Id-dar tal-Prim Ministri Ingliżi li qed tqarreb il-500 sena

Charles B. Spiteri
BDL Books - Binjiet Meastużi

Id-dar numru 10 f’Downing Street hi r-residenza u l-uffiċċju tal-First Lord tat-Teżor u Prim Ministru tal-Gran Brittanja. Il-kwartieri tal-Gvern tal-Maestà tagħha jinsabu f’Downing Street, fil-Belt ta’ Westminster, f’Londra.  Number 10, hi spiss riferuta bħala l-aktar indirizz famuż f’Londra u waħda mill-aktar djar magħrufin fid-dinja. Hi d-dar tal-Prim Ministru u l-post tax-xogħol tiegħu, b’uffiċċji għas-segretarji, assistenti u kunsilliera.  Hemm ukoll swali għall-konferenzi u swali għall-pranzi, fejn il-Prim Ministru jilqa’ u jospita mexxejja oħra u dinjitarji barranin. Il-bini jinsab qrib il-Palazz Westminster, il-Parlament u l-Palazz Buckingham, ir-residenza uffiċjali tar-Reġina Eliżabetta II f’Londra.

Oriġinarjament, Number 10 kienet tlett idjar. Fl-1732, ir-Re Ġorġ II offriehom lil Sir Robert Walpole, li aċċettahom bil-kundizzjoni li jservu bħala uffiċċju tal-First Lord tat-Teżor, aktar milli għalih personali. Walpole min-naħa tiegħu qabbad lil William Kent biex jgħaqqadhom flimkien. B’hekk 10 Downing Street saret din id-dar kbira li hi magħrufa llum.  Il-ftehim li sar minn Sir Robert Walpole ma kellux is-suċċess mixtieq minnufih. Minkejja l-qies u l-lokazzjoni konvenjenti, għax qrib il-Parlament, ftit kienu l-Prim Ministri tal-bidu li marru jgħixu hemm.

BDL Books - Binjiet Meastużi

Madankollu, Number 10 baqgħet marbuta ma’ ħafna mexxejja u ġrajjiet kbar fl-istorja Ingliża.  Fl-1985, il-Prim Ministru Margaret Thatcher kienet qalet li Number 10 kienet saret “waħda mill-aktar ġojjelli prezzjużi fil-wirt nazzjonali.”

L-oriġinali

Kif għedna, Number 10, Downing Street, oriġinarjament kienet tifforma tlett idjar; bini li jħares fuq St. James’s Park (imsejħa d-dar fuq wara), townhouse warajha f’numru 10 Downing Street u dar ċkejkna tmiss magħha. It-townhouse, mnejn il-bini modern ħa ismu, kien wieħed mill-ħafna mibnijin minn Sir George Downing, bejn l-1682 u l-1684.
Id-dar li kienet fuq wara kienet l-ikbar mit-tlieta. Inbniet għall-ħabta tal-1530 maġenb il-Palazz Whitehall. Mibnija mill-ġdid, imkabbra u rinnovata kemm-il darba, hi wkoll kienet parti minn diversi binjiet li kienu jiffurmaw il-Cockpit Lodgings – imsemmija hekk għax kienu mibnija forma ta’ ottagonu u kienu jservu bħala l-post fejn iġelldu s-sriedak. Fil-bidu ts-seklu sbatax, il-Cockpit inbidlet f’sala tal-kunċerti u teatru; wara r-rivoluzzjoni li fiha tajru lir-Re James II, xi laqgħat tal-bidu tal-Kabinett kienu jsiru fiha b’mod sigriet.  Għal ħafna snin, id-‘dar fuq wara’ kienet id-dar tal-għassies tal-Palazz Whitehall, Thomas Knevett, li baqa’ magħruf għall-qbid ta’ Guy Fawkes fl-1605, u li sfaxxa l-pjan għall-assassinju ta’ James I. Is-sena ta’ qabel, Knevett kien fid-dar tal-maġenb, kważi kważi fejn illum hemm in-Number 10.

