Telefonati minn Għawdex għall-Għassa tal-Pulizija biex ikellem lit-tfajla

Charles B. Spiteri

altMinn Charles B. Spiteri

In-natura tax-xogħol ta’ Anton Galea kienet il-fattur li laqqgħetu ma’ martu Mary. Anton hu minn Għawdex u rrakkuntali li beda jaħdem f’Malta bħala għalliem fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, fil-15 ta’ Settembru tal-1954. Xi ħmistax qabel kien irċieva notifika li kienu se jibagħtuh fl-iskola primarja tal-Kalkara, fi Triq is-Sienja.

Ommu kienet sabitlu biex joqgħod f’appartament, il-belt Valletta. Jiftakar li l-iskola kien mar jaraha flimkien ma’ ommu, waqt li xi ħbieb kienu ssuġġerewlha lill-familja Agius, li kienet disposta li tilqgħu għandha għall-ikla ta’ nofsinhar, matul il-ġranet tal-iskola.

L-Għawdxin kien u joqogħdu ġimgħa sħiħa Malta, bla tgergir u bla ħajm. Skont Anton, ‘‘ma konniex imfissdin!’’ Il-Marfa kienu jistennew il-vapur, li kien bla għata għar-ras. F’każ ta’ maltemp mhux ħażin, il-vapur kien jaħdem minn San Pawl il-Baħar. Hemm ma kellux ma’ xiex jitrakka u allura kienu joħorġuhom għal fuqu bil-luzzu. Kien hemm drabi li kien ikollu jaħdimha mill-Belt. U dak iż-żmien, meta kien ikun maltemp jibla’ l-art, vjaġġ għal Għawdex kien jieħu tliet sigħat! Kien hemm xi waqtiet li l-vapur ma kienx jaħdem u għalhekk Anton kien ikollu jibqa’ Malta mal-Għawdxin l-oħra u għal tmiem il-ġimgħa jinsew lil Għawdex.

Anton jiftakar ukoll li kien t-Tnejn 6 ta’ Diċembru 1954, li wara li spiċċa mill-iskola, mar biex jilħaq il-karrozza tal-linja tal-4.05p.m. mill-Kalkara għall-Belt. Kif bdiet tiċċaqlaq, il-kunduttur ġibed l-attenzjoni tax-xufier biex jistenna lil tnejn li kienu ġejjin jiġru.
Fl-antik, ċerti karozzi tal-linja kont issibilhom seats faċċata ta’ xulxin. Kif telgħu dawn it-tnejn, mara u xbejba, intasbu quddiemu, u bla ma riedu ġew iħarsu lejn xulxin. Jgħid li kienet love at first sight.

Ma setax igawdi wisq il-kumpanija tagħhom, billi niżlu fl-istage ta’ Bormla, fi Pjazza Gavino Gulia. Immaġina li kienu sejrin għall-festa tal-Kunċizzjoni, billi kien jonqosha jumejn. Minn dak il-ħin stess dik ix-xbejba, kienet daħlet f’qalbu.

Kif wasal il-Belt, mar l-appartament f’Sappers Street. Ħalla ftit tal-ħin isir u telaq lejn Bormla, bil-ħsieb li jerġa’ jiltaqa’ max-xbejba. Tajjeb jingħad li Bormla kienet qed tiċċelebra l-festa bil-kbir, billi dakinhar kellu jsir l-għeluq tas-Sena Marjana.

Ma kellux diffikultà li jagħrafha, l-aktar għax kellha xagħarha b’nokkli twal sa fuq spallejha, iżda l-ġiri mal-marċ, fit-triqat, sfalu fix-xejn.

Ġimgħa wara, kif kien jippassiġġa max-Xatt tal-Kalkara, waqt il-ħin tal-break, jisma’ antiporta tinfetaħ hekk kif għadda minn quddiem id-dar numru 42. Ħares lura u lemaħ lill-istess xbejba li kien tefa’ għajnejh fuqha, fil-bieb. Għadda minn quddiemha u daħqu lil xulxin. Dak il-ħin f’qalbu qal: ‘‘Din għad tkun tiegħi.’’

Bil-ħuttab

Madankollu Anton ma kellux il-kuraġġ ikellimha. Għalhekk ftiehem mal-ħabib tiegħu Joe Grech, Għawdxi wkoll, biex jinżel Malta u jqabbadhielu. Joe accetta mill-ewwel.

