
F’Malta u Għawdex m’aħniex imxaqilbin fuq il-mixi jew is-sewqan tar-roti; għalkemm hawn ġibda u xewqa u ħajra għaċ-ċaqliq tal-ġisem: tlielaq, roti. Maratona li seħħet fit-22 ta’ Frar 2015. Hemm waqtiet fejn ikollna nħallu l-karozza u nimxu: il-mixi hu sagrosant, bih ngħixu, bih niltaqgħu, tajjeb li niftakru u nwettqu mġiba ta’ ħarsien.
Int u miexi ħares ’l hemm u ’l hawn. Ara fejn miexi ħaddieħor, tiqafx titkellem taħt il-bankini; hemm jgħaddu l-karozzi suppost jarawk u jevitawk. Imma mhux kull sewwieq ta’ karozza jagħmel hekk.
Ara daqsxejn il-gazzetti, isma’ r-radju jew televizjoni u tintebaħ kemm tfal, żgħażagħ, mdaħħlin fiż-żmien ħallew ħajjithom jew huma u jaqsmu fuq il-faxxi bojod tat-traffiku jew fuq bankini jistennew tal-linja u dak li qabel kien ġisem sabiħ u b’saħħtu jew jgħaddi, issa jinsab mkisser jew bla ħajja.
Ħadd ma jaħsillek wiċċek biex tkun aħjar minnu u anqas fit-toroq u fuq il-bankini. Ħu ħsieb saħħtek, ilbes ħwejjeġ jixegħlu bil-lejl fejn tagħti fil-għajn u tidher: b’hekk sewwieqa ta’ karozza u roti jarawk. Taqsamx bl-addoċċ! Ieqaf u ħares u erġa’ ħares. Aħjar uff milli ahh. Saħħtek tiswa: ħarisha u ħalliha sħiħa.
Is-Saħħa t-tajba !