Kollezzjoni fl-għar ta’ Aladin

Charles B. Spiteri
Teżor enormi ta’ karozzi klassiċi, li jiswew madwar €27,390,400, inkiseb min-neguzjant f’wieħed mill-akbar negozji privati li qatt sar fl-istorja Britannika.
 
John Collins xtara din il-kollezzjoni impressiva ta’ 27 karozza li jinkludu mudelli bħal Ferrari, Mercedes, Porsche u Lamborghini.alt
 
Fosthom hemm ukoll Aston Martin One-77 u Ferrari 288GTO, li bħalissa huma fost l-aktar karozzi klassiċi apprezzati għall-ħeffa tagħhom.
 
Il-maġġoranza tal-karozzi qajla ntużaw, tant li Lamborghini LP500S tal-1982 għamlet biss 500 mil.
 
Il-kollezzjoni kienet moħbija f’maħżen barra Londra, u kif sar jaf biha, is-Sur Collins ħaffef biex jinneguzjaha.
 
B’kollox kiseb erba’ Aston Martins, 11-il Ferrari, Jaguar, erba’ Lamborghini, ħames Mercedes u żewġ Porsche.
 
Numru mill-Ferraris jiswew aktar minn €1.4miljun, waqt li Jaguar E-Type tal-1965, għad għandha biss fuq l-arloġġ, 2,605 mili.
 
Is-Sur Collins li għandu negozju tal-karozzi f’Berkshire qal li s-sid kien bena l-kollezzjoni tiegħu f’dawn l-aħħar 20 sena. F’salt wieħed iddeċieda li jbigħ kollox f’daqqa. Ikkuntattjawh u qatagħha li jixtrihom.
 
Jirrakkonta li meta mar jara u fetħulu l-maħżen skanta qatigħ għax immaġina li qiegħed fl-għar ta’ Aladdin. Il-karozzi kollha kienu speċjali.
 
F’ġimgħa mindu xtrahom, kien ġa biegħ għaxra. Mill-karozzi speċjali li fadallu, għadu Aston Martin DB5, bħall-mudell misjuq minn James Bond u Lamborghini Miura, il-vettura meqjusa minn bosta bħala s-supercar oriġinali Taljana.