Meta qorbot lejn tmiemha s-sena skolastika, l-għalliema tad-drama, Miss Borg, ħasbet biex bħal kull sena, ittella’ reċta. Fiha dejjem kienu jieħdu sehem għadd ta’ tfal minn klassijiet differenti. It-tfal l-oħra, li ma kinux jingħataw parti, kienu jsegwu r-reċta minn fuq is-siġġijiet tas-sala tal-iskola flimkien mal-kumplament tal-għalliema u l-Kap tal-iskola. Il-ġenituri ma setgħux jattendu minħabba li r-reċta kienet tittella’ waqt il-ħin tal-iskola.
Din is-sena, Elise kienet se tieħu sehem fir-reċta għall-ewwel darba. Anki Emma u Danica, li kienu fl-istess klassi tagħha, intgħażlu minn Miss Borg. It-tlieta li huma ngħataw parti żgħira fir-reċta u ma xxennqux għal xi parti prinċipali għax daqshekk kien biżżejjed għalihom biex ikunu kuntenti. Ir-reċta kienet se tkun dwar x’jagħmlu l-għalliema u l-istudenti tagħha waqt il-lezzjoni tal-Matematika; u Elise, Emma u Danica kellhom ikunu tliet studenti minn fost grupp ta’ ħmistax. Għaldaqstant, il-kostum ma kienx se jkun problema għalihom għax kienu se jitilgħu fuq il-palk bl-uniformi tal-iskola stess. Miss Borg tathom l-iskript, li kienet kitbet hi stess bil-Malti, u indikatilhom liema linji kellhom jistudjaw. Fil-brejk bdew joqogħdu ġewwa fil-klassi biex jgħinu lil xulxin jistudjaw il-linji sew.
Ma ridux jaqgħu għaċ-ċajt ħalli darb’oħra Miss Borg terġa’ tagħżilhom għal reċta oħra. Saħansitra, meta Elise kienet tasal lura d-dar mill-iskola, kienet terġa’ tirrevedi l-linji mal-papà, li meta kien għadu tifel, kien l-għors tiegħu jieħu sehem fir-reċti tal-iskola u tal-Mużew fejn kien jattendi. Elise kienet tgħallmet il-linji tagħha kollha bl-amment f’qasir żmien, u meta marret għall-provi tar-reċta, Miss Borg kellha kliem ta’ tifħir lejha, u l-istess lejn sħabha.
Iżda bħal sajjetta fil-bnazzi, jumejn biss qabel ittellgħet ir-reċta, Elise qabdet tagħtas waħda f’waħda, kellha wġigħ ta’ ras taqsam u telgħalha d-deni wkoll. It-tabib wissieha biex tibqa’ fis-sodda sakemm jgħaddilha għalkollox. Kienet belgħet riħ mat-taqlib tal-arja mid-dehra. Sa mnalla kienet laħqet lestiet mill-eżamijiet għax li kieku falliethom kien ikollha tagħmel sajf tistudja biex tagħmilhom f’Settembru qabel is-sena skolastika li jmiss. Xorta ddispjaċieha bil-kbir talli kienet tilfet ir-reċta. Imma ma kienx hemmx x’tagħmel. Anki l-mamà u l-papà xtaqu li Elise ma marditx lejlet ir-reċta, iżda qalulha li aħjar tieħu ħsieb saħħitha, u ma tgħaddasx rasha u tmur l-iskola, ma jmurx ikollha konsegwenzi agħar.
Il-linji tagħha qasmuhom bejniethom Danica u Emma bejn għax kienu jafuhom fuq ponot subgħajhom u bejn għax Miss Borg ma kellhiex żmien biżżejjed biex tqabbad lil xi ħaddieħor minflokha. Però, lil Elise wegħditha li s-sena ta’ wara żgur kienet se tagħtiha parti f’reċta oħra, grazzi għall-entużjażmu tagħha. Għalkemm kien fadal ftit żmien mhux ħażin, it-tifla diġà ħassitha timtela bil-kuraġġ u bil-ħerqa. Fir-reċta li kien imiss, Miss Borg tatha l-parti prinċipali, li daħlet għaliha b’ruħha u b’ġisimha. Tgħidx x’applaws u prosit kbira qalgħet mill-udjenza għaliex ħarġet bl-unuri fuq il-palk daqs l-aqwa attriċi!