Binjiet Maestużi

Charles B. Spiteri

Bini magħruf bħala l-Palazz Presidenzjali

BDL Books - Binjiet MeastużiGħalkemm il-White House hi waħda mill-aktar binjiet magħrufa fid-dinja u jżuruha miljuni ta’ viżitaturi kull sena, ftit huma dawk li tabilħaqq jifhmu u jafu bit-tqassim u l-istorja tagħha.

Oriġinarjament, il-bini kien magħruf bħala l-Palazz Presidenzjali jew id-Dar Presidenzjali. Dolly Madison kienet irriferiet għaliha bħala l-Kastell Presidenzjali.

Madankollu, sal-1811, insibu l-ewwel xhieda fejn il-pubbliku beda jsejħilha l-White House, u dan minħabba li l-faċċata tagħha kienet imbajda bl-abjad. U kien il-President Theodore Rossevelt li fl-1901 taha l-isem formali ta’ The White House, li beda jintuża fl-istationery kollha tal-President.

Il-White House tinsab mibnija fi Vjal Pennsylvania, f’Washington, il-belt kapitali tal-Istati Uniti, fid-distrett ta’ Columbia. L-iskop tal-bini oriġinali tagħha, aktar minn 200 sena ilu, għadu jservi sal-lum. Fiha toqgħod il-familja tal-President, kif ukoll l-uffiċċji għall-ogħla uffiċjali (għalkemm illum, ħafna ħaddiema tal-White House jaħdmu fl-Eisenhower Executive Office Buliding, biswit il-White House).

BDL Books - Binjiet MaestużiIl-bniedem li jieħu ħsieb id-dar u hu inkarigat li jara li kollox jimxi sew, għandu 90 ħaddiema oħra biex jassistuh. Fost dawn hemm kap housekeeper, ħames koki u numru ta’ sefturi, butlers, mastrudaxxi, plumbers, ġardinara u inġinieri. Ir-residenza fiha 52 metru wisa’ b’26 metru fond u 18-il metru għoli.

1,825,000 viżitatur fis-sena

BDL Books - Binjiet MaestużiIl-White House iżuruha madwar 5,000 viżitatur kuljum, jew 1,825,000 viżitatur fis-sena. Fiha hemm: ir-residenza prinċipali b’bini ieħor fuq kull naħa; erba’ sulari bini kif ukoll kantina u sular ieħor taħtha; 5,100 metru kwadru ta’ art; 132 kamra u 35 kamra tal-banju; 412-il bieb; 147 tieqa; 28 fuklar; tmien turġien differenti; tliet liftijiet; bosta ġonna; tennis court; basketball court; putting green; bowling alley; teatru; jogging track u pixxina.

Il-White House fiha tliet taqsimiet ewlenin – dik tal-Lvant, tal-Punent u r-Residenza. Il-parti tal-Lvant fiha żewġ sulari, biċ-Ċentru Presidenzjali għal Ħidma ta’ Emerġenza maġenbha. It-taqsima tal-Punent ukoll fiha żewġ sulari, bil-White House Situation Room u uffiċċji oħra taħtha. Ir-Residenza hi għolja erba’ sulari, bil-kantina u sotto kantina, fejn jinsabu numru ta’ ħaddiema u l-faċilitajiet ta’ manutenzjoni.

Storja qasira

Id-dar presidenzjali kienet disinjata minn James Hoban u approvata personalment minn George Washington. Il-bini nbeda fit-13 ta’ Ottubru, 1792 b’Washington innifsu jqiegħed l-ewwel ġebla. Ma laħaqx raha lesta, peress li l-bini tagħha sar bil-lajma.

Ir-Residenza

It-Tieni President tal-Istati Uniti, John Adams sar l-ewwel kap eżekuttiv li mar joqgħod f’dan il-bini, li issa ħa l-isem ta’ Residenza. Dan seħħ fl-1 ta’ Novembru, 1800, meta kienet għadha mhix mitmuta.

Il-portiċi fin-naħa tat-Tramuntana u fin-Nofsinhar ma kinux għadhom parti mill-bini, u dan għal 30 sena. Fl-1835 kienu stallati fiha l-ilma tal-vit u s-central heating. Tlittax-il sena wara kien stallat ukoll id-dawl tal-gass. Imbagħad fuq kull naħa nbnew padiljuni mgħottijin u aktar tard is-serer, biex jitkabbru l-fjuri u ħxejjex tal-ikel. Ornamenti u dekorazzjonijiet Vittorjani bdew jiżegħdu bejn l-1870 u l-1890.

Fl-1870 beda dieħel id-dawl elettriku fil-White House u żdied l-ewwel lift fl-1898. Fl-1902, Theodore Roosevelt neħħa l-ornamenti Vittorjani u rrestawra ‘l-White House għall-istil federali b’laqtiet :orġjani. Fl-1927 sar saqaf ġdid u nbena t-tielet sular. Fil-bidu tas-snin 60, il-Kennedys irrimudellaw il-White House b’mod estensiv u xi rinovazzjonijiet għadhom għaddejjin sal-lum.

Il-parti tal-Punent

BDL Books - Binjiet MeastużiQabel il-bini tan-naħa tal-Punent, il-ħaddiema presidenzajli kienu jaħdmu fit-tieni sular tar-Residenza. Madankollu, meta Theodore Rossevelt sar President, irrealizza li l-kmamar fid-dar kienu żgħar wisq għall-familja kbira li kellu u għall-ħaddiema. Għalhekk, fl-1902 inbena uffiċċju temporanju fejn kien hemm is-serer.

Fl-1909, Willam Howard Taft kabbar il-bini u ħoloq uffiċċju ovali għall-President. Erbatax-il sena wara kien rimudellat. Fl-1930 inbena mill-ġdid wara nar li ħa fil-Milied. Fl-1934, Franklin Roosevelt ra li jinbena t-tieni sular u mexxa l-Uffiċċju Ovali f’rokna lejn ix-Xlokk, għal dawl aħjar u għal aktar privatezza. Għamel ukoll pixxina u ġimnasju, fejn seta’ jagħmel l-eżerċizzju b’mod regulari.

Ħafna mill-Presidenti rrinovat l-Uffiċċju Ovali u l-Kamra tal-Kabinett. Richard Nixon bidel il-pixxina u l-ġimnasju għal briefing room u uffiċċji għall-ġurnalisti. Hu ddedika wkoll il-kamra tal-konferenzi lil Theodore u Franklin Roosevelt. Fl-2006, George W. Bush sebbaħ l-inħawi tal-ġurnalisti u kabbar u rranġa s-Situation Room.

Il-parti tal-Lvant

Fil-bidu, flimkien mat-Taqsima tal-Punent, Theodore Roosevelt bena l-ewwel sular tat-Taqsima tal-Lvant, bħala dħul formali għall-mistednin. Din it-taqsima żdiedet mal-White House fl-1942. Dan sar kemm biex tibbilanċja t-Taqsima tal-Punent li kienet tkabbret, kif ukoll biex tgħatti l-bini ta’ air raid bunker taħt l-art, illum magħruf bħala ċ-Ċentru għal Operazzjonijiet ta’ Emerġenza Presidenzjali. Fost l-użi tagħha, it-Taqsima tal-Lvant ġieli kellha fiha l-uffiċċji u ’l-ħaddiema tal-first lady u tipprovdi dħul mgħotti għall-White House li jippermetti dħul u ħruġ faċli mill-bini f’każ ta’ ġrajjiet soċjali numerużi.

L-uffiċċju tal-President

BDL Books - Binjiet MeastużiL-Uffiċċju Ovali hu l-uffiċċju formali tal-President, fejn jilqa’ u jiddiskuti mal-kapijiet tal-istat, diplomatiċi, il-ħaddiema tiegħu u dinjitarji oħra, u fejn spiss jindirizza lill-poplu Amerikan u lid-dinja permezz tat-televiżjoni jew radju. Minnu jinforma ruħu bil-ġrajjiet ta’ kuljum.

