Annie Oakley (1860–1926)
Charles B. Spiteri

B’MIRA PERFETTA
Annie, li twieldet fl-1860 u għexet 66 sena kienet tiratura mill-aqwa u ħadet sehem fil-Wirja ta’ Buffalo Bill’s Wild West, meta kellha biss 17-il sena.
Kienet popolari fl-Istati Uniti u fl-Ewropa għall-mira li kellha u kienet esperta fl-isparar tal-pistoli, rifles u xkubetti. Darba, b’rifle .22, laqtet 4,772 boċċa tal-ħġieġ minn 5,000 li tefgħalha fl-arju, f’jum wieħed.
F’għoli ta’ 90 pied (27 metru), kellha l-ħila tolqot karta tal-logħob bix-xifer irqiq jipponta lejha, waqt li sakemm taqa’ fl-art, ittaqqabha ħames jew sitt darbiet b’tiri separati oħra. Darba, fuq stedina tiegħu stess, sparat fuq sigarett li kien f’ħalq il-Prinċep werriet tas-saltna tal-Ġermanja, aktar tard Wilhelm II.
Annie Oakley twieldet fit-13 ta’ Awwissu, f’kabina tal-injam f’Patterson Township, Ohio. Bdiet tispara meta kellha disa’ snin. Meta miet missierha, u biex tgħin lill-familja, bdiet toħroġ tikkaċċja.
Waqt żjara f’Cincinnati, kellha sfida minn Frank E. Butler, stilla tal-Vaudville. Rebħitlu hi, għalkemm ix-xorti riedet li aktar tard iżżewġitu. Tant qablu bejniethom, li hi wkoll saret stilla magħrufa.
Twila biss ħames piedi (152 ċentimetru) kienet imlaqqma Little Sure Shot. Ingħaqdet mal-Buffalo Bill’s Wild West Show fl-1885 u l-musical li baqa’ magħruf, bl-isem Annie Get Your Gun hu r-rakkont ta’ ħajjitha.
Anne Frank (1929–1945)
Charles B. Spiteri

Anne Frank mietet meta kienet għadha teenager u saret magħrufa sew għad-djarji affaxxinanti li kitbet u li ssuperaw lil ħajjitha.
Anne kienet Lhudija mwielda fil-Ġermanja. In-Nazisti kienu jobogħdu lil-Lhud għall-mewt. Kienu jsawtuhom kull darba li jiltaqgħu magħhom fit-toroq u ħatfulhom għalihom infushom kull negozju li kellhom.
Il-ġenituri ta’ Anne Frank ħarbu b’Anne u b’oħtha lejn l-Olanda. Iżda fl-1940 in-Nazisti nvadew lill-Olanda wkoll. B’hekk, il-Franks kienu jinsabu f’għawġ liema bħalu.
Setgħu jintbagħtu jaħdmu xogħol iebes f’kampijiet tax-xogħol jew f’kampijiet ta’ konċentrament. Issa kien tard biex jerġgħu jaħarbu. Għalhekk qatgħuha li jistaħbew. Ħeġġew passaġġ sigriet fil-parti ta’ fuq nett tal-maħżen qadim ta’ missierha u bdew jgħixu fih flimkien ma’ erba’ Lhud oħra ħbieb tagħhom.
Għal sentejn sħaħ qatt ma ħarġu barra fit-triq. Kienu ħbieb tagħhom Olandiżi li kienu jwasslulhom l-ikel, iżda l-ħajja saritilhom ta’ dwejjaq. F’Marzu tal-1944, Anne bdiet tikteb djarju. Xtaqet li meta tikber tkun kittieba, iżda f’Ottubru ta’l-istess sena, xi ħadd irrapporta l-moħba tagħhom lill-Pulizija.
Il-Franks kienu arrestati u mibgħuta f’kampijiet ta’ konċentrament fil-Ġermanja. Wara l-gwerra, missier Anne biss kien baqa’ ħaj. Ħabib tiegħu Olandiż kien sab id-djarji ta’ Anne u refagħhom f’post żgur.
Il-Franks u ħbiebhom kellhom joqogħdu kwieti mmens fil-moħba tagħhom. Qatt ma libsu żraben u l-ħmieġ li kien ikollhom kienu jaħarquh. Ġieli kien jitlgħalhom u jirrabjaw għal xulxin u ġieli kienu joħolmu għal ħajja fin-normalità.
Madre Tereża ta’ Kalkutta (1910–1997)
Charles B. Spiteri

In-nies li jafu sew lil Madre Tereża huma l-foqra, l-għomja, il-morda u l-poplu abbandunat ta’ Kalkutta. Hi u l-Ordni tas-Sorijiet li waqqfet, bdew jipprovdulhom skejjel, djar, mediċini u fuq kollox attenzjoni.
Madre Tereża twieldet fl-Albanija u tgħammdet bħala Agnes Gonxha Bojaxhiu. Meta kienet għadha tattendi l-iskola kienet taf li riedet taħdem fost il-poplu fqir tal-Indja. Ta’ 19-il sena daħlet bħala għalliema f’kunvent f’Kalkutta, fejn saret Sister Theresa.
Għallmet għal għoxrin sena, iżda d-dispjaċir tagħha dejjem baqa’ jikber meta bdiet tara n-numru enormi ta’ nies foqra madwarha. Fl-aħħar qatgħetha li tmur tgħix u taħdem fosthom. Fetħet skola għat-tfal tas-slums u bdiet twassal ikel u mediċini lil dawk fil-bżonn.
Fetħet refuġju għall-moribondi u trabi abbandunati. Imbagħad waqqfet Ordni ġdida ta’ sorijiet, dedikati biex jgħinu lill-foqra u lill-morda.
Aħbarijiet tal-ħidma tagħha ġrew mhux biss f’Kalkutta iżda mad-dinja kollha. Madre Tereża rebħet ukoll il-Premju Nobel għall-Paċi, għall-ħidma tagħha fost il-morda u l-poplu oppress.
Għall-bidu, in-nies tal-lokal kienu suspettużi minn Madre Tereża. Ħasbu li riedet tikkonvertihom fi Nsara u talbu lill-pulizija jagħlqulha d-dar tagħha. Il-Kummissarju tal-Pulizija qabel li jagħmel dan, kemm-il darba jinstab xi ħaddieħor li jwettaq il-ħidma siewja li bdiet hi. Id-Dar baqgħet miftuħa.
Il-ħidma ta’ Madre Tereża mal-foqra kienet fl-Indja iżda l-Ordni tas-Sorijiet tagħha, il-Missjunarji tal-Karità, jaħdmu mal-foqra, mal-morda u ma’ dawk fil-bżonn, fil-pajjiżi kollha tad-dinja.