-Maċedonja, tqassam il-flus lir-refuġjati li tiflu djarhom fil-gwerer tal-Balkani. Dakinhar fehmet li l-fatt li tqassam il-flus lir-refuġjati ma kienx biżżejjed. In-nies ħtieġu l-art mill-ġdid fejn jistgħu jgħixu.
Fi tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija, miljuni ta’ familji fl-Ewropa kienu qed imutu bil-ġuħ. Eglantyne bdiet il-Fight the Famine Council (Għaqda li tiġġieled il-ġuħ) u fond separat bl-isem Save the Children. Għall-bidu n-nies qalu li kienet traditura: tiġbor il-flus għall-għadu, iżda Eglantyne saħqet li l-ħtiġiet tat-tfal kellhom ikunu trattati l-ewwel. Il-flus bdew deħlin fil-Fond. Intużaw biex twaqqfu sptarijiet, djar u skejjel.
Eglantyne fasslet skopijiet u regoli ċari għall-fond, li għadhom fil-prattika sa llum. Dawn jinkludu l-ħarsien tat-tfal, ikunu ta’ liema razza, nazzjonalità jew twemmin u jgħinu ’l-familji jieħdu ħsieb tagħhom infushom.
Eglantyne Jebb emmnet profondament fil-ħtieġa li tindokra t-tfal. “Kull ġenerazzjoni ta’ tfal toffri lill-umanità l-possibbiltà tal-bini mill-ġdid tar-rovina tad-dinja,” qalet. Fl-1923 fasslet dikjarazzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal. Aktar tard kienet adottat min-Nazzjonijiet Uniti.
Fl-1921 ġuħ fir-Russja hedded miljuni ta’ nies, inklużi ħafna tfal. Is-‘Save the Children Fund’ kien kapaċi jagħti l-għajnuna tiegħu.
Elizabeth Fry (1780–1845)
Charles B. Spiteri

Elizabeth Fry kienet mara mhux tas-soltu. Ħafna nies kienu jaraw kif jevitaw il-ħabs iżda hi daħlet fih biex tara b’għajnejha l-ħajja li kienu qed iqattgħu hemm in-nisa u t-tfal. Tant indiehxet b’li rat li qatgħetha tagħmel xi ħaġa biex tbiddel il-qagħda.
Elizabeth twieldet f’Norfolk u l-membri tal-familja tagħha kienu Quakers. Kien fl-1813 li semgħet dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabs ta’ Newgate, u ma’ grupp ieħor ta’ Quakers marret iżżur l-agħar ħabs fl-Ingilterra.
Nisa u tfal inġemgħu madwar Elizabeth. Hi osservat kif kienu jilagħbu, jixorbu u jisirqu lil xulxin il-priġunieri, għax ma kellhomx ħaġa oħra x’jagħmlu. Elizabeth marret kemm-il darba b’mod regulari żżur il-ħabs ta’ Newgate.
F’ċella vojta, introduċiet skola għat-tfal u lin-nisa ħaditilhom xogħol ta’ ħjata, li għalih kienet tħallashom. Aktar tard, Elizabeth introduċiet għaqda ta’ għajnuna lill-ħabsin u ppruvat tipperswadi lill-Parlament jibdel il-ħabsijiet. L-awtoritajiet semgħu minnha. Emmnu li l-metodi tagħha ħadmu. U l-ħabsijiet fl-Ewropa, kif ukoll fl-Ingilterra, bdew jinbidlu għall-aħjar.
Il-Quakers huma grupp Kristjan li jemnu immens fil-paċi u fl-għajnuna lil nies oħra. Anki meta kienet ċkejkna, Elizabeth kienet iżżur nies morda u tgħallem kemm tista’ lit-tfal foqra.
Fl-1780, is-sena li fiha twieldet Elizabeth, fil-Ħabs ta’ Newgate kien hemm rewwixta. L-għamara u l-bini ngħataw in-nar u 300 priġunier inħelsu.
Clara Barton (1821–1912)
Charles B. Spiteri