L-istorja tal-Uffiċċju Eżekuttiv

BDL Books - Binjiet MeastużiFl-1909, William Howard Taft stabbilixxa uffiċċju ovali fil-bini l-antik tal-Uffiċċju Eżekuttiv, waqt li kabbar l-istruttura oriġinali u temporanja li fl-1902 għamel Theodore Roosevelt. Qabel, ħafna mill-presidenti ħadmu mill-kamra li llum hi magħrufa bħala l-kamra tas-sodda ta’ Lincoln.

Fl-1933, Franklin Roosevelt kompla jespandi t-Taqsima tal-Punent u mexxa kif għedna ‘l-Uffiċċju Ovali aktar lejn ix-Xlokk, għar-raġuni wkoll li kien iktar faċli għalih iqum mis-siġġu tar-roti li kellu.

L-iskrivanija presidenzjali

Ħafna presidenti Amerikani użaw il-famuż Resolute desk fl-Uffiċċju Ovali jew fl-istudji privati tagħhom. Din l-iskrivanija saret mill-injam tal-vapur HMS Resolute, li ngħata lill-President Rutherford Hayes mir-Reġina Vittorja tal-Ingilterra, fl-1880.

Il-kamra tas-sodda Lincoln

BDL Books - Binjiet MeastużiDin il-kamra tas-sodda tinsab fit-tieni sular tal-White House, flimkien ma’ kmamar oħra li jinkludu s-salott Lincoln u l-kamra tal-banju Lincoln ukoll. Imsemmija għal Abraham Lincoln, u użati minnu bħala uffiċċju, jingħad li fil-kamra tas-sodda jidher spirtu. Terġa’ din il-kamra hi magħrufa l-aktar bħala kamra tal-mistednin u tintuża l-aktar mill-presidenti u partitarji politiċi ħbieb.

BDL Books - Binjiet MaestużiHi armata b’għamara stil Vittorjan mindu rranġaha Truman. Xi għamara kienet użata mill-amministrazzjoni Lincoln (ħadd ma jaf id-data tagħha) u tinkludi sufan u tliet pultruni pariġġ, żewġ slipper chairs, u erba’ siġġijiet tal-Kabinett ta’ Lincoln. L-attenzjoni prinċipali hi s-sodda, kważi tmien piedi b’sitt piedi b’tastiera enormi fuq wara. Aktarx li din is-sodda qatt ma ntużat mill-President Lincoln, għalkemm ħafna mill-presidenti ta’ warajh, użawha.

 

Il-Palazz ta’ Westminster u ġrajjietu

BDL Books - Binjiet MeastużiIl-Palazz ta’ Westminster, magħruf ukoll bħala l-bini tal-Parlament Ingliż, hu kumpless ta’ bini fil-Gran Britannja. Il-palazz jinsab fix-xatt tan-naħa tat-tramuntana tax-Xmara Thames, fil-belt ta’ Westminster, qrib il-bini governattiv ta’ Whitehall.

Il-palazz fih madwar 1,100 kamra, 100 sular ta’ taraġ u tliet mili (5km) ta’ kurituri. Il-bini hu mifrux fuq erba’ sulari

Għalkemm il-bini jmur lura għas-seklu 19, l-elementi li fadal mill-bini storiku oriġinali jinkludu s-Sala Westminster — li llum tintuża għal ġrajjiet ċerimonjali pubbliċi bħal meta jmut xi ħadd kbir – u t-Torri tal-Ġojjelli.

BDL Books - Binjiet MeastużiIl-kontroll tal-Palazz ta’ Westminster u l-art mad-dawra tiegħu, għal sekli sħaħ kien immexxi u kien taħt il-ħarsien tal-Lord Great Chamberlain, rappreżentant tar-Reġina. Bi ftehim li sar mar-Reġina fl-1965, kien sar qbil li l-House of Lords u l-House of Commons, jieħdu ħsieb il-kmamar tagħhom rispettivament.

Residenza uffiċjali tal-monarka

Westminster baqa’ r-residenza uffiċjali tal-monarka f’Londra, sa ma fl-1512 nar ħakem lill-palazz u qered parti minnu. Fl-1530, ir-Re Enriku VIII kiseb il-Palazz ta’ York, li semmieh Whitehall, u użah bħala r-residenza prinċipali tiegħu. Madankollu, uffiċjalment, Westminster għadu palazz irjali, għalkemm beda jintuża bħala l-bini taż-żewġ Parlamenti u Qorti.

BDL Books - Binjiet MeastużiPeress li oriġinarjament kien residenza irjali, il-Palazz ma kellux swali ideali biex jintuża bħala Parlament. Għalhekk, iċ-ċerimonji statali importanti kienu jsiru fil-Painted Chamber. Għall-bidu, il-House of Lords kienet tiltaqa’ fis-Sala tar-Reġina, sala medjevali modesta. Aktar tard, l-Upper House kienet tiltaqa’ fis-Sala l-Bajda, li qabel kienet tilqa’ fiha lill-Court of Requests.

Wara nar li reġa’ qabad fl-1834, il-Parlament, li fih hemm il-House of Lords u l-House of Commons ħa 30 sena biex inbena. Il-perit inkarigat mix-xogħol kien Sir Charles Barry flimkien mal-assistant tiegħu Augustus Welby Pugin. Id-disinn inkorpora lis-Sala ta’ Westminster u l-fdal tal-kappella San Stiefnu.

Importanza strateġika

Il-Palazz ta’ Westminster kellu importanza strateġika fil-Medju Evu, minħabba l-post fejn kien mibni. Dak iż-żmien il-post kien magħruf bħala Thorney Island u l-palazz aktarx kien l-ewwel residenza rjali ta’ Canute the Great (li rrenja bejn l-1016 u l-1035). St Edward the Confessor, dak li kien ta’ qabel l-aħħar monarka Sassonu tal-Ingilterra, bena palazz irjali fuq Thorney Island, fin-naħa tal-Punent tal-Belt ta’ Londra, fl-istess żmien li nbena Westminster Abbey (1045 -1050).BDL Books - Binjiet Meastużi

Wara l-konkwista Normanna tal-1066, ir-Re William I mar jgħix fit-Torri ta’ Londra, iżda wara reġa’ mar Westminster. Illum, la l-bini użat mis-Sassoni u lanqas dak użat minn William I m’għadu jeżisti kompletament. L-eqdem parti li għadha intatta mill-Palazz hi s-Sala Westminster, u tmur lura għar-renju tar-Re William II, is-suċċessur ta’ William I.

BDL Books - Binjiet MeastużiĊaqliq tal-Kunsill Irjali

Il-Kunsill Irjali, li hu l-predeċessur tal-Parlament, iltaqa’ fis-Sala ta’ Westminster fl-1295, għalkemm iċċaqlaq kull darba, kulfejn mar ir-Re.

It-Torri tal-Ġojjelli nbena għall-ħabta tal-1365 biex fih jinżammu t-teżori ta’ Edward III.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Palazz ta’ Westminster intlaqat erbatax-il darba mill-bombi. L-agħar attakk kien fl-10 ta’ Mejju, 1941, meta nqerdet is-Sala tal-Komun u nqatlu tlieta min-nies.

Għal kemm-il darba, it-tinġis għamel tiegħu fuq il-ġebel tal-Palazz minn barra u l-aħħar programm ta’ restawr fuqu sar bejn l-1981 u l-1994. Issa l-awtoritajiet qed jaraw li r-restawr isir minn żmien għall-ieħor u għaddej proġett fuq il-ġebel tal-btieħi fuq ġewwa, li għandu jitlesta sal-2010.

