It-tfigħ lura ta’ ballun iressaq żewġ iqlub lejn xulxin

Charles B. Spiteri

Minn Charles B. Spiteri

Żwieġ hieni jrid jinbena fuq iż-żonqor u mhux fuq ir-ramel

altHuma bosta dawk ix-xtajtiet li nibbtu xrar l-imħabba fost il-koppji Maltin tal-bieraħ imbiegħed. Għal Frans Portelli u Miriam neè Grech, din il-ħaġa ma kinitx eċċezzjoni. Il-familja tal-wieħed u dik tal-oħra kellhom villeġġatura San Pawl il-Baħar u kienu joqogħdu kantuniera wara xulxin.

Bħala żgħażagħ kienu jiltaqgħu ġuvintur u xebbiet fl-għaxijiet sajfin iżda Frans u Miriam ma kinux jitkellmu bejniethom. Tant li Frans kien imur jgħum f’Thalasseljin waqt li Miriam kienet tmur tax-Xama’. Darba, ħabib ta’ Frans qallu biex imur jgħum miegħu tax-Xama’. Mar jgħum hemm tax-Xama’ u ra lil Miriam tgħum dik in-naħa.

F’ħin minnhom, il-ballun ta’ Frans mar ’il bogħod, fejn kienet qed tgħum Miriam. Sejħilha b’isimha, u talabha titfagħhulu lura. Miriam inġibdet ftit u qadet għaliha, li Frans għajtilha b’isimha, għax qalet li ma kinitx tafu. Madankollu, dak il-fatt ressaqhom kemmxejn lejn xulxin… u bdew jinnamraw.

Missirijiet ta’ dixxiplina

Lill-ġenituri tagħhom ma qalulhom b’xejn, għax kemm missier Frans, kif ukoll missier Miriam, kienu ta’ dixxiplina mhux ħażin u ma tantx kienu jaċċettaw namur minn uliedhom.

Frans kien iż-żgħir mis-sitt itfal – erba’ subien u żewġt ibniet – li kellhom Conċetta u Frank. Miriam kienet il-kbira mill-erba’ aħwa – tlett ibniet u tifel, tal-koppja Lily u Feliċ.

Iżda ma damx ma kien hemm xi ħadd li fesfes f’widnejn il-ġenituri tat-tnejn bin-namur ta’ uliedhom. Dak iż-żmien, Frans u Miriam kienu waslu fit-tmiem tal-iskola sekondarja tagħhom, għax Frans kellu 18 u Miriam, 17-il sena.
In-namur tagħhom kien jikkonsisti filli filgħaxijiet, mal-ħbieb l-oħra tat-triq, kienu jintasbu fuq ċint u joqogħdu maġenb xulxin. Meta jilmħu lil xi ħadd mill-ġenituri resqin, kienu jaqbżu ċ-ċint.

L-aktar li kien joħroġ jittawwal lil Miriam, kien missierha. Frans u martu jirrakkukntaw li anki meta bħala grupp kienu jmorru jgħumu, missierha kien jinżel fix-xatt biex jara jarahiex. Iżda huma kienu joħorġu jgħumu ’l barra.

Aċċettazzjoni

Maż-żmien kemm il-ġenituri ta’ Frans kif ukoll dawk ta’ Miriam aċċettaw li uliedhom ikellmu lil xulxin bi skop ta’ żwieġ. U missier Frans ma kienx jippermettilhom joħorġu weħidhom. Ried li meta jmorru xi mkien, ikollhom chaperone.

Fl-1 ta’ April, 1956, Frans u Miriam ħadu ċ-ċrieket tal-għerusija. Berikhomlhom, Dun Mattew Chircop, Kappillan tal-Ħamrun. Peress li kien għadu kif miet iz-ziju ta’ Miriam, kellhom riċeviment żgħir.

Fl-istess żmien, Frans kien jaħdem mal-War Damage Commission u ħbiebu tax-xogħol ma ridux jemmnuh li se jitgħarras. Emmnu li kienet xi ċajta tal-ewwel ta’ April.