Għażlu ġurnata u filgħaxija qagħdu jippassiġġaw minn quddiem darha biċ-ċans li jarawha. Ftit wara rawha nieżla mill-Mina tal-Kalkara u baqgħet sejra d-dar. Ħalliet l-antiporta miftuħa u bdiet tkanta l-Va Pensiero mal-pjanu.

Joe, bla ma qagħad jaħsibha, baqa’ dieħel fuqha u qalilha: ‘‘Hemm Anton barra, irid ikellmek.’’ U minn dakinhar, qabdu flimkien.

Fl-ewwel darba li ħarġu sar jaf li kien jisimha Mary Tabone. Kellha sittax-il sena, b’żewġ ħutha bniet akbar minnha, Rosette u Hilda. Kienet twieldet il-Birgu, iżda wara l-gwerra marru joqogħdu l-Kalkara. Kienet tattendi l-iskola St. Joseph ta’ Raħal Ġdid. Xi ġranet wara, billi kien wasal il-Milied, taha rigal żgħir: Flixkun fwieħa bi statwa ta’ Eros fuqu. Hi tatu arloġġ forma ta’ globu.

Ma damux wisq kwiet u ferħana, għax b’xi mod, ommu saret taf bix-xbejba. Hi xejn ma kienet ħadet gost bl-affari, billi ma kellha l-ebda ħjiel fuqha. Dlonk niżlet Malta u fetħet qalbha mal-familja Agius. Din qaltilha: ‘‘Hi… dawk ta’ Tabone jiġġu minna! Dik familja sewwa!’’

Ommu ħadet ir-ruħ, iżda xorta marret tistaqsi lill-Kappillan tal-Kalkara, Dun Karm Xuereb. Dan, fost ħafna affarijiet qalilha: ‘‘Mur moħħok mistrieħ, għax huma familja tajba u eżemplari.’’

Omm Mary ma ħadithiex tant bi kbira, iżda xorta fittxet parir mingħand il-konfessur tagħha, ċertu Patri Krispin, Kapuċċin, li kien iservi fil-knisja Santa Liberata, fil-Kalkara stess. Dan kien Għawdxi u kien jaf sew lill-familja ta’ Anton. ‘‘Ċettina,’’ qalilha. ‘‘Tassew li għadha żgħira. Ittellifulhiex… Kollox sew, oqgħod moħħok kwiet.’’ Minn hemmhekk ’il quddiem bdiet relazzjoni mill-aqwa bejn il-familji Galea u Tabone.

Telefonati fl-Għassa

Meta kien ikun Għawdex, kien iċempel fl-Għassa tal-Pulizija tal-Kalkara, li kienet tefgħa ta’ ġebla bogħod mid-dar ta’ Mary, u l-pulizija kienu jmorru jgħidulha tmur tkellmu. Min-naħa tagħha hi kienet iċċempillu għand il-ġirien.

Wara xi żmien, Mary stiednet lil Anton id-dar tagħha biex tlaqqgħu mal-familja tagħha. Missierha kien miet meta hi kellha seba’ snin u għal Anton din kienet iktar ħaġa formali, għax kien diġà ilu jkellimhom. Ommu, mill-banda l-oħra, stednitha d-dar tagħhom ukoll. Wara, Mary kienet ta’ spiss taqsam il-fliegu biex tgħaddi ġranet sħaħ għandhom, speċjalment fil-festi.

Min-naħa tagħha Mary tiftakar li l-ewwel darba li rifset l-art Għawdxija kien fi Frar tal-1955, meta marret ma’ oħta, is-sopran Hilda, għall-kunċert li kien sar fil-British Institute, illum iċ-Ċentru Laburista fir-Rabat, Għawdex. Fl-erba’ snin li Anton għamel Malta, hu u Mary kienu jiltaqgħu kuljum. Mary kellha l-ewwel xogħol tagħha bħala secretary shorthand typist ma’ Bernard’s il-Belt, u wara ma’ Surgeon Commander Coode, fl-isptar Bighi.

Il-passiġġati

Il-ħarġa tagħhom kienet tkun xi passiġġata max-xatt tal-Kalkara, xi mixja lejn l-Irnella jew il-Kapuċċini, jew jaraw xi film fil-Gem Cinema tar-raħal stess.

Mary tirrakkonta li f’April tal-1956 kienet marret Għawdex ma’ oħtha għall-prova mal-Banda Leone, billi kellha tkanta fl-Innu ta’ Santa Marija tas-surmast Cescimanno. Anton jiftakar li l-prova saret fis-sala tat-talkies Royal Theatre tal-istess soċjeta’ fi Triq l-Arċipriet Cassar, fir-Rabat, Għawdex. Billi hu kien tal-partit oppost, kien qisu ħuta barra mill-ilma. Kif rah hekk, is-Sur Ġużi Tabone daru fuqu u qallu: ‘‘Tħabbilx rasek tafx. Qis li tħossok at home!’’