Il-Palazz ta’ Westminster kif għamlu Barry, fih bosta torrijiet. L-itwal wieħed hu għoli 98.5 metru (323 pied). Dan hu t-Torri Victoria, torri kwadru, fin-naħa tal-Lbiċ tal-Palazz. Issemma għar-Reġina renjanti ta’ dak iż-żmien. Illum, dan it-torri jservi bħala l-Arkivju tal-Parlament. Fil-parti ta’ isfel ta’ dan it-torri hemm l-entratura rjali għall-palazz, użata mir-renjant kulmeta jidħol fil-Palazz ta’ Westminster għall-ftuħ statali tal-Parlament jew għal kull ċerimonja uffiċjali oħra.

BDL Books - Binjiet MeastużiIt-Torri tal-Arloġġ

Fuq in-naħa tal-Grigal tal-Palazz, hemm imbagħad l-aktar torri famuż – it-Torri tal-Arloġġ, jew kif inhu magħruf il-Big Ben. It-Torri tal-Arloġġ hu twil 96.3 metru (316 pied). Fih hemm l-arloġġ b’erba’ faċċati, li kien disinjat minn Pugin innifsu u ħames qniepen li jdoqqu l-Westminster Chimes kull kwarta. L-ikbar u l-aktar waħda magħrufa hi l-Big Ben, li ddoqq is-sigħat.

Mad-dawra tal-Palazz ta’ Westminster hemm numru ta’ ġardini żgħar, bi wħud minnhom miftuħin għall-istranjieri.

Minħabba l-biża’ lil tqanqlet fuq il-possibbiltà ta’ trakk mimli splussivi, misjuq fil-bini, fl-2003 inbnew numru ta’ blokki tal-konkos fit-triq. Għal tul ta’ 70 metru (77 jarda) mix-xatt, ebda qoxra tal-baħar ma titħalla tidħol.

Mill-1 ta’ Awwissu 2005, skont Att tal-Pulizija, hu illegali li jissejħu protesti mingħajr il-permess minn qabel tal-Pulizija Metropolitana, u l-protesti jridu jinżammu madwar kilometru bogħod mid-dawra tal-Palazz.

Ir-rewwixta tal-Insara

Probabbilment l-aktar attentat famuż għall-ksur tas-sigurtà tal-Palazz ta’ Westminster kien il-Pjan tal-Porvli, tal-1605. Il-pjan kien rewwixta mill-Kattoliċi Nsara, li qiegħdu kwantitajiet kbar ta’ porvli taħt il-Palazz u kienu se jagħtuh in-nar waqt il-Ftuħ Statali tal-Parlament. Kieku kollox mexa kif xtaqu, l-isplużjoni kienet teqred lill-Palazz u toqtol lir-Re Protestant James I, lill-familja tiegħu u lil bosta mill-aristokratiċi.

Illum il-ġurnata, il-Palazz ta’ Westminster minn barra – speċjalment it-Torri tal-Arloġġ, huma meqjusin mad-dinja bħala l-akbar attrazzjoni turistika f’Londra. Il-UNESCO tikklassifika kemm il-Palazz ta’ Westminster kif ukoll Westminster Abbey u St. Margaret’s bħala Sit ta’ Wirt Dinji.

Ritratti oħra

BDL Books - Binjiet Meastużi
It-tebut tar-Reġina Omm espost għall-qima tal-pubbliku fis-Sala ta’ Westminster nhar il-Ħadd 5 ta’ April, 2002
BDL Books - Binjiet Meastużi
It-torri tal-arloġġ magħruf internazzjonalment bħala Big Ben

 

Il-Palazz tad-dinastija Savoia

BDL Books - Binjiet MeastużiIl-Palazz fuq stil Barokk ta’ Venaria Reale, inbena mid-dinastija Savoia ’il barra mill-belt ta’ Turin matul is-sekli 17 u 18. Meta Emmanuele- Filiberto, Duka ta’ Savoia, mexxa ’l-kapitali lejn Turin, fl-1562, beda sensiela vasta ta’ proġetti. Din il-ħidma tkompliet mis-suċċessuri tiegħu, biex juru l-kobor u l-qawwa tagħhom fit-tmexxija.

Fl-1659 sar il-proġett grandjuż tad-Duka Carlo Emanuele II, li bena post fiss għall-kaċċa, biex permezz tar-ritwali tal-kaċċa, ikun jista’ jiċċelebra l-kobor tad-Dukat. Għalhekk bena dan il-Palazz b’ħidma tant delikata li tqies bħala l-kuruna tal-kapitali Turin. Ix-xogħol f’Castellamonte, li beda fl-1659 intemm fl-1657 u kien jikkonsisti f’Villaġġ, il-Palazz Irjali u l-Ġonna. Dan kollu kien jestendi fuq art, f’qies ta’ madwar żewġ kilometri.

Sala Diana

BDL Books - Binjiet MeastużiF’nofs il-Villaġġ saret pjazza kwadra. Il-Palazz Irjali jinkludi żewġ ġonna u fin-nofs hemm is-Sala kbira dedikata lil Diana. Lejn in-Nofsinhar hemm l-istalel u l-kennels tal-klieb, waqt li fin-naħa tal-Punent hemm l-orangerie. Quddiem il-Villaġġ, tinsab il-Kappella ta’ Santu Rokku.

Il-qirda f’xi partijiet tal-palazz, kawżata mit-truppi Franċiżi ta’ Catinat fl-1693, kienet ir-raġuni għall-bidu ta’ proġett ġdid ta’ restawr (1699-1713). Fil-proġett tiegħu, Michelangelo Garove esprima r-referenza ġdida tal-Qorti ta’ Vittorio Amedeo II : Versailles. Iżda l-parti t’isfel biss tlestiet skont il-proġett ta’ dan l-arkitett. Il-parti ta’ fuq baqgħet kif kienet, minħabba l-mewt għal għarrieda ta’ Garove fl-1713.

Fl-1716, is-sit kien assenjat lil Filippo Juvarra. Hu ħadem fuq numru ta’ elementi prinċipali tal-bini: l-irranġar tal-bini użat għall-kaċċa, il-bini tal-Kappella Rjali u ħoloq ġnien wieħed quddiem il-Villaġġ.

Kappella San Uberto

BDL Books - Binjiet MeastużiBiex aktar joħroġ il-kobor ta’ dan l-ispazju, Juvarra għolla l-gallerija u fetaħ twieqi kbar. Ix-xogħol tiegħu kompla bejn l-1717 u l-1722, bit-tlestija tal-Kappella dedikata lil San Uberto. Il-bini ssejjaħ ‘L-Istalla l-Kbira’ jew ‘Orangerie’.

Il-Palazz kien ħa daqqa ta’ ħarta fis-seklu 19 meta ntuża bħala barracks, iżda minngħaxar snin ’l hawn saret ħidma biex terġa’ ġġibu fl-istat oriġinali. Dan ix-xogħol sewa 284 miljun dollaru Amerikan. Kien xogħol li kopra 200 acre ta’ ġonna u 860,000 pied kwadru ta’ padiljuni mimlijin bi stuccos u pittura.

L-inizjattiva sabet l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea u twettqet mill-Ministeru tal-Wirt Kulturali u r-Reġjun ta’ Piemonte. Bħala proġett tqies bl-iktar wieħed importanti fir-riabilitazzjoni tal-assi kulturali fl-Ewropa.

B’kollox, il-bini monumentali għandu firxa ta’ 80,000 metru kwadru, bid-diversi estensjonijiet li saru, u jinkludu uħud mill-aqwa espressjonijiet tal-Barokk Ewropew: is-Sala l-kbira ta’ Diana, kapolavur tas-seklu 17 minnAmedeo di Castellamonte; il-Galleria Grande; il-Knisja, is-Serra taċ-?itru u l-Kumpless Prinċipali tal-Istalel, mibnija fis-seklu 18 mill-ġenju Filippo Juvarra.