Residenti fid-dar

Minn dak iż-żmien, membri tal-familja rjali u tal-gvern kienu jgħixu ‘fid-dar ta’ wara’. Il-Prinċipessa Eliżabetta għexet hemm mill-1604 sal-1613, meta żżewġet lil Frederick V, Elector Palatine u marret tgħix Hanover. Saret in-nanna ta’ George, l-Elector ta’ Hanover, li sar Re tal-Ingilterra fl-1714, u l-bużnanna tar-Re George II, li ppreżenta d-dar lil Walpole fl-1732.
George Monck, l-ewwel Duka ta’ Albemarle, il-ġeneral responsabbli għar-restawr tal-monarkija, għex hemm mill-1660 sa ma miet fl-1671. Bħala kap tal-Kummissjoni tat-Teżor tal-167 – 1672, Albemarle ittrasforma l-metodi tal-ikkuntjar u ppermetta aktar kontroll fl-infiq tal-Kuruna.
Aktarx li dan it-tibdil kien sar mis-Segretarju tiegħu, Sir George Downing, li wara bena Downing Street.  Wara George Monck għexu fl-istess dar George Villiers, it-tieni Duka ta’ Buckingham; Lady Charlotte Fitzroy, bint Karlu II; Hendrik van Nassau-Ouwerker, (ġeneral Olandiż) u Johann Caspar von Bothmer. Meta dan miet, id-‘dar ta’ wara’ ngħatat mill-ġdid lill-Kuruna, fejn George II ħa l-opportunità li jagħtiha lil Sir Robert Walpole, li jirreferu għalih bħala l-ewwel Prim Ministru. Din ingħatatlu bħala rigal għas-servizzi tiegħu lin-nazzjon. Fl-istess waqt u b’koinċidenza, ir-Re kiseb iċ-ċnus ta’ żewġ proprjetajiet oħra f’Downing Street, fosthom Number 10, u żiedhom mar-rigal tiegħu li ta lil Walpole.
Il-bini tal-għaqid tat-tliet binjiet flimkien ħa tliet snin. Fit-23 ta’ Settembru, 1735, il-London Daily Post ħabbar li “Il-bieraħ, l-Eċċellenza Sir Robert Walpole, mas-Sinjura u l-familja tiegħu ħarġu mid-dar tagħhom fi Pjazza St James biex marru fid-dar li tmiss magħha.”
Din id-dar kellha 60 kamra, b’art tal-injam u l-irħam, kolonnar eleganti, fuklari tal-irħam ukoll u veduti mill-isbaħ tal-Park St. James.

L-akbar kamra

Waħda mill-akbar kmamar kienet l-uffiċċju, f’qies ta’ 40 pied b’20, bi twieqi enormi fuq l-istess park. Aktar tard, dan l-uffiċċju kellu jservi bħala l-kamra tal-Kabinett, fejn il-Prim Ministri jiltaqgħu mal-Ministri tal-Kabinett. F’din il-kamra kbira, kulma hemm hu inkwatru wieħed – pittura ta’ Walpole, li tinsab fuq il-fuklar u wara s-siġġu tal-Prim Ministru. Il-ħlas li sar biex kien konvertit l-uffiċċju mhux magħruf. Oriġinarjament kien stmat li jiswa £8,000 iżda finalment, qabeż l-£20,000.

Illum il-ġurnata, fin-Number 10 hemm tliet swali magħrufa bħala li State Drawing rooms. Dawn huma l-Pillared Room, it-Terracotta Room u l-White Drawing Room. L-ikbar hi l-Pillared Room, li hu maħsub li saret fl-1796 mill-perit Robert Taylor. Fiha 37 pied (11-il metru) tul bi 28 pied (8.5m) wisa’. Ħadet isimha mill-kolonni ioniċi li fiha. Tapit Persjan jiksi l-art kollha.
F’ħafna okkażjonijiet tal-istat, il-mistednin jintlaqgħu f’din is-sala qabel ma jiddaħħlu fis-Sala Statali tal-Pranzu. Peress li ħafna drabi din is-sala tintuża għar-riċevimenti, il-Pillared Room hi mgħammra biss bi ftit siġġijiet u sufanijiet mal-ħitan.
Wara l-attakk bil-bombi tal-1991, żdiedet is-sigurtà man-Number 10. Saru barrikati elettroniċi li ma jħallux lil min jidħol bl-addoċċ u xħin irid u li permezz tagħhom anki l-barranin jistgħu jaraw ir-residenza tal-Prim Ministru mill-bogħod.

George Downing

Iżda min kien dan l-imbierek George Downing? Downing kien spjun notorju għal Oliver Cromwell u wara, għar-Re Karlu II. Downing kien il-bniedem li investa fil-bini u akkwista flus kbar.
Fl-1654, akkwista ċ-ċens tal-art fin-Nofsinhar ta’ St. James Park, li tmiss mad-dar ta’ wara, li kienet passi bogħod mill-bini tal-Parlament. Hu kien ippjana li jibni ringiela ta’ townhouses disinjati għan-nies tat-tajjeb, biex jgħixu fihom.
It-triq fejn bena dawn id-djar, ilum iġġib ismu u l-akbar dar saret magħrufa bħala Number 10, Downing Street.
Probabbilment, Downing qatt ma għex fit-townhouses tiegħu. Fl-1675, hu rtira Cambridge, fejn miet wara ftit xhur li lesta l-bini. Illum il-ġurnata, pittura ta’ Sir George Downing tinsab imdendla fl-intrata tal-foyer fid-dar moderna 10 Downing Street.

BDL Books - Binjiet Meastużi
L-intrata tal-Prim Ministru Ingliż
BDL Books - Binjiet Meastużi
Is-salott f’10, Downing Street
BDL Books - Binjiet Meastużi
L-indani tat-taraġ fid-dar uffiċjali tal-Prim Ministru Ingliż
BDL Books - Binjiet Meastużi
Rokna mil-librerija li llum isservi għal Gordon Brown
BDL Books - Binjiet Meastużi
Il-kamra tas-sodda fir-residenza 10, Dowing Street
BDL Books - Binjiet Meastużi
Il-kamra tal-banju
BDL Books - Binjiet Meastużi
Pittura tal-Prim Ministru Gladstone, jiltaqa’ mal-Kabinett, fil-Kamra tal-Kabinett fl-1868
BDL Books - Binjiet Meastużi
Il-faċċata ta’ 10, Downing Street