Frans isemmi li bħala souvenir kienu qassmu santa, li tirrappreżenta t-Tieġ ta’ Kana. Kelinu Caruana, ħabib u kollega fil-post tax-xogħol ta’ Frans, u li kien President tal-Azzjoni Kattolika, talbu jagħtih santa żejda biex jagħtiha lil qassis żagħżugħ li kien se jibda moviment tal-għarajjes f’Malta. Kien Dun Charles Vella.

Tnedija tal-Moviment ta’ Kana

F’Jannar ta’ dik is-sena , tnieda l-Moviment ta’ Kana mill-E.T. Arċisqof Mikiel Gonzi. Miriam lemħet avviż fil-gazzetta biex l-għarajjes jattendu. Hi xtaqet tattendi u l-ewwel qalet lil Frans u wara lill-ġenituri tat-tnejn. Dawn mhux talli qablu li uliedhom jattendu, iżda ħeġġewhom imorru. Dik il-laqgħa saret fil-Lukanda Phoenicia, li kienet imballata bin-nies.

F’Ġunju tal-istess sena, Dun Charles organiżża irtir ta’ nofs ta’ nhar fis-Sacred Heart, San Ġiljan u marru bil-barka tal-ġenituri tagħhom. Hawnhekk iltaqgħu għall-ewwel darba ma’ Dun Charles.
Imbagħad f’Ottubru, il-Moviment ta’ Kana organiżża tlett ijiem konferenzi għall-għarajjes f’Palazzo Carafa l-Belt. Kienu konferenzi mballati bl-għarajjes. Wara t-tielet konferenza, Dun Charles sejjaħ sitt koppji għarajjes, fosthom lil Frans u Miriam u staqsiehom kinux mgħaġġlin. Talabhom jgħinuh biex ikompli bil-ħidma tal-moviment.

L-għerusija ta’ Frans u Miriam damet tliet snin għax ma setgħux isibu jikru post fejn imorru jabitaw. Għall-bidu, tant ħasbu li s-sejba ta’ post ma kinitx se tkun diffiċli, li sa ordnaw l-għamara. Meta kellmu fuq hekk lil Dun Charles, dan qalilhom li kien jaf b’post il-Belt f’West Street. Marru jarawh u min kien fih bħala kerrej, ried somma qawwija biex jagħtihom iċ-ċavetta. Spiċċaw ma ħaduhx, għax kellu bżonn spejjeż kbar.

Sabu post il-Ħamrun

Imbagħad Frans, daħħal lil missieru fis-sejbien ta’ post u dak qallu li quddiem il-Liċeo, il-Ħamrun kien hemm post ġdid għall-bejgħ. Frans wieġeb li huma xtaqu jikru, peress li Miriam, li issa wkoll kienet taħdem ma’ Barclays Bank, xtaqet tagħmel l-ewwel safra tagħha wara t-tieġ, għal qamar il-għasel u ma xtaqux jibdew il-ħajja miżżewġa bla flus. Hawnhekk il-missier offra li jislifhom il-flus u jaraw jixtruhx. L-ewwel marru Frans u missieru u wara marret Miriam u ommha. Meta qalu wkoll lil Dun Charles, dan qabel mal-ħsieb ta’ missier Frans u ħeġġiġhom jixtruh.

Għamlu hekk u f’temp qasir bajdu, żebgħu u daħħlu l-għamara fid-dar ġdida tagħhom. Mhux biss talli kellhom id-data tat-tieġ – il-21 ta’ Ġunju, 1959.
Iżżewġu fil-knisja ta’ San Ġakbu l-Belt. Qaddsilhom Dun Charles Vella u bħala xhieda kellhom lill-Maġġur Edward Fiteni, is-Segretarju tal-Moviment ta’ Kana u s-Sur Karmenu Felice Pace, li kien iċ-Chief Inspector ta’ fejn kien jaħdem Frans. Għar-riċeviment krew is-sala ta’ Maxims, fi Triq Zakkarija, fejn illum hemm il-Bank of Valletta. Hemmhekk, George Vella, li kien jaħdem id-Dipartiment tal-Informazzjoni ma’ Lewis, ħu Frans, offra li jiġbdilhom ir-ritratti tat-tieġ, li huma tant jgħożżu f’album apposta.
Wara t-tieġ marru għall-qamar il-għasel. Qattgħu tlett ijiem Napli u tlett ijiem Ruma biex Frans jaqta’ xewqet Miriam.