Kumpless enormi

BDL Books - Binjiet MeastużiMeta wieħed jaraha mill-ajru, ir-Reggia di Venaria tinfirex f’kumpless sħiħ ta’ bini u parki ta’ 950,000 metru kwadru. Fiha ġnien ta’ 80 ettaru (wieħed mill-ikbar fl-Italja), il-Pixkerija l-Kbira, xmara artifiċjali li tesa’ ħdax il-miljun litru ta’ ilma, iċ-ċentru tal-belt storika, il-Borgo Castello u l-Cascina Rubbianetta, f’dominju fejn hemm siġar u kastelli li joħorġu mill-ħdura ta’ La Mandria park, li jinfirex fuq aktar minn6,000 ettaru.

Il-mużew li qed isir, qed ikun disinjat għall-okkażjoni li hi ippjanata għall-2011, li hi l-150 anniversarju mill-unifikazzjoni tal-Italja.

 

 

BDL Books - Binjiet Meastużi
Il-funtana, li matul il-lejl tkun spettakulari għall-aħħar bl-ilma li ddawwar
BDL Books - Binjiet Meastużi
Dik magħrufa bħala ‘galleria grande’ – loġġa kbira li tagħti għal fuq il-ġonna interni tal-Palazz
BDL Books - Binjiet Meastużi
Wieħed mill-appartamenti bl-isbaħ arti indurata bid-deheb
BDL Books -Binjiet Maestużi
Iż-żieda li saret fil-Palazz matul iż-żmien

 

Il-Palazz Imperjali fiċ-Ċina

BDL Books - Binjiet MeastużiBeijing, fiċ-Ċina, hi dominata mill-Palazz Imperjali enormi, li tlesta fl-1420. Peress li aktar minn 500 sena ilu, dan il-palazz kien bogħod ferm mill-pubbliku, iċ-Ċiniżi jirreferu għalih bħala l-Belt Miċħuda. Illum, dan il-palazz jinsab imniżżel fil-lista tal-UNESCO għall-bini meqjus bħala Wirt Dinji.

Mill-1420 sal-1644, il-Belt il-Miċħuda kienet is-sede tad-Dinastija Ming. F’April 1644, inħatfet mill-forzi ribelli mmexxija minn Li Zicheng, li pproklama lilu nnifsu Imperatur tad-Dinastija Shun. Iżda ma damx ma ħarab qabel ma l-armati tal-Ġeneral Wu Sangui tad-Dinastija Ming, ingħaqdu mal-forzi Manchu. Sa Ottubru, il-Manchus kisbu supremazija fin-naħa ta’ fuq taċ-Ċina. Saret ċerimonja fil-Belt il-Miċħuda biex tipproklama liċ-ċkejken Imperatur Shunzhi bħala mexxej taċ-Ċina kollha taħt id-Dinastija Qing. Il-mexxejja Qing bidlu l-ismijiet prinċipali biex aktar jenfasizzaw l-‘Armonija’ milli s-‘Supremazija’.

BDL Books - Binjiet MeastużiFl-1860, matul it-Tieni Gwerra Opium, il-forzi Anglo-Franċiżi ħadu l-kontroll tal-belt il-Miċħuda u okkupawha sa tmiem il-gwerra. Fl-1900, l-Imperatriċi Dowager Cixi ħarbet mill-Belt matul l-Irvell Boxer, u għal sena, il-belt sfat okkupata mill-forzi tal-qawwa li ħejjew it-trattat.

24 imperatur
Wara li kienet ir-residenza għal 24 imperatur – erbatax tad-Dinastija Ming u għaxra tad-Dinastija Qing – fl-1912, mal-abdikar ta’ Puyi, l-aħħar Imperatur taċ-Ċina, il-Belt il-Miċħuda waqfet milli tkun iċ-ċentru politiku. Bi ftehim mal-gvern ġdid tar-Repubblika taċ-Ċina, Puyi baqa’ jgħix fil-parti interna, waqt li dik ta’ barra ngħatat għall-użu pubbliku. Dan sa ma fl-1924 sar kolp u Puyi tneħħa minn hemm.

Fl-1933, wara l-invażjoni Ġappuniża fuq iċ-Ċina, ħafna teżori nazzjonali ttieħdu mill-Belt il-Miċħuda. Xi affarijiet mill-kollezzjoni ngħataw lura ma’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, iżda oħrajn ittieħdu Taiwan bl-ordni ta’ Chiang Kai-shek.
Il-Palazz Imperjali jinsab fi Pjazza Tienanmen, li tkabbret fis-snin ħamsin biex tesa’ aktar minn miljun ruħ. Illum hi mimlija b’dehriet differenti mill-isbaħ u b’nies itajru t-tajr tal-karti u oħrajn jipprattikaw it-tai chi. L-istranjieri jkunu mgħarrfa minn qabel għall-kwantitajiet ta’ bejjiegħa tat-triq, li jippruvaw ibigħulhom ftit minn kollox.

Il-Belt il-Miċħuda hi l-aktar eżempju ta’ bini u kultura Ċiniża antiki priservati bl-aqwa mod. Kienet id-dar għal ħafna dinastiji Rjali taċ-Ċina bħad-Dinastija Ming u d-Dinastija Qing. Din il-belt tant kienet kbira u impressiva li ħafna imperaturi qatt ma ħarġu minnha.

Id-dħul fil-belt
Ħafna nies jidħlu fil-Belt il-Miċħuda (il-Grada tal-Paċi tas-Sema) minn ħdejn il-Pjazza Tienanmen. Hemmhekk hemm ritratt kbir ta’ Mao Zedong u fuq ix-xellug, kartellun bi kliem li jaqra Ħajja Twila lir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, waqt li fuq il-lemin hemm kartellun ieħor bil-kliem Ħa Tgħix fit-Tul l-Għaqda tal-Popli tad-Dinja.

It-tqassim bażiku tal-belt jaf il-bidu tiegħu fis-seklu 15, iżda ħafna bini li naraw illum, sar fis-seklu 19. Il-Palazz Imperjali oriġinali nbena minn 200,000 ħaddiem fi 17-il sena biss. Iżda tul is-sekli, il-kumpless inqered min-nar, terremoti u gwerra.

Il-Belt il-Miċħuda hi kumpless massiv ta’ bini u artefatti li jkopru 200 acre. Fiha hemm ukoll il-Mużew tal-Palazz. Għal kważi ħames sekli, serviet bħala d-dar tal-Imperatur u n-nies ta’ madwaru, kif ukoll bħala ċ-ċentru politiku u ċerimonjali tal-gvern Ċiniż.
Mibni bejn l-1406 u l-1420, il-kumpless għad fih 980 binja, bi 8,707 kmamar. Il-kumpless tal-palazz jixhed l-arkitettura tradizzjonali Ċiniża u influwenza l-iżviluppi kulutrali u arkitettoniċi fl-Asja tal-Lvant u postijiet oħra.

Il-Mużew tal-Palazz
Mill-1925, il-Belt il-Miċħuda waqgħet taħt il-ħarsien tal-Mużew tal-Palazz, li l-kollezzjonijiet estensivi li għandu huma artiġjanat u artefatti mid-dinastiji Ming u Qing. Biex sempliċiment wieħed jimxi mill-Grada tal-Paċi tas-Sema sal-bini ewlieni tal-Palazz Imperjali u jidħol sal-Grada tal-Ħila Divina fit-tarf l-ieħor, jieħu mill-inqas sagħtejn. Ma’ dawn wieħed irid iżid il-ħin li fih jieqaf biex jesplora l-istrutturi li hemm mat-triq.

