Tmermir

Joseph Henry Abela, Qassis

altIl-ħlewwa tiġbdek u l-gost ipaxxik u għalhekk minn barra jidher li kollox b’saħħtu. Trid tara ġewwa x’hemm. Meta bniedem tal-affari tiegħu jixtri dar, ifittex perit biex jgħarbel jekk id-dar fihiex nuqqasijiet moħbija u b’hekk ikollu rasu mistrieħa li daru soda.

F’dak kollu li tagħmel, li tfittex, li jseħħ f’ħajtek, ħares ‘il quddiem u għid għaxar snin oħra kif se nkun, u kif inħossni mhux biex tkun issikkat f’ħajtek, iżda jkollok inqas dispjaċir ‘il quddiem u inqas kobob li ma tistax tħoll. Ħafna kienu dawk li fetħu toroq u daħlu fi sqaqin għax ma xtarrux għażilthom qabel. Idħol fil-qalba, ara x’hemm b’hekk biss ma jkollokx kollox immermer mingħajr ma taf.

Għax mhux kull ma jleqq deheb u dak li jsaħħar issa jista’ jbikki bil-qawwa wara tul ta’snin.

Din id-drawwa li ninqdew u narmu, li nbiddlu dak li ma jogħġobniex tista’ tagħmilna bnedmin tal-qoxra u li naqtgħu mingħajr ma’ naħsbu.

Min jaqta mingħajr ma jqis, minn mitt jarda ma’ joħroġx qmis! Aħseb u erġa’ aħseb jaqbel lilek.