BEZZUN / BUZZUN Kontenitur li fih fl-antik kien jinżamm il-ġelat f’temperatura kiesħa biex dan ma jinħallx. ĠELAT TAL-BEZZUN Dan hu dak il-ġelat, l-aktar granita, li jisserva wara li jittella’ bil-kuċċarun jew mgħarfa minn dan il-kontenitur. Il-bezzun tal-ġelati kien jintuża biex jinħadem il-ġelat fih. Kien jgħaqqad il-ħalib, il-krema, iz-zokkor u l-essenza biex isiru ġelat. Il-ġelat kien jitqiegħed ġol-frak tas-silġ miżjud bil-melħ. Il-melħ iniżżel it-temperatura minn 0 ċentigradi għal-4, u b’hekk jgħaqqad il-ġelat. Barra minn hekk xi ħadd kien fl-istess ħin joqgħod idawwar il-bezzun fis-silġ biex il-ġelat ikun jista’ jagħqad. Mingħajr id-dawrien it-taħlita tal-ħalib ma kinetx tkun tista’ tagħqad. Il-ġelat jibqa’ fil-bezzun sakemm dan jitqassam.
2. Nefħa fil-ġisem, li normalment titla’ meta wieħed jaqla’ xi daqqa. Etimoloġija mill-Isqalli bozzone; bil-Malti nefħa, bozza, oġġett minfuħ.
3. Għamla ta’ ħobż (fancy bread) li normalment jittiekel bħala snekk, id-dar jew fuq ix-xogħol, mill-ħaddiem jew waqt xi ħarġa fil-kampanja. Dan jinqasam bis-sikkina biex jiddellek bil-butir eċċ. u fih jitqiegħdu perżut, ġobon u affarijiet bħal dawn. Etimoloġija mill-Isqalli pizzuoni; mit-Taljan pezzo.