Wara sentejn u nofs li kienu ilhom jafu lil xulxin bdew jaħsbu biex jiżżewġu. Anton kien wera x-xewqa li joqogħdu Għawdex, u hi aċċettat. Dak iż-żmien kien rari ferm li mara Maltija miżżewġa tmur tgħix Għawdex! Kienu sabu appartament fil-Fontana u krieh. Ommha, li ma kinitx taf bil-pass tagħhom, billi ma wrewhiex, bdiet ittektkilhom ħalli jikru f’Malta. Flimkien, marru jaraw xi djar, appartamenti u mezzanini fil-Birgu u fil-Kalkara. Anton dejjem ġabilha xi skuża, li jew l-ambjent ma jogħġbux, jew li t-triq dejqa wisq, jew id-dar mudlama u b’ħafna taraġ…

Diqa ta’ omm u San Ġorġ

Fl-aħħar qalilha li se joqogħdu Għawdex u li diġà krew. Ma kinitx kelma. Għaliha kienet qisha waslet l-aħħar tad-dinja u ma mititx dakinhar, għax Alla tal-ħniena. Kienet daret fuq bintha u b’diqa kbira bdiet ittennilha ‘‘Għandek qalb, wara li tlift lill-papà ta’ età żgħira, tinfired minni’’ Dak il-ħin Mary donnha ħasset bħal daqqa ta’ stallett f’qalbha.

Ħabat li dak iż-żmien Anton kien ikellem spiss lil San Ġorġ Preca. Kien ħa ħafna pariri mingħandu u dejjem mexxieh fit-triq it-tajba. Għalhekk qatagħha li jmur ikellmu l-Ħamrun. Dun Ġorġ kien qallu: ‘‘Tibżax, Mary tiġi toqgħod Għawdex. Il-mara għandha tmur fejn imur żewġha.’’ Dak li xtaq Anton, li kellu fiduċja għamja f’Dun Ġorġ.

Jitolbu minn hawn, iżommulha ftit minn hemm u jkellmuha bil-ħlewwa, fl-aħħar l-għarajjes ikkonvinċewha. Dak kien l-ikbar inkwiet li kellhom qabel iż-żwieġ.

Anton u Mary żżewġu l-Ħadd 7 ta’ Ġunju 1959. Għalkemm il-ġenituri ma setgħux jgħinuhom finanzjarjament, għenuhom bl-esperjenza tagħhom u tawhom il-barka qabel ma telqu mid-dar.

It-tieġ sar fil-parroċċa tal-Kalkara, li kienet ilha ħames snin ikkonsagrata. Qaddsilhom il-kappillan Dun Karm Xuereb. Missier Anton, ommu, ħutu, il-qraba u ħbieb Għawdxin qasmu lejn Malta kmieni filgħodu. Kienet l-aqwa ġurnata ta’ ħajjithom.

Ritratti tat-tieġ

altIl-fotografu kien il-ħabib kbir tagħhom Joe Grech, u barra r-ritratti li ħadilhom fil-knisja wara ċ-ċerimonja, marru ħadu r-ritratt mal-familji tagħhom fl-istudju tiegħu f’Ħal Qormi. It-tieġ kien mimli kuntentizza u daħq, bla ebda tensjoni jew ansjeta’. Ir-riċeviment sar fil-każin tal-Banda San Ġorġ ta’ Bormla.

Wara tlett ijiem ta’ qamar il-għasel San Pawl il-Baħar, bdew il-ħajja ġdida tagħhom f’Għawdex. Filgħaxijiet, Anton kien imur iqatta’ xi ħin bħala bandist fil-każin tal-Banda La Stella. Kien jieħu lil martu miegħu biex ma toqgħodx weħidha d-dar.

Dakinhar mhux bħal-lum – li tidħol mara f’każin tal-Banda kienet stunatura kbira u ma kinitx tixraq lil mara miżżewġa. Fi tmiem il-ġimgħa baqgħu jiġu Malta, biex jaraw lill-familja ta’ Mary. Waqt it-tqala u wara, il-vjaġġi tagħhom lejn Malta naqsu konsiderevolment.

Sena wara kellhom lill-ewwel tarbija, John, u tliet snin u nofs wara żdied ieħor, Noel. Kienu kuntenti, u għalkemm Anton ma kellux xi paga kbira, kienu fl-aqwa żmien ta’ ħajjithom.