Tradizzjonalment, il-Belt il-Miċħuda hi maqsuma f’żewġ partijiet. Il-parti ta’ barra tinkludi t-taqsimiet fin-naħa tan-Nofsinhar u kienet tintuża għal skopijiet ċerimonjali. Il-parti ta’ ġewwa (il-Palazz ta’ wara) jinkludi t-taqsimiet tat-Tramuntana, u kienet ir-residenza tal-Imperatur u l-familja tiegħu, kif ukoll għall-ħtiġiet ta’ kuljum tal-istat.

Fil-ħafna swali li hemm fil-palazz, wieħed isib it-tron Imperjali. Dan qiegħed fil-Palazz tal-Purità tas-Sema. Hawnhekk kienet is-sala tal-udjenzi tal-Imperatur. Fuq it-tron hemm kitba li tgħid ‘Ġustizzja u Unur’.

Kurżitajiet
Skond leġġenda antika, fil-Belt il-Miċħuda hemm 9,999 kamra, iżda dan irriżulta li mhux minnu. Minn stħarriġ li sar minn esperti storiċi hemm 8,707 kmamar, li jinkludu l-palazzi kollha, is-swali, l-istudji u l-padiljuni.

Id-draguni
Fis-Sala tal-Paċi Suprema hemm numru enormi ta’ ornamenti li juru draguni differenti. In-nies isostnu li tant hemm minnhom, li hu diffiċli ferm tgħoddhom. Madankollu, wara biċċa xogħol iebsa, l-esperti qalu li b’kollox hemm 13,844 dragun.

BDL Books - Binjiet Meastużi
Il-Belt il-Miċħuda kif tidher minn fuq l-għolja Jingshan fit-Tramuntana tal-pajjiż
BDL Books - Binjiet Meastużi
It-tron tad-Dragun tal-Imperatur taċ-Ċina fil-Belt il-Minsija
BDL Books - Binjiet Maestużi
It-Tempju tas-Sema
BDL Books - Binjiet Meastużi
It-tron fis-Sala tal-Ħarsien tal-Armonija
BDL Books - Binjiet Meastużi
Ħajt b’disa’ draguni fil-Belt il-Miċħuda, f’Beijing

 

 

 

 

 

 

BDL Books - Binjiet Meastużi
Id-dħul għall-Palazz Imperjali
BDL Books - Binjiet Meastużi
Uħud mid-draguni fil-Belt il-Miċħuda
BDL Books - Binjiet Meastużi
Kreaturi skolpiti fl-injam biex iħarsu lill-okkupanti tal-Palazz

Il-Palazz ta’ Buckingham fl-Ingilterra

BDL Books - Binjiet MeastużiIl-Palazz ta’ Buckingham inbena u tlesta minn Edward Blore fl-1850 u reġa’ kien disinjat mill-ġdid fl-1913 minn Sir Aston Webb. Ir-Reġina Vittorja, l-ewwel monarka li għexet f’dan il-Palazz għamlet hekk meta tlesta fl-1837, u hekk kif ħadet it-tron.

Dan il-Palazz jinsab fil-Belt ta’ Westminster u hu l-post ideali għal okkażjonijiet statali, ospitalità rjali, u fuq kollox attrazzjoni turistika. Hu wkoll il-post fejn ħafna nies Ingliżi ltaqgħu fi żminijiet differenti kemm f’waqtiet ta’ ferħ kif ukoll fi kriżi.

Magħruf oriġinarjament bħala Buckingham House, il-bini li jifforma l-qalba tal-palazz kien townhouse kbira, mibnija mid-Duka ta’ Buckingham fl-1703 u miksuba mir-Re Ġorġ III fl-1761 bħala residenza privata, magħrufa bħala ‘Id-dar tar-Reġina’. Tkabbret fil-75 sena ta’ wara, prinċipalment mill-arkitetti John Nash u Edward Blore, u ffurmat tliet binjiet madwar il-bitħa ċentrali. Finalment, il-Palazz ta’ Buckingham sar magħruf bħala l-palazz irjali uffiċjali tal-monarkija Ingliża.

Il-kappella

BDL Books - Binjiet MeastużiL-aħħar addizzjonijiet strutturali kbar saru lejn tmiem is-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20, inkluża l-faċċata li naraw illum. Madankollu, il-kappella tal-palazz kienet inqerdet b’bomba Ġermaniża waqt it-Tieni Gwerra Dinjija u flokha nbniet il-Gallerija tar-Reġina, li fiha kienu esebiti l-oġġetti ta’ arti mill-Kollezzjoni Rjali. Din il-Gallerija fetħet għall-pubbliku fl-1962.

Ħafna mid-disinji oriġinali interni tal-bidu tas-seklu 19 għadhom jidhru sal-lum f’xi swali.

Il-ġnien tal-palazz hu l-ikbar ġnien privat f’Londra u l-lag artifiċjali, li tlesta fl-1828 fih ilma li jinżel minn Serpentine, xmara li tgħaddi minn Hyde Park.

Il-kmamar statali jiffurmaw parti mill-ħidma tal-palazz u b’mod regolari jintużaw mir-Reġina Eliżabetta II u mill-membri tal-familja rjali għall-ġrajjiet uffiċjali u statali. Il-Palazz Buckingham hu l-aktar bini familjari madwar id-dinja u kull sena jżuruh aktar minn 50,000 persuna.

L-ewwel djar

Aktarx li l-ewwel dar mibnija fis-sit kienet dik ta’ Sir William Blake, għall-ħabta tal-1624. Is-sid ta’ wara kien Lord Goring li mill-1633 kabbar id-dar ta’ Blake u żviluppa ħafna mill-ġnien li jidher illum, li dak iż-żmien ingħata l-isem ta’ Goring Great Garden. Madankollu qatt ma rnexxielu jikseb iċ-ċens tal-mulberry garden. Mingħajr ma Goring kien jaf, id-dokument naqas li jkollu l-approvazzjoni tar-Re Karlu I qabel ma dan ħarab minn Londra u għalhekk fl-1640 ma kellu ebda dritt legali fuq l-art. Din in-nuqqas għen lill-familja rjali Ingliża tikseb l-art mill-ġdid taħt ir-Re Ġorġ III. Illum, id-dar tifforma parti mill-arkitettura fil-qalba tal-palazz preżenti, li nbena għall-ewwel Duka ta’ Buckingham u Normanbija fl-1703. L-istil magħżul kien blokk ċentrali kbir bi tliet sulari b’żewġ binjiet żgħar fil-ġnieb. Eventwalment, fl-1761, Dar Buckingham inbiegħet mid-dixxendent Sir Charles Sheffield, lil Ġorġ III għal £21,000.

Oriġinarjament, id-dar kienet intenzjonata bħala post għall-irtiri tal-familja rjali, b’mod partikulari għar-Reġina Charlotte, u kienet magħrufa bħala d-Dar tar-Reġina. Fiha twieldu 14 mill-15-il tarbija tagħha.

Spejjeż enormi

BDL Books - Binjiet MeastużiL-immudellar mill-ġdid beda fl-1762. Meta fl-1820 Ġorġ IV laħaq re, kompla bix-xogħol u qabbad lill-arkitett John Nash. Iżda tant għolew l-ispejjeż, li Nash twarrab. Meta Ġorġ IV miet fl-1830 u laħaq ħuh iżgħar, William IV, tqabbad Edward Blore biex ilesti x-xogħol. F’waqt minnhom, William ħaseb li mill-Palazz jagħmel il-Parlament, peress li l-ieħor kien inħaraq fl-1834.

