Cicely Saunders (1918–2005)

Charles B. Spiteri
altCicely Saunders qattgħet ħajjitha tgħin lin-nies jaffaċċjaw il-mewt. Hi fetħet l-ewwel dar ta’ kura għal dawk morda b’mod terminali, u fejn setgħu jmutu fil-paċi u d-dinjità. Illum hawn djar bħal dawn (hospices) mad-dinja kollha.
Meta kienet ċkejkna, Cicely kienet mistħija ħafna, tant li kienet tippreferi ma tiħux il-kolazzjon u t-tè ma’ ħbiebha milli toqgħod magħhom iparlaw u jgħajtu fil-vojt. Hekk kif kibret, waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, daħlet infermiera u wara, meta weġġgħet daharha, kellha tieqaf minn ħidmietha u daħlet bħala ħaddiema soċjali fl-isptar.
Fl-1947, wieħed mill-pazjenti li ltaqgħet miegħu kien David Tasma, Lhudi Pollakk, li kien qed imut. Cicely kienet nisranija għall-aħħar, u hi u David qattgħu ħafna sigħat jiddiskutu l-mewt u kif in-nies li jkunu fl-aħħar ta’ ħajjithom ikunu indukrati. Saru ħbieb kbar u Cicely fehmet li t-taħdit li kellha ma’ David seta’ jkun ta’ għajnuna għal nies oħra.
Hi ħaditha b’ħidma li titkellem ma’ nies li qed imutu, toqgħod ħdejn soddithom, tistenna u titlob. Iżda kienet taf li għal ħafna min-nies f’dik il-qagħda, il-ħsejjes u l-ambjent tal-isptar ma kienx l-aħjar wieħed għalihom. Għamlet kampanja għall-ġbir tal-flus u fl-1967 fetħet is-St. Christopher Hospice f’Londra. Dan kien post għall-kwiet fejn il-pazjenti setgħu jsibu kura u lil min jifhimhom fl-aħħar jiem ta’ ħajjithom.
Fl-antik il-mewt kienet parti mill-ħajja ta’ kuljum. Għalkemm illum, tisma’ bosta nies jitkellmu dwar is-sess, il-problemi tal-familja u l-flus, ħafna minnhom ma jħobbux jitkellmu apertament dwar il-mewt. Din tagħmilha aktar diffiċli għan-nies li jafu li qed imutu, biex jaċċettaw x’inhu jiġrilhom.
L-istennija tal-mewt minn dejjem kienet diffiċli biex tkun trattata.  Ix-xogħol ta’ Cicely Saunders għen lil bosta jħossu ruħhom komdi fl-aħħar jiem ta’ ħajjithom.