Il-Fantażma fl-Appartament

Charmaine Tanti M.A.

L-ikbar biża’ li kellhom Elise u Luca kienet mill-fantażmi. Meta ġieli kienu jmorru għand in-nannu Ġużi, u kien jibda jirrakkuntalhom xi storja tal-waħx, malajr kienu jsoddu widnejhom, u jitilqu jiġru `l hemm. Ma kinux ċerti jekk il-fantażmi kinux jeżistu għax qatt ma kienu rawhom, sakemm ġrat xi ħaġa mhux tas-soltu.

Kienet lejla sajfija fl-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju. Kienet sħana toqtol, u għalhekk Luca u Elise ma ħasbuhiex darbtejn, u ħarġu fit-terazzin għall-frisk. Id-dawl isfar ċar tal-arblu tad-dawl kien idawwal it-triq kollha, li dak il-ħin kienet baħħ. Elise u Luca ma beżgħux b’daqshekk, u ntefgħu bilqiegħda fuq is-siġġijiet tal-injam. F’daqqa waħda, raw id-dawl mixgħul fl-appartament ta’ quddiemhom, u nħasdu. Dak l-appartament kien ilu żdingat xi għoxrin sena, skont ma darba kien qal il-papa`. Allura min kien xegħel id-dawl? Meta semmewlu l-biċċa tad-dawl fl-appartament, qabel ma marru jorqdu, il-papa` ma ħax għalihom, u ħaseb li kienu qegħdin joħolmu mqajmin. Huma komplew jinsistu li ma kinux bi ngħas, u huwa  qatagħha li l-għada joħroġ fit-terazzin, u jara b’għajnejh jekk kellhomx raġun jew le.

Iżda oħroġ l-għaġeb, l-għada fl-appartament ma deher ebda dawl mixgħul. Il-papa` dam għal-ħin twil fit-terrazzin apposta sabiex jikkonferma li wliedu kienu raw ħażin. Din l-istorja kompliet sejra kuljum, u Luca u Elise baqgħu ma ġewx emmnuti. Darba fettlilhom jgħidu b’kollox lin-nannu Ġużi. Huwa aktar kompla jqallbilhom moħħhom meta qalilhom li x’aktarx kienu qegħdin jaraw fantażma. Imbagħad, staqsewh għala l-papa` qatt ma jara xejn, u hu weġibhom li l-fantażmi ma jarahomx kulħadd. Kliem in-nannu werwirhom aktar mill-bard ta’ Jannar, u minn dakinhar `l hemm ma ħarġux iżjed fit-terrazzin. Lanqas baqgħu joħorġu għall-passiġġati ma’ Nadia u Gordon, ma jmurx isibu l-fantażma ma’ wiċċhom, u jieħdu xi qatgħa, li jibqgħu jiftakruha.

Għodwa waħda, il-mama` kienet għand Marjo tal-ħaxix, u semgħet lil xi ħadd jgħid li l-Perit Fava kien qiegħed jiffrekwenta l-appartament il-mitluq ta’ Triq il-Merill filgħaxijiet fit-tard, għax kien beħsiebu jdawru f’ħanut tal-ħwejjeġ u d-drappijiet. Il-mama` fetħet par widnejn daqsiex, u marret fil-pront isserraħ ras Elise u Luca, li fl-appartament ma kienx hemm affarijiet strambi. Huma mill-ewwel ħadu r-ruħ, u wissew lin-nannu Ġużi biex qatt iżjed ma jsemmilhom il-fantażmi għax kien faqgħalhom rashom b’ħafna ħmerijiet u beżgħat fiergħa. In-nannu ma tkellem xejn, u qabad ifittet il-biskuttelli fit-te biex ma jmurx jibda  jirrakkonta  xi storja dwar l-iħirsa, u jkun il-kaġun li Elise u Luca ma jagħlqux għajn m’għajn billejl. Lin-nanna Marija qatt ma emminha li l-fantażmi ma jeżistux, imma l-ġrajja li għaddew minnha Luca u Elise tat raġun lilha u mhux lilu. Il-mama` u l-papa` qatt ma interessaw ruħhom fil-fantażmi u lin-nannu kemm-il darba qalulu biex ma jaħlix ħinu jaqra l-istejjer dwarhom għax kienu kollha mibnijin fuq l-invenzjonijiet. Imma għaliex lin-nannu ħadd ma kien jikkonvinċih? Tgħid għax kellu rasu iebsa jew għax tassew kien jemmen kulma jaqra u jisma’ fuq il-fantażmi? It-tweġiba hu biss kien jafha u żgur li ma kien se jgħidha lil ħadd.