Il-koppja Galea tgħid li t-trobbija tal-ulied kienet ferm differenti minn tal-lum. It-tfal kienu mill-iskola għad-duttrina, imbagħad homework, ftit logħob jew televizjoni u rqad. Ftit li xejn kienu joħorġu matul il-ġimgħa.

Is-safar qatt ma daquh ħlief meta saru ġuvintur. Iżda fis-sajf ma kienx jonqos li jgħaddu ġimgħat sħaħ mal-familja ta’ Sunny, ħu Anton, fid-dar tal-Qbajjar. Mary żiedet li r-ritratti ta’ meta tfarfru uliedha, għadha ġġorrhom fil-locket li għandha ma’ għonqha.

Mary — solista

Mary baqgħet tħobb il-kant, u wara daħlitilha wkoll in-namra għall-palk. Għamlet ħafna operetti bħala solista fit-Teatru Astra u mal-kumpanija VDC fit-Teatru Manoel. Iżda l-aqwa sodisfazzjon tagħha kien meta binha John, ta’ 18-il sena, idderieġa l-Merry Widow fl-Astra u fil-Manoel, fl-1978, b’ommu Mary bħala s-solista.

Wara perijodu ta’ seba’ snin fl-iskola primarja tax-Xagħra, u erba’ snin fl-iskola Ta’ Sannat, Anton beda jgħallem l-Arti fl-iskola sekondarja tal-bniet, fir-Rabat, Għawdex. Mary wkoll għamlet xi snin tgħallem ix-shorthand fl-istess skola u fil-Liċeo. Anton temm l-aħħar 16-il sena mis-servizz ta’ għalliem bħala guidance teacher, u ħareġ bil-pensjoni qabel iż-żmien, fl-1994. F’dawn l-aħħar għoxrin sena nnamraw wisq mis-safar u darba jew tnejn fis-sena dejjem bewġu minn pajjiżna.

Il-passatemp ta’ Anton bħala pensjonant kien u għadu l-bini tal-presepju. Minn dejjem kien dilettant tiegħu, u tant baqa’ jħobbu li għad għandu l-pasturi li kien juża 65 sena ilu. Minn dakinhar sal-lum kompla jiġbor il-pasturi u llum għandu iktar minn elf tat-tafal, terrakotta, ġibs, kartapesta, injam, xema’, ċomb, ġebel u ħġieġ. Dawn huma ta’ mgħallmin Għawdxin, Maltin u oħrajn Ewropej.

Għal dawn l-aħħar 20 sena serva bħala Segretarju tal-Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex-Malta. Anton jgħid bla tlaqliq li miż-żwieġ sal-lum, hu u martu komplew bit-tradizzjoni tagħna l-Maltin li jibnu l-presepju fil-ġranet sbieħ tal-Milied. U uliedhom iddakkru minnhom.

Bużnanniet

Illum, uliedhom huma miżżewġin. John għandu l-mara Yvonne, b’żewġ ulied, Ħilda u George. Xi sena ilu, Mary, li llum għandha 70 sena u Anton b’erbgħa iktar, saru bużnanniet bit-twelid ta’ Kristen, iben Hilda u żewġha Brian. Noel, hu miżżewweġ lil Marcelline u għandhom tlett itfal: James, Stephanie u Claire.

Illum, wara 50 sena miżżewġin, Anton u Mary jirringrazzjaw lil Alla li żammhom tul dawn is-snin kollha qawwijin u sħaħ f’għaqda matrimonjali soda. Ma jgħidux li ħajjithom kienet dejjem ward u żahar. Problemi, diffikultajiet, inżul u tlajja’ kienu jinbtu ’l hemm u ’l hawn, iżda bi ftit jew ħafna sagrifiċċju, rikbu l-mewġ u qatt ma ħadhom il-kurrent.

Madankollu kemm Anton kif ukoll martu Mary jistqarru li l-familja Maltija qed tinbidel. Isostnu li ħafna jridu jgħixu l-fiary tales. Ir-rabta fil-miżżewġin qed ixxabba’ lil numru mhux żgħir! Jibża’ li l-midja qed tpitter il-lifestyles differenti mir-realta’. Huma konvinti li l-fattur ewlieni li qed iwassal għal dawn il-firdiet tal-lum hu li Alla twarrab minn ġo nofs il-familja miżżewġa… U mhux lakemm tgħaddi mingħajr l-għajnuna ta’ Alla.