Il-personalità tat-triq

Bħal kull ħaddieħor, ta’ tfal nimpressjona ruħi b’xi persunaġġ li jissemma l-aktar fit-triq. Hawnhekk, fil-Blata l-Bajda, hawn numru ta’ nies li jistgħu jitqiesu bħala personalitajiet; fosthom is-Sur Ġużè Schembri li jieħu ħsieb il-bini tal-kappella tal-Museum. Iżda dan l-aħħar nibet ieħor, li għandu arja ta’ fiduċja fih innifsu. Għadu ġuvni b’xahar innukklat, bl-isem ta’ Guido de Marco. Nismagħhom jgħidu li qed jistudja għal avukat.

Joqgħod f’appartament quddiemna. Il-mamà tiegħu, is-Sinjura Giovanna hi tal-istess età tan-nanna tiegħi u tgħidx kemm tħobbni. Hekk kif noħorġu mill-quddiesa tkellem daqsxejn lin-nanna u tmellisli xagħri. Nannti tgħidli li ilhom ħbieb minn ħafna qabel ma twelidt jien. Tirrakkuntali li fil-gwerra kienu fl-istess xelter u Guido, li hu tampar ommi  u z-zija Connie, kien iħobb jistudja ħafna. Kien jinżel fix-xelter bil-kotba miegħu u joqgħod jistudja fid-dawl tax-xema’. Meta jixba’ kien jieqaf ftit u jintasab idoqq il-kitarra.

Il-papà tiegħu, Emanuele, qisu Churchill. Narah jixbħu ħafna. Il-ħarsa tiegħu tinfed. Lili jitbissimli, waqt li jbaxxi ftit għajnejh u jagħfas xufftejh ma’ xulxin. Iżda minkejja dan, meta narah nitrekken man-nanna u nipprova ma nħarisx lejh.

Maż-żmien, u sewwasew issa, fl-1955, Guido laħaq avukat. Il-mamà tiegħu se tagħmillu festin għal għarrieda. In-nanna mistiedna u qaltli li se toħodni magħha. Kemm naqsmu t-triq u nitilgħu ftit taraġ tal-appartamenti, fejn toqgħod il-familja de Marco. Iz-zija Connie libbsitni pulit u għandi ftit ordnijiet għat-thank you u no thank you.  Ukoll kieku ma jgħidulix, naf x’irrid nagħmel, għax Guido issa laħaq. Mil-lum Doctor.

Fl-appartament fejn joqgħod, diġà nġbarna numru mdaqqas ta’nies. Kulħadd jgħid tiegħu. F’salt wieħed, qed jaqa’ kwiet taqtgħu b’sikkina. Jinstama’ ħoss ta’ karozza. Hu Guido l-avukat, li ġie bil-karozza tiegħu tal-marka Dauphine. Jipparkjaha u tiela’ t-taraġ bla ma jaf x’hemm jistennieh. Tlett irġiel, tnejn minnhom l-aħwa Saliba, ħut Violet, l-għarusa tiegħu, lesti għalih biex jagħtuh is-sorpriża u hekk kif jasal ħdejn il-bieb arahom ħerġin u jerfgħuh fuq spallejhom. Qishom ma ntebħux li l-bieb ma jiħux it-tul ta’ persuna u nofs bilwieqfa. Għalhekk daqsxejn ta’ storbju u kommozzjoni, għax lil Guido se jħabbtulu rasu mal-blata tal-bieb. Daqshekk damet is-sorpriża li damet żmien titħejja.

Ferħan se jtir, Guido qed idur u jifraħ b’dawk kollha preżenti. Kulħadd jitbissimlu u joħodlu b’idejh. Dalwaqt se jasal ħdejja. Ma nafx x’se naqbad ngħidlu. Żgur li mhux thank you  jew no thank you!  Jasal, qed jitbaxxa kokka u jgħaddili jdejh mgħaġġla minn fuq xagħri. Nidħaqlu. Issa qed jgħannaq lin-nanna.

Is-Sinjura Giovanna miexja warajh tkellem hi wkoll lin-nies bid-dmugħ f’għajnejha u bil-ferħ jiddi f’għajnejha. Avukati ma jilħqux sikwit u lanqas kull sena! U meta jilħqu jkunu f’numru żgħir. Għalhekk, okkażjoni bħal din hi xi ħaġa rari.

Għaddej l-ikel u x-xorb. L-atmosfera hi ferrieħa għall-aħħar. Min jaf qalb Guido xi tħabbat, issa li laħaq avukat wara tant snin jistudja. Anki l-għarusa tiegħu tidher ferħana daqsu. Wara ftit sigħat, li għaddew bħal minuti, kulħadd jirringrazzja lill-familja de Marco u qed jieħdu mill-ġdid b’id l-avukat.

F’widnejja qed nisma’ mistoqsija ta’ xi ħadd itwal minni fuq il-futur tal-avukat. U s-Sinjura Giovanna qed twieġeb li x-xewqa tagħha hi li tarah Imħallef.

Żmien aktar tard, għadni fl-iskola primarja, l-avukat de Marco ħiereġ għall-elezzjoni. Qed ningħata salt ritratti tiegħu bil-kitba fuqhom ħalli n-nies jivvutaw lilu u jagħtuh in-numru wieħed, u jien u nieżel id-dar mill-iskola  qed inqassamhom flok pustier, taħt il-bibien tad-djar tan-nies.