
Għaddasa prima, li hi magħrufa għall-ħila tagħha mal-klieb il-baħar, dan l-aħħar inġibdilha filmat, tqiegħed idha f’ħalq din il-ħuta, biex taqlgħalha sunnara li weħlitilha fil-fond ta’ garġiha.
Hekk kif il-klieb il-baħar bdew iduru ma’ ħabibithom u ma’ għaddasa oħra li niżlu magħha fil-baħar blu u ċar tal-Bahamas, it-Taljana Cristina Zenato, mingħajr biża’ ta’ xejn, tidher iddaħħal idha f’ħalq il-predatur u tneħħilha s-sunnara għal kollox.
Il-filmat juri wkoll lil din il-ħuta feroci tikkwieta fil-preżenza ta’ Cristina, u hekk kif din iddaħħlilha idha fil-fond ta’ ħalqha, lanqas tipprova tigdimha.
Jingħad madankollu, li taħt il-wetsuit tagħha, Cristina kellha libsa tal-azzar, ikkatinata rqiq. Hi rnexxielha traqqad lill-ħuta billi togħrkilha l-partijiet magħrufa bħala l-ampullae ta’ Lorenzini, li huma mijiet ta’ pori madwar imneħirha u ħalqha.
B’riżultat ta’ dan, il-ħuta tipparalizza ruħha sa madwar kwarta, u tidher rieqda f’idejn Cristina, li ilha twettaq dan ix-xogħol għal kważi 20 sena, iżda xorta waħda; dejjem tilbes l-ilbies protettiv biex tilqa’ għal xi gidma mhix mistennija.
It-talenti ta’ Cristina wassluha biex tkun magħrufa u mitluba għal xogħol mill-produtturi ta’ filmati u dokumentarji televiżivi u s’issa ħadmet mad-dinja kollha, fosthom ma’ organizzazzjonijiet bħall-BBC, Discovery, Nat Geo, ABC, Science and Nature.
Hi wkoll il-mexxejja ta’ tim ta’ għaddasa tas-Soċjetà ta’ Esploraturi ta’ taħt il-Baħar (UNEXSO) fil-Gżira Grand Bahama.