Clara Barton kienet tifla kwieta, iżda bħala adolexxenti, dejjem stqarret li riedet tgħin lis-suldati feruti u lill-vittmi ta’ diżastri. Ipperswadiet ukoll lill-Istati Uniti tingħaqad mas-Salib l-Aħmar Internazzjonali.
Clara twieldet f’Massachusetts u kienet dejjem ħsiebha f’nies inqas tat-tajjeb minnha. Hi fetħet waħda mill-ewwel skejjel bla ħlas għall-pubbliku fi New Jersey, iżda rriżenjat meta ntbagħat raġel biex imexxi fuqha.
Fl-1861, faqqgħet il-Gwerra Ċivili Amerikana. Clara marret fil-kampijiet tal-battalja biex tara kif setgħet tgħin. Ġabret numru ta’ bgħula, li għabbiethom bl-ikel, ilma u provista mediċinali li setgħet tqassam lis-suldati. Ħafna drabi rat il-mewt hi stess.
Fl-1869 marret fl-Ewropa biex tistrieħ, iżda minflok ivvoluntarjat fl-għajnuna li kien hemm bżonn fil-gwerra bejn Franza u l-Prussja.
Organizzat l-għajnuna li kellha tagħti l-Assoċjazzjoni tas-Salib l-Aħmar, li kienet għadha kemm stabbilixxiet ruħha u nsistiet li l-Istati Uniti tingħaqad magħha. Meta fl-1874 irritornat f’pajjiżha għamlet kampanja iebsa u twila biex introduċiet is-Salib l-Aħmar Amerikan. Hi kienet tal-fehma li l-għajnuna ma kellhiex tingħata biss lil suldati feruti, iżda lill-vittmi tal-għargħar, tal-ġuħ u diżastri oħra.
Ix-xewqat tagħha rnexxew u fl-1881 saret l-ewwel President tas-Salib l-Aħmar Amerikan.
Is-Salib l-Aħmar Internazzjonali tnieda minn Henri Dunant fl-1864. Fl-1859 fil-battalja bejn il-Franċiżi u l-Awstrijaċi Dunant baqa’ skantat bl-għajnuna fqira li ngħatat biex ikunu megħjuna s-suldati feruti. Is-Salib l-Aħmar jieħu ħsieb il-ħtiġiet tas-suldati kollha indipendentement min-nazzjonalità jew twemmin tagħhom.
Cicely Saunders (1918–2005)

Charles B. Spiteri
Cicely Saunders qattgħet ħajjitha tgħin lin-nies jaffaċċjaw il-mewt. Hi fetħet l-ewwel dar ta’ kura għal dawk morda b’mod terminali, u fejn setgħu jmutu fil-paċi u d-dinjità. Illum hawn djar bħal dawn (hospices) mad-dinja kollha.
Meta kienet ċkejkna, Cicely kienet mistħija ħafna, tant li kienet tippreferi ma tiħux il-kolazzjon u t-tè ma’ ħbiebha milli toqgħod magħhom iparlaw u jgħajtu fil-vojt. Hekk kif kibret, waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, daħlet infermiera u wara, meta weġġgħet daharha, kellha tieqaf minn ħidmietha u daħlet bħala ħaddiema soċjali fl-isptar.
Fl-1947, wieħed mill-pazjenti li ltaqgħet miegħu kien David Tasma, Lhudi Pollakk, li kien qed imut. Cicely kienet nisranija għall-aħħar, u hi u David qattgħu ħafna sigħat jiddiskutu l-mewt u kif in-nies li jkunu fl-aħħar ta’ ħajjithom ikunu indukrati. Saru ħbieb kbar u Cicely fehmet li t-taħdit li kellha ma’ David seta’ jkun ta’ għajnuna għal nies oħra.
Hi ħaditha b’ħidma li titkellem ma’ nies li qed imutu, toqgħod ħdejn soddithom, tistenna u titlob. Iżda kienet taf li għal ħafna min-nies f’dik il-qagħda, il-ħsejjes u l-ambjent tal-isptar ma kienx l-aħjar wieħed għalihom. Għamlet kampanja għall-ġbir tal-flus u fl-1967 fetħet is-St. Christopher Hospice f’Londra. Dan kien post għall-kwiet fejn il-pazjenti setgħu jsibu kura u lil min jifhimhom fl-aħħar jiem ta’ ħajjithom.
Fl-antik il-mewt kienet parti mill-ħajja ta’ kuljum. Għalkemm illum, tisma’ bosta nies jitkellmu dwar is-sess, il-problemi tal-familja u l-flus, ħafna minnhom ma jħobbux jitkellmu apertament dwar il-mewt. Din tagħmilha aktar diffiċli għan-nies li jafu li qed imutu, biex jaċċettaw x’inhu jiġrilhom.
L-istennija tal-mewt minn dejjem kienet diffiċli biex tkun trattata. Ix-xogħol ta’ Cicely Saunders għen lil bosta jħossu ruħhom komdi fl-aħħar jiem ta’ ħajjithom.