Victoria (1819–1901)

Charles B. Spiteri
altVictoria kienet Reġina tal-Brittanja meta din kienet l-aktar nazzjon b’saħħtu fid-dinja. L-Ingliżi ggvernaw artijiet mad-dinja kollha, b’mod li tawha imperu li fuqu “x-xemx ma niżlet qatt.”
Victoria saret Reġina meta kellha 18-il sena. Fl-1840, iżżewġet lil kuġinuha, Albert, li kienet tħobb b’imħabba tal-ġenn u li minnu kellha disa’ ulied. Hi kienet toqgħod fuq żewġha għall-għajnuna u l-pariri. F’dawk iż-żminijiet fil-Brittanja kien qed isir tibdil kbir u Albert kien entużjast għat-teknoloġija l-ġdida kollha u għall-kummerċ. Inbnew il-fabbriki tat-tajjar u tal-azzar u f’temp qasir l-irħula nbidlu fi bliet.
Il-Brittanja kienet l-ewwel pajjiż li timmanifattura kwantitajiet ta’ prodotti bi prezz irħis. Il-materji prima kienu jitwasslu mill-pajjiżi taħt idejn l-imperu u b’hekk il-Brittanja saret sinjura u b’saħħitha.
Bl-inkoraġġiment ta’ Albert, fl-1851 saret l-Esibizzjoni l-Kbira f’Hyde Park, Londra. Għall-okkażjoni nbena padiljun enormi tal-ħġieġ, imsejjaħ il-Crystal Palace, u miljuni ta’ nies żaru l-esibizzjoni biex jaraw il-makni u l-invenzjonijiet ġodda.
L-iktar viżitatur importanti kienet Victoria nnifisha. Għaxar snin wara l-Esibizzjoni l-Kbira, Albert miet. Victoria waqgħet f’diqa kbira u għal snin sħaħ għexet għaliha weħidha. Il-popolarità tagħha niżlet, iżda sa tmiem ħajjitha reġgħet kisbitha. Meta mietet, l-imperu kollu sogħbbih għall-waqfien ta’ era qawwija.
Victoria nsistiet għall-manjieri tajba fost il-familja tagħha u n-nies madwarha. Jum minnhom, binha Bertie wasal tard għaċ-ċena. Qabel ma skuża ruħu, staħba wara kolonna bl-għaraq ixoqq għalih. Hi tatu ħarsa qasira u hu ħarab wara kolonna oħra fejn baqa’ sa tmiem l-ikla. Ta’ min isemmi li dak iż-żmien Bertie ma kienx tifel ċkejken. Kellu 50 sena!