Ir-Randan żmien ta’ penitenza
Għall-kuntrarju ta’ żmien il-Milied.
Fih nagħmlu s-sawm u l-astinenza
Meta ġo darna nkunu għall-kwiet.
Għax matulu nfakkru t-tbatija
Li għadda minna Sidna Ġesu`
Meta miet għalik u għalija
Biex isalva `l kulħadd hu min hu.
Il-mixja tar-Randan hi twila,
Dana għaliex fiha erbgħin jum.
Iżda jekk tagħmel ftit tal-ħila
Żgur tagħmlu sagrifiċċju kuljum.
Tajjeb li nidħlu fina nfusna
Matul daż-żmien solenni, qaddis
Ħalli jekk forsi kibru rjusna
Insiru umli mill-aktar fis.
F’daż-żmien tajjeb nagħmlu ħilitna
Biex nimitaw iżjed lill-Feddej.
Nagħmlu kuraġġ ħalli b’talbitna
Insiru aħjar fiż-żmien li ġej.
Jeħtieġ li llestu għalenija
Rwieħna lkoll f’daż-żmien għall-Għid il-Kbir
U nġeddu ta’ Ġesu` t-tbatija
Għaliex hekk kien hemm miktub li jsir.