Lura Malta

alt

Lura Malta bdew il-ħajja normali u komplew ħidmiethom fil-Moviment ta’ Kana. Fl-istess waqt, Miriam baqgħet taħdem sa ma rmaw id-dar bil-mod il-mod. Kienu jieħdu gost ifaddlu u wara jixtru – mhux bħaż-żgħażagħ tal-lum, li jidħlu fid-dejn biex ikollhom kollox mill-ewwel u sa jitilfu l-gost li kull ħaġa ġdida fid-dar, tasal tagħti.

Imbagħad Dun Charles qegħidhom fil-Pre Kana, jieħdu ħsieb lill-għarajjes u jorganizzaw il-korsijiet ta’ Kana għalihom, fosthom l-eżerċizzi. Aktar tard, fl-1962, peress li l-Maġġur Fiteni kien fl-Armata u bagħtuh il-Kenja, ma setax ikompli ħidmietu fil-Moviment. Kien hu nnifsu li ssuġġerixxa lil Dun Charles biex postu jieġdu Frans. U waqt li Frans gġamel 18-il sena Segretarju tal-Moviment, Miriam – li Dun Charles kien ħatarha teżoriera – għamlet 30 sena f’din il-ħidma.

Meta naqqsu mix-xogħol tagħhom fil-Moviment ta’ Kana, il-koppja Portelli bdiet tmur Lourdes, toffri servizz volontarju lill-pellegrini morda li jmorru hemm. Huma jiffurmaw parti minn grupp volontarju ta’ xi 50 persuna.

F’għeluq il-25 sena taż-żwieg tagħhom, Frans u Miriam organiżżaw quddiesa fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa u wara kellhom festin f’The Arches.

L-istess għamlu meta għalqu 40 sena. Kellhom quddiesa fil-kappella ta’ ġewwa tal-Kulleġġ ta’ San Alwiġi u wara kellhom riċeviment fil-Papillon, Ħal Balzan.
Fil-21 ta’ Ġunju li għadda, meta għalqu 55sena miżżewġin, kellhom quddiesa fil-Kulleġġ San Alwiġi u wara riċeviment fil-Papillon, il-Ħamrun.

Binja fuq iż-żonqor

Wara dawn is-snin kollha miżżewġin, Frans jgħid li żwieġ b’saħħtu għandu jkun mibni fuq iż-żonqor u mhux fuq ir-ramel. Barra minhekk, iż-żgħażagħ tal-lum għandhom ikunu jafu iktar bil-kelma ‘sagrifiċċju’, għax mhux qed jagħmlu sew meta jippretendu li jkollhom kollox f’daqqa u fil-pront. Kull ħaħa għandu jkollha l-istennija tagħha.

altMiriam issostni li l-imħabba titfisser biss bil-kliem give, give, give. Bħal żewġha taqbel li d-dar għandha tinbena bil-mod il-mod. Fi żmienhom l-ispejjeż kienu wkoll. Meta l-paga kienet bix-xelini, il-prezzijiet kienu bil-mijiet ta’ liri, waqt li meta l-paga t’issa hi bil-mijiet, il-prezzijiet saru bl-eluf. Jiġifieri kollox jogħla b’relattività. Iżda ż-żgħażagħ tal-lum ma jafux x’inhi stennija u meta jkollhom kollox f’daqqa, jitilfu l-gost tad-dar f’temp qasir.
Il-koppja Portelli taqbel ukoll li l-miżżewġin tal-lum għandu jkollhom ħin adegwat flimkien. Ix-xogħol, għalkemm bżonjuż, m’għandux itellfilhom id-djalogu tagħhom u x-xiftijiet għandhom ikunu studjati anki mill-awtoritajiet kompetenti.