Is-sena 1959. Bdiet dieħla l-kumdità fid-dar. Il-bieraħ mingħand Ġorġ il-Pintley, in-nanna xtrat Falks u forn.
Il-Falks qisu kaxxa rettangulari. Għoli xi żewġ piedi u nofs mill-art, b’wiċċ ta’ madwar tliet piedi tul u fond xi għaxar pulzieri u fil-ġenb, apparti din il-kaxxa għal żewġ kuċinieri tal-bott, għandu flixkun tond tal-ħġieġ b’dijametru ta’ disa’ pulzieri, li joqgħod rasu ’l isfel. Dan il-flixkun jimtela bil-pitrolju u jingħalaq b’tapp bil-kamin li għandu qisha molla fit-tarf. Meta jinqaleb wiċċu ’l isfel, il-pitrolju jgħaddi minn ġo kanna apposta, li hemm mal-Falks u jitwassal sal-ġewża tal-kuċinieri, li ma joħdux ftejjel, għax il-pitrolju jinbidel f’gass. Biex tixgħel waħda, trid iddawwar il-manku tal-kuċiniera n-naħa tal-lemin, biex jitwassal il-pitrolju sal-ġewża u tressaq lejha s-sulfarina mixgħula.
Xħin in-nanna jew iz-zija Connie jixegħluhom it-tnejn, il-kċina tisħon ġmielha u l-ikel qisu jsir aktar malajr milli fuq il-Valor. Madankollu l-Primus issajjar qablu, għax il-fjamma tagħha tagħti aktar nar, iżda kultant ikollha l-ġewża maħmuġa u tintefa. Ġieli noqgħod innaddafha jien. Imbagħad jew nixgħelha bi ftit spirtu tal-kuċinieri, ta’ lewn vjola sabiħ, jew intella’ ftit pitrolju minnha stess billi nippumjaha mill-pum fuq quddiem tagħha u nagħtih sulfarina. Xħin il-fjamma tal-ispirtu jew tal-pitrolju tkun se tintefa, nerġa’ nippumpjalha, u permezz ta’ labar apposta, li wkoll nixtrihom mingħand Ġorġ il-Pintley, noqgħod inseffdilha t-toqba f’nofs il-ġewża. U n-nar iħaġġeġ.
Il-forn li għandna hu tal-landa. Il-lewn tiegħu hu iswed u fih xi aħdar. Kbir daqs il-Fox u joqgħod sew fuqu. Il-forn ma fihx qiegħ u għalhekk kollox jissajjar bis-sħana li titla’ mill-bottijiet ta’ taħtu. Meta l-forn tal-Ħadd isir id-dar fuq din l-invenzjoni l-ġdida, niffranka mixja sa għand Ġużeppi tal-kafè u l-imbuttaturi tan-nies li jkun hemm, li lkoll ikunu jridu d-dixx tagħhom appena jaslu.
Fit-togħma l-ikel jiġi bnin ukoll. Kulma naħlu hu l-ftit pitrolju tal-flixkun, għalkemm flixkun mimli jservina aktar minn erbat ijiem. Meta jiżvojta, għalkemm qatt ma nħalluh jinxef qoxqox, nieħu gost nimlieh jien. Fil-bitħa t’isfel għandna tank apposta, li fih nixtru l-pitrolju. Allura naqbad il-lembut, inqiegħdu f’għonq il-flixkun u nimlieh sa ftit inqas mit-tapp. Imbagħad nagħlqu, nieħdu ħdejn il-Falks, u naqilbu malajr biex ma nwaqqax pitrolju fl-art.
Kull tant żmien, xorta mmur għand Ġorġ biex lin-nanna nixtrilha l-ftejjel tal-Valor. Biex nibdel waħda, naqla’ l-parti ta’ fuq, inħoll il-ħadida li żżomm il-ftila fit-tond – bħal tal-lampi tal-pitrolju – u bil-kalma nneħħi l-ftila l-qadima u nagħmel il-ġdida minflokha.
Max-xiri tal-Falks, Ġorġ tana qisha xkupilja tonda tal-landa, biex meta nwaħħlu l-ftila l-ġdida tal-Valor, indawru l-wiċċ tagħha biha. B’hekk il-fjamma tal-ftila tkun ta’ kulur blu, kif suppost.
F’Novembru, ngħin lin-nanna tagħmel il-pudini tal-Milied. Indumu ngħassdu mhux ħażin fix-xaħam, lewż, passolina, żbib u kulma mmur nixtri minn qabel mingħand Marija tal-grocer. Meta t-taħlit ikun lest, nidilkilha s-sjuni bil-marġerina u nimlewhom bl-ingredjenti mħalltin.
Il-bottijiet tal-Falks nixegħluhom it-tnejn, u fuq kull waħda nagħmlu pudina f’borma bl-ilma jagħli, li jkun iwassal sa ftit inqas mill-wiċċ tas-sjuna. Qabel, ngħattulhom il-wiċċ b’karta strazza u biċ-ċraret u norbtuhom sew bl-ispag, biex meta jagħli ma jfurx. U l-erbat itruf taċ-ċraret norbtuhom flimkien bl-għoqod ’il fuq mill-isjuni, biex meta rridu noħorġu s-sjuna mill-borma, naqbduha minnha.
Issa anki meta rridu nagħmlu kejk nistgħu nagħmluh bħal tal-ħwienet. Sa ftit ilu biex nagħmlu wieħed id-dar, ridna nużaw il-bakewell, jew borma forn u l-kejk jiġi b’tundjatura vojta fin-nofs. Ara la jkolli l-birthday u jagħmluli kejk għall-iskola, kif se jkun speċjali minn tat-tfal l-oħra! S’issa, ħafna ommijiet jieħdu l-kejkijiet tagħhom fil-fran barra minn djarhom, fil-laned tal-kunserva!