minn Charles B. Spiteri
Kalkulatur ‘tal-but’, rari u eċċezzjonali, li jmur lura għas-seklu 17, mistenni li jinbiegħ f’irkant għal xejn inqas minn €117,315.
Il-magna tal-aritmetika hi waħda mill-ewwel apparati tal-kalkulazzjoni li għadha teżisti u hi meqjusa bħala waħda li ġġorrha faċilment.
Din il-pocket calculator irkantata minn Christie, hi waħda minn erbgħa li baqa’ fid-dinja. Kienet saret minn Renè Grille de Roven, arluġġar u bniedem mekkaniku Pariġin, għar-Re Luiġi XIV.
Minn dak li jirriżulta, il-magna, li hi tal-injam fiha qies ta’ 15-il ċentimetru wisa’ bi 32 ċentimetru tul, u nħadmet fl-1673.
Nistgħu faċilment ngħidu li s-seklu 17 sa l-ewwel invenzjonijiet ta’ għodod ta’ kapaċità biex jgħinu fil-kalkulazzjonijiet aritmetiċi, ukienu bażati fuq il-logaritmika ta’ Napier. Intużaw ferm mix-xjenzjati ta’ dak iż-żmien, biex jimmultiplikaw u jiddividu.
Dan l-apparat tal-kalkulazzjoni, li se jkun irkantat, jinsab f’kaxxa tal-injam tal-ġewż u fih 24 arloġġ, imqegħdin fi tliet ringieli ta’ tmienja ’l waħda, mal-għatu tiegħu.
Mit-tliet eżemplari l-oħra ta’ dan il-kalkulatur, tnejn jinsabu fil-Musée des Arts et Métiers f’Pariġi u l-ieħor fil-kollezzjonijiet tal-IBM fi New York.