Tgerbib is-snin u aktar iġjene

Is-snin qed jgħaddu ġmielhom. Ninsabu fl-1963. Għandi 12-il sena, u barra milli bosta affarijiet milli jirrakkuntawli n-nanniet u z-zijiet, jien ma niftakarhomx u għalija qishom xi ħaġa tal-ħolm, madankollu qed nixhed li ċerti tibdiliet qed iseħħu madwari b’mod mgħaġġel. Forsi għax il-ħtieġa hi omm l-invenzjoni.

L-aktar ħaġa li tispikka din is-sena, hi l-introduzzjoni tat-toilet paper bl-isem Tana. Pakkett b’żewġ rombli karti iġjeniċi għall-imsieħ tal-warrani.  Dawn ir-rombli jinsabu f’borża tal-plastik, li fuq il-faċċata tagħha hemm stampa tal-funtana ta’ Tritoni, li nħadmet mill-iskultur Ċensu Apap erba’ snin ilu.

Dan l-imbierek toilet paper  qed jirrivoluzzjona l-ħajja tagħna l-Maltin, għax sa ftit qabel ġie introdott, l-iġjene kien xorta oħra.

Hawn Malta, in-nanniet kienu draw iqattgħu kwadraturi ta’ drapp minn xi liżar qadim u jberflulhom l-erba’ nħawi biex iservu flok it-toilet paper. Ma’ rokna minnhom iħitulhom ħolqa, biex tiddendel ma’ musmar fil-kamra l-baxxa u kull min jidħol jinqeda, jieħu din iċ-ċarruta u jsib post nadif biex jużah.

Ta’ kuljum, din iċ-ċarruta kienet titneħħa u tintefa’ f’barmil taż-żingu li jkun fih l-ilma bis-sapun u ġieli ma’ oħrajn,  titħalla fih. F’xi ġranet, in-nanniet, l-ommijiet jew iz-zijiet, jaqbdu injama apposta u joqogħdu jdawru l-biċċiet użati għall-iskop ta’ iġjene, ħalli jnaddfuhom sew mit-tebgħat. Meta jidhrilhom li jkunu rħew sew, itellgħuhom mill-ilma tas-sapun u jgħalluhom fuq il-primus,  wara li jogħrkuhom bis-sapuna taċ-ċavetta – li hi sapuna ħadra jew safra, li qajla taħfinha f’id waħda – u fuqha hemm minqux muftieħ.

Wara l-ħasil u t-tlaħliħ ta’ dawn iċ-ċraret, il-qilla tax-xemx tagħmel tajjeb biex tkompli tneħħi għal kollox kull tifkira ta’ użu minn dik iċ-ċarruta.

L-istess isir fil-każ tat-trabi. Lil dawn ifisquhom f’ħarqa bi qlejba fuqha biex tmiss ma’ laħam it-tarbija, u jħammġu fiha. Il-ħarqa hi speċi ta’ xugaman u l-qlejba hi magħmula minn drapp irqiq u ifjen minntal-lożor.  Meta tarbija tħammeġ, jitwarrab il-ħmieġ, u l-ħarqa u l-qlejba jgħaddu mill-istess proċess taċ-ċraret l-oħra.

Jingħad li qabel is-snin ħamsin, għall-istess skop, in-nies adulti  kienu jagħmlu użu wkoll mill-ixkejjer bojod tad-dqiq. Wara, kien hemm ukoll min jaqta’ kwadraturi tal-paġni tal-gazzetti u jutilizza dawn il-karti. Min kien jagħmel hekk ma kienx jaf bid-dannu li seta’ jagħmel lil saħħtu.

Raġel anzjan imrobbi l-Qala, Għawdex irrakkuntali li jiftakar iż-żmien meta ta’ tfal żgħar, hu u ħutu kienu jmorru f’xatt il-baħar f’Ħondoq ir-Rummien wara maltempati qliel, li jtellgħu ċ-ċagħaq l-art. Minnhemm jiġbru ċ-ċagħaq ċatt, jitfgħuh fil-ġwielaq marbutin ma’ madmad u jmorru lura r-razzett. Hemm jaħslu ċ-ċagħaq fl-ilma tal-bir u jnixxfuh. Imbagħad iqegħduhom f’kannestri tal-injam ħdejn il-vaska tad-WC, li kien ikun ħdejn il-mandra tar-razzett, u jintużaw flok toilet paper.

Xħin użata, kull ċagħqa tintefa’ fi friskatur bl-ilma bis-sapun u meta ċ-ċagħaq jimtela mhux ħażin, idawruh b’injama u jitfgħu kollox f’rokna fil-ħamrija.  Żmien wara jerġgħu  jnaddfu ċ-ċagħaq fl-ilma nadif, inaddfuh u jerġgħu jużawh.