Sojourner Truth (1777–1883)

Charles B. Spiteri

Charles B. Spiteri

alt

Sojourner Truth twieldet fil-jasar. Meta nħelset ivvjaġġat u qasmet l-Istati Uniti, tipprietka l-libertà u l-ugwaljanza għan-nisa u l-poplu iswed.

Il-post li fih twieldet Sojourner kien razzett fl-istat ta’ New York, u ngħatat l-isem ta’ Isabella. Inbiegħet kemm-il darba, u qabel ma nħelset mill-jasar fl-1826 kienet iżżewġet lil skjav ieħor. Daħlet taħdem bħala seftura f’diversi djar tas-sinjuri fi New York. Uliedha wkoll kienu lsiera, u xtaqet immens li tarahom jingħataw il-libertà.

Fl-1843 qatgħetha li tivvjaġġa minn post għal ieħor, tipprietka. Ħadet l-isem ta’ Sojourner Truth għax ma riditx tibqa’ bl-isem li ngħatalha meta kienet ilsira. Kullimkien ippritkat li l-ilsiera kellhom jinħelsu, u ngħaqdet fi grupp li ried li tinqered l-iskjavitù u li emmen li n-nisa kienu qed ikunu trattati b’mod ħażin għall-aħħar. Meta aktar tard l-iskjavitù kienet abolita, Sojourner baqgħet f’Washington biex tgħin lill-iskjavi liberati jibdew jgħixu ħajja ġdida u biex tipprotesta kontra d-diskriminazzjoni razzjali li ppruvat iżżommhom stmati ħażin bħalma kienu miżmumin qabel.

Ħafna nies ma qablux ma’ Sojourner Truth. Qassis kien saħaq li jekk Alla kien tal-fehma li n-nisa jkunu ugwali għall-irġiel, kien jibgħat sinjal permezz ta’ Ġesù Kristu. Sojourner wieġbet li Kristu twieled minn Alla u minn mara, u li r-‘raġel’ ma kellu x’jaqsam xejn miegħu.

Peress li Sojourner Truth la kienet taf tikteb u lanqas taqra, irrakkuntat l-istorja tagħha lil ħabib biex in-nies ikunu jafu kemm kienet kerha l-ħajja ta’ lsira.

Sojourner Truth iltaqgħet mal-President Lincoln biex tinkoraġġih jiġġieled kontra l-istati tan-naħa t’isfel, fejn kien hemm ħafna lsiera. Talbitu wkoll biex iwaqqaf il-kummerċ tal-ilsiera.