Tliet snin wara, il-Palazz Buckingham sar ir-residenza prinċipali rjali hekk kif telgħet fit-tron ir-Reġina Vittorja, li kienet l-ewwel reġina li għexet hemm wara l-predeċessur tagħha William IV. Iżda maż-żmien, il-palazz waqa’ f’telqa u mtela’ bil-ħmieġ, għax ħadd mill-ħaddiema ma kien iwettaq xogħlu. Iżda meta fl-1840, ir-Reġina żżewġet, żewġha l-Prinċep Albert ħa t-tmexxija tal-palazz f’idejh u l-problemi kollha ssolvew.

BDL Books - Binjiet MeastużiSal-1847, il-koppja rjali ħasset li l-palazz kien ċkien għall-ħtiġiet tagħha u allura Edward Blore tqabbad biex inbena aktar bini. Qabel il-mewt tal-Prinċep Albert, il-palazz kien iservi għal bosta ġrajjiet. Jingħad li Felix Mendelssohn, daqq fi tliet okkażjonijiet. Daqq ukoll Johann Strauss II .

Stat ta’ telqa

BDL Books - Binjiet MeastużiMeta fl-1861 ir-Reġina sfat armla, hi warrbet mill-ħajja pubblika u telqet mill-Palazz Buckingham biex marret toqgħod fil-Kastell Windsor, dak Balmoral u f’Osborne House. Għal bosta snin, il-palazz qajla ntuża u tħalla fi stat ta’ telqa. Imma l-opinjoni pubblika ġiegħlet lir-Reġina tirritorna Londra, għalkemm meta possibbli dejjem ippreferiet tgħix xi mkien ieħor.

Il-palazz jokkupa 77,000 metru kwadru ta’ art. Fis-sular ta’ fuq hemm il-Music Room. Imbagħad il-Blue u l-White Drawing rooms. F’nofs il-kuridur li jwassal għall-kmamar statali hemm il-Picture Gallery, f’tul ta’ 50 metru, fejn hemm kwantità ta’ pittura ta’ Rembrandt, van Dyck, Rubens u Vermeer. Mill-Gallerija tasal għas-Sala tat-Tron u għall-Green Drawing Room, li sservi ta’ antekamra enormi għas-Sala tat-Tron.BDL Books - Binjiet Meastużi

Fis-sular ta’ taħt l-Appartamenti Statali hemm appartamenti iżgħar, li jintużaw għal festini u udjenzi privati. Xi wħud minn dawn il-kmamar kienu dekorati għal viżitaturi partikulari, bħall-Kamra 1844, li kienet dekorata dik is-sena għaż-żjara Statali tal-Imperatur Nikola I tar-Russja, u fin-naħa l-oħra hemm il-Kamra 1855, bħala unur għaż-żjara tal-Imperatur Napuljun III ta’ Franza.

L-ikbar sala fil-Palazz Buckingham hi s-Sala tal-Ballijiet. Kienet saret mir-Reġina Vittorja għaċ-ċerimonji, bħall-investituri u ikliet statali.

Meta fl-1901 laħaq ir-Re Dwardu VII, li kien miżżewweġ lir-Reġina Alexandra, il-Palazz ħa ħajja ġdida, għalkemm ħafna nies huma tal-fehma li d-dekorazzjonijiet li saru mill-ġdid fil-Palazz ma jikkumplimentawx ix-xogħol oriġinali ta’ Nash.

Ktieb pubblikat fl-1999 mid-Dipartiment tal-Kollezzjoni Rjali jsemmi li l-palazz fih 19-il sala statali, 52 kamra tas-sodda prinċipali, 188 kamra tas-sodda għall-ħaddiema, 92 uffiċċju u 78 kamra tal-banju.

Pixxina

Estensjoni żgħira li tajret parti mill-padiljun fin-naħa tal-Majjistral, li kien disinjat minn Nash, saret fl-1938 meta sfat konvertita f’pixxina. Illum il-ġurnata l-Palazz Buckingham mhux biss id-dar ta’ matul il-ġimgħa għar-Reġina u l-Prinċep Philip iżda wkoll ir-residenza f’Londra għad-Duka ta’ York u l-Earl u l-Kontessa ta’ Wessex. Fih hemm l-uffiċċji tar-Royal Household u l-post tax-xogħol għal 450 persuna.

Bħall-kastell Windsor, il-palazz hu proprjetà tal-Ingilterra u mhux proprjetà personali tal-monarkija, bħal Sandringham u l-Kastell Balmoral. Ħafna mill-oġġetti mill-Palazz Buckingham, il-Kastell Windsor, il-Palazz Kensington u l-Palazz St. James huma magħrufa kollettivament bħala l-Kollezzjoni Rjali. Dawn huma wkoll proprjetà tan-nazzjon u f’ċerti okkażjonijiet ikunu esebiti għall- pubbliku fil-Gallerija tar-Reġina.

Is-swali statali tal-palazz ilhom jinfeħtu għall-pubbliku bejn Awwissu u Settembru, sa mill-1993. Il-flus miġbura mill-entratura qed imorru b’risq il-bini mill-ġdid tal-Kastell Windsor, wara n-nar li qabad fl-1992, li qered ħafna mis-swali statali.

BDL Books - Binjiet Meastużi
Is-Salott tar-Reġina
BDL Books - Binjiet Meastużi
Is-sala tat-Tron
BDL Books - Binjiet Meastużi
It-Tron

Il-Palazz Presidenzjali f’Ateni

BDL Books - Binjiet MeastużiIl-Palazz Presidenzjali f’Ateni, il-Greċja, hu r-residenza uffiċjali tal-President tar-Repubblika Ellenika. Qabel kien iservi bħala l-Palazz Irjali u dan dam hekk sa ma permezz ta’ referendum fl-1974, tneħħiet il-monarkija.

Id-deċiżjoni li jinbena l-bini li llum iservi bħala d-dar Presidenzjali ttieħdet fl-1868. Dik is-sena twieled Kostantinu, bin Ġorġ I, u eredi tat-tron. L-istat Grieg qatagħha li jippreżentalu dar privata għal meta jilħaq l-età tiegħu.

Wieħed u għoxrin sena wara, meta Kostantinu żżewweġ lil Sophia, Prinċipessa tal-Hohenzollern, l-istat qabel li jinbena l-palazz għall-Prinċep eredi, u sar magħruf bħala Enst Ziller. Il-bini beda fl-1891 u tlesta sitt snin wara fl-1897.

Nar qerried

Lejlet il-Milied tal-1909, in-nar qered parti kbira mill-Palazz Irjali (illum użat mill-Parlament) bir-riżultat li temporanjament, beda jintuża bħala r-residenza tal-familja rjali. Wara l-assassinar ta’ Ġorġ I fl-1913, u l-inkurunazzjoni ta’ Kostantinu, il-Palazz tal-Prinċep eredi, finalment sar ir-residenza rjali.

L-użu tal-bini bħala Palazz waqaf fl-1924, meta l-monarkija twarrbet għal kollox u l-pajjiż ġie dikjarat Repubblika. Imbagħad intuża bħala dar Presidenzjali sal-1935 sa mal-monarkija reġgħet ġiet restawrata u r-Re rritorna f’pajjiżu. Mill-1974, ġiet restawrata wkoll id-demokrazija wara seba’ snin ta’ dittatura militari u l-bini ntuża bħala dar Presidenzjali u residenza għall-President tal-ġurnata.

Sal-aħħar snin tas-seklu dsatax, l-art li fuqha nbniet id-dar Presidenzjali kienet meqjusa bħala ’l-barra mil-limiti tal-belt. Fuq in-naħa tal-Lvant tagħha kien hemm il-Palazz Irjali. Wara dak, kien hemm biss għelieqi u rziezet żgħar. F’dak il-perijodu, l-uniċI bini li kien jidher fuq il-mapep, kienu d-dar tad-Dukessa ta’ Plaisance (magħrufa bħala Ilissia u llum fiha l-Mużew Biżantin) u l-Monasteru Petraki, li t-tnejn inbnew fl-inħawi tal-kampanja, ’il bogħod miċ-ċentru tal-belt.

Għarfien limitat

L-għarfien limitat għall-inħawi f’dak iż-żmien, jista’ jidher mill-fatt li fl-1854, fuq l-istess art kien hemm orfanatrofju tal-bniet (li m’għadux jeżisti). Barra minhekk, l-art matul Vjal Kifissias (illum magħrufa bħala Vjal Vasilissis Sofias) ukoll baqgħet mhux mibnija u l-istat kien mistenni jibni fuqha, bini ministerjali.

Fil-bidu tal-1870 l-Istat ippermetta l-bejgħ tal-art lil individwi privati, li wassal għall-bini ta’ djar għall-familji għonja ta’ Ateni. Lejn l-1890, l-arkitett Ernst Ziller ingħata l-kummissjoni li jibni l-Palazz għall-Prinċep eredi. Ziller kien l-arkitett uffiċjali tal-Qorti taħt ir-Re Ġorġ I u ddisinja madwar 700 binja mal-Grecja kollha, kemm dawk uffiċjali kif ukoll għall-użu privat.

Ġnien ornamentali

Mat-tlestija tal-Palazz fl-1897 u l-bini ta’ Triq Herodou Attikou, il-Palazz tal-Prinċep ġie mdawwar bi ġnien ornamentali kbir. L-għażla tal-pjanti aktarx li tħalliet f’idejn xi speċjalist Grieg, peress li ħafna mis-siġar huma Griegi.

Sa mill-bidu, il-ġnien kien maqsum f’żewġ partijiet kbar, minħabba li t-triq mhix dritta. Il-Palazz jinsab fl-ogħla parti u quddiemu hemm il-ġnien li sar fuq stil Franċiż.

Peress li dan kien se jkun palazz għall-Prinċep eredi, ma sarux swali tal-ballu kbar, peress li twemmen li dawn kellhom ikunu biss fil-Palazz Irjali l-antik. Għalhekk, meta l-palazz sar ir-residenza ewlenija rjali, kienet meħtieġa sala tal-ballu kbira.
Fl-1909, Ziller reġa’ tqabbad jiddisinja estensjoni li kienet tintuża bħala sala tal-ballu u li llum hi magħrufa bħala s-Sala tal-Kredenzjali.

L-ikbar kamra

Estensjoni oħra kienet meħtieġa meta l-Prinċipessa Sophia tal-Greċja, bint ir-Re Pawlu u r-Reġina Frederika, tgħarrset lill-Prinċep Don Juan Carlos I ta’ Spanja (illum Re u Reġina ta’ Spanja). Kien fl-1962, li r-Re ikkummissjona lill-arkitett Alexander Baltatzis biex jiddisinja żieda li kellha tkun l-ikbar kamra li hemm fil-palazz illum, u li hi magħrufa bħala r-Reception Hall.

Illum, bil-belt ta’ Ateni testendi u bosta mili kwadri, id-dar Presidenzjali tinsab eżattament fiċ-ċentru tal-kapitali, maġenb il-Ġnien Nazzjonali u l-Parlament.

Triq Herodou Attikou, fejn jinsab dan il-bini Presidenzjali, mhux biss hi waħda mill-aktar triqat sbieħ tal-belt, iżda hi msawra bil-ħajja politika u soċjali tal-Greċja, peress li fl-istess post hemm il-bini Maximou, fejn il-Prim Ministru Grieg għandu l-uffiċċju tiegħu. Id-dar Presidenzjali bil-ġnien li fiha, għandha firxa ta’ madwar 27,000 metru kwadru.

Sa min-nofs is-snin sebgħin, il-President jorganizza riċeviment kull 24 ta’ Lulju biex ifakkar ir-restawr tad-demokrazija. Għal dan ir-riċeviment ikunu mistednin l-irjus politiċi, miliari, il-mexxejja akkademiċ tal-pajjiż u wkoll rappreżentanti tal-midja u organizzazzjonijiet oħra.

BDL Books - Binjiet Meastużi
Il-librerija mgħammra bl-aqwa kotba, fil-Palazz
BDL Books - Binjiet Meastużi
Is-sala tal-viżitaturi
BDL Books - Binjiet Meastużi
It-taraġ impotenti u sabiħ fil-Palazz
BDL Books - Binjiet Meastużi
Sala enormi tar-rilassament

Il-Palazz tal-President tal-Filippini

BDL Books - Binjiet MeastużiIl-Palazz Malacañang, jew kif hu magħruf il-Palazz Malacañan, hu r-residenza uffiċjali tal-President tal-Filippini. Il-palazz jinsab fin-naħa ta’ fuq tax-xatt tax-Xmara Pasig f’Manila. Il-kelma ‘Malacañang’ hi referenza għall-amministrazzjoni tal-President jew il-fergħa Eżekuttiva. Illum, il-kumpless jikkonsisti fil-Palazz innifsu; is-sala Bonifacio (li qabel kienet tintuża bħala d-dar tal-mistednin) użata minn Ferdinand E. Marcos u wara mis-suċċessur Corazon C. Aquino bħala l-uffiċċju tagħha u minn Joseph Ejercito Estrada bħala residenza; is-Sala Kalayaan (qabel il-bini eżekuttiv mibni fi żmien l-amministrazzjoni Amerikana); is-Sala Mabini (il-bini tal-Amministrazzjoni) u l-Bini Eżekuttiv Ġdid (mibni mill-President Aquino) kif ukoll binjiet oħra żgħar.

Dar tal-mistrieħ

Faċċata tax-xmara hemm il-Malacañang Park, li jikkonsisti f’golf course, park, kmamar għall-gwardja presidenzjali kif ukoll dar tal-mistrieħ għall-president (Bahay Pangarap) u sala tar-rikreazzjoni mibnija fl-aqwa żmien tal-Commonwealth.

Il-kmamar statali u storiċi qajla jkunu miftuħin għall-pubbliku, għalkemm fiż-żmien ta’ qabel Marcos, speċjalment matul il-ħakma ta’ Ramon Magsaysay, il-Palazz kien jinżamm magħluq u mgħasses b’mod qawwi l-aktar fi żmien ta’ taqlib politiku. Dan peress li kulmin jipprotesta kien jinġabar tul Triq Mendiola u juri fehmtu kontra l-Gvern.

L-etimoloġija uffiċjali għall-isem ta’ dan il-palazz tmur lura għall-1930 u jingħad li ġej mill-frażi Tagalog may lakan diyan, li tfisser “hemmhekk hemm bniedem nobbli”. Kollu hu minnu, għax qabel ma l-Palazz beda jservi bħala r-residenza tal-Kap Eżekuttiv tan-nazzjon, kien id-dar ta’ merkant Spanjol sinjur ferm.

Min-naħa l-oħra l-Ispanjoli jgħidu li l-isem hu ġej minn ‘Mamalakaya’; għas-sajjieda li fl-antik kienu jifirxu l-qabda tagħhom, fil-kisra tax-xmara fejn illum hemm il-Palazz.

Fl-Intramuros

Hu x’inhu l-oriġini, ħadd ma jmeri li l-kelma Malacañang hi Spanjola.

Qabel l-indipendenza ta’ Spanja l-Ġdida, mnejn il-Filippini kienu ggvernati, il-Ġeneral Spanjol u wara l-Ġeneral tal-Filippini, kienu joqogħdu bid-dar fil-belt magħluqa Intramuros f’Manila. Iżda damu hemm biss sa ma terremot waqqa l-Palazz tal-Gvernatur (Palacio del Gobernador) fl-1869. Minn dak iż-żmien, il-Palazz Malacañang, dar tas-sajf, oriġinarjament mibnija fl-1802 mill-aristokratiku Spanjol Don Luis Rocha, li mbagħad xtraha uffiċjal u wara nxtrat mill-istat, saret ir-residenza temporanja tal-Gvernaturi Ġenerali. L-ewwel Gvernatur Spanjol li okkupa l-Palazz Maolacanang kien il-Gvernatur Ġenerali Rafael de Echague y Bermingham, li qabel kien gvernatur ta’ Puerto Rico.

Meta l-Filippini waqgħu taħt il-ħakma Amerikana wara l-gwerra Spanjola-Amerikana, il-Palazz Malacañang sar ir-residenza tal-Gvernatur Ġeneralil Amerikan. Kien William Howard Taft, li fl-1900 sar l-ewwel Gvernatur Ċivili Amerikan li mar joqgħod fil-Palazz. Fi żmienu l-Palazz tkabbar u wara żdied bini eżekuttiv mill-Gvernaturi Ġenerali Francis Burton Harrison u Dwight Davis.

Okkupazzjoni Filippina

Meta fil-15 ta’ Novembru, 1935 twaqqaf il-Commonwealth tal-Filippini, il-bini għadda f’idejn il-President tal-pajjiż. L-ewwel President tal-Filippini li okkupah kien Manuel L. Quezon. Minn dakinhar ’l hawn il-Palazz baqa’ jinżamm bħala r-residenza uffiċjali tal-President.

Hekk kif Ramon Magsaysay laħaq President ħareġ ordni eżekuttiva biex bidel l-isem minn Malacañang Palace għal Malacañang: Ir-Residenza tal-President tal-Filippini. Dan l-isem qabad malajr u nżamm sa ma ġie abbandunat informalment mill-amministrazzjoni Marcos.

Matul l-amministrazzjoni tal-President Corazon Aquino, u għal raġunijiet storiċi, il-politika tal-gvern riedet tagħmel distinzjoni bejn il-Palazz Malacanan, ir-residenza uffiċjali tal-President, u Malacañang, l-uffiċċju tal-President.

Il-Palazz sar magħruf bħala d-dar tal-President Ferdinand u Imelda Marcos, li kienu l-aktar nies li għexu fih – mill-1965 sal-1986. Bħala first lady, is-Sinjura Marcos rat il-bini mill-ġdid tal-palazz skont il-gosti estravaganti tagħha. Bl-espansjoni li saret, ittieħed ukoll il-bini tal-Birrerija San Miguel. Wara l-protesti u l-irvell mill-istudenti, li waslu sal-gradi tal-palazz, fil-bidu tas-sebgħinijiet, ġiet dikjarata l-liġi marzjali u l-kumpless ingħalaq għall-pubbliku. Iżda meta l-President Marcos tneħħa mis-setgħa, il-kumpless imtela bin-nies tal-lokal u l-ġurnalisti internazzjonali setgħu juri l-ħajja lussuża li kienet qed tgħix fiha l-familja Marcos, kif ukoll il-kollezzjoni ta’ min jistmerrha, ta’ eluf ta’ żraben li kellha s-Sinjura Marcos.

BDL Books - Binjiet Meastużi
Sala bil-bustijiet tad-diversi Presidenti
BDL Books - Binjiet Meastużi
Sala li sservi bħala Mużew, l-aktar imfittxija mill-istranjieri f’Malacanang

      

BDL Books - Binjiet Meastużi
Waħda mis-swali fil-Palazz Presidenzjali

  

 

  

BDL Books - Binjiet Meastużi
Wieħed mill-kurituri fil-Palazz Presidenzjali Filippin

  

BDL Books - Binjiet Meastużi
Dan kien l-Uffiċċju Eżekuttiv tal-President tal-Filippini. Jinsab fit-tieni sular tal-bini prinċipali tal-Palazz. L-iskrivanija Presidenjali hi l-istess waħda ta’ żmien il-Commonwealth tal-Filippini, wara li l-     iskrivanija uffiċjali tal-Gvernatur Ġenerali Amerikan ittieħdet l-Amerika. L-iskrivanija preżenti nutżat minn żmien Manuel L. Quezon sa żmien Marcos. Fil-fatt kien minn hawn li Marcos iddikjara l-liġi     marzjali

 

 

Il-ġojjell tal-arti Islamika u kapolavur ta’ wirt dinji

BDL Books - Binjiet MeastużiIt-Taj Mahal hu meqjus bħala l-iktar eżempju rikk tal-arkitettura tal-Mughal, stil li jikkombina l-elementi mill-istili arkitettoniċi Persjani, Ottomani u Islamiċi. Fl-1983, it-Taj Mahal kien dikjarat sit ta’ wirt dinji mill-UNESCO u meqjus bħala “il-ġojjell tal-arti Islamika u kapolavur ta’ wirt dinji meqjum universalment.”

Waqt li l-koppla tal-musulew magħmula minn irħam abjad hi l-aktar komponent familjari, it-Taj Mahal hu kumpless integrat ta’ bini. Il-bini beda madwar l-1632 u tlesta għall-ħabta tal-1653. Għal biex sar kienu mħaddma eluf ta’ artiġjani u nies tas-sengħa.

Il-bini tat-Taj Mahal ingħata lil bord ta’ periti taħt is-superviżjoni imperjali fosthom Abd ul-Karim Ma’mur Khan, Makramat Khan u Ustad Ahmad Lahauri, Persjan li hu meqjus bħala d-disinjatur prinċipali. Fl-1631, ix-Shah Jahan, imperatur waqt il-perijodu tal-imperu Mughal, li kien wieħed prosperu mmens, intlaqat minn niket kbir hekk kif it-tielet mara li kelu, Mumtaz Mahal, mietet wara li welldet lill-erbatax-il tarbija tagħhom, Gauhar Begum.

Talba ta’ moribonda

Waqt li kienet fl-afja tal-mewt, Mumtaz ħeġġet lil Shah Jahan jibnilha musulew b’tifkira, li kellu jkun l-isbaħ wieħed milli d-dinja qatt rat qabel. Ix-Shah wegħidha li x-xewqa tagħha kellha titwettaq u l-bini tat-Taj Mahal beda fl-1632, sena wara mewtha. Id-dwejjaq li waqa’ fih ix-Shah tixhed l-istorja ta’ mħabba li wasslet għall-ispirazzjoni tat-Taj Mahal. Il-musulew prinċipali tlesta fl-1648 u l-bini tal-madwar u l-ġnien, tlestew ħames snin wara. Ix-Shah Jahan innifsu ddeskriva t-Taj b’dawn il-kelmiet:

BDL Books - Binjiet MeastużiJekk ħati jfittex kenn hawnhekk, Bħal wieħed maħfur, ikun meħlus mid-dnub.
Jekk midneb jidħol f’dan il-bini,
Dnubietu qodma jinħaslulu.
Id-dehra ta’ dan il-bini joħloq stagħġib ta’ diq;
U x-xemx u l-qamar ixerrdu d-dmugħ minn għajnejhom.
F’din id-dinja, dan l-edifiċċju sar;
Biex jixhed il-glorja tal-ħallieq.

L-ispirazzjoni speċifika għall-bini tat-Taj Mahal ġew mill-bini magħruf tad-dinastija Timurid u tal-Mughal, fosthom il-Gur-e-Amir (il-qabar ta’ Timur, il-proġenitur tad-dinastija Mughal, f’Samarkand), il-qabar Humayun, il-qabar Itmad-Ud-Daulah (kultant imsejjaħ tat-Tarbija Taj) u dak tax-Saha Jahan innifsu, il-Jama Masjid f’Delhi. Waqt li l-binjiet Mughal ta’ qabel kienu jsiru minn ġebel aħmar, Shah Jahan ippromwova l-użu ta’ rħam abjad intarsjat b’ħaġar semi prezzjuż, u l-bini taħt il-patrunaġġ tiegħu laħqu livelli ġodda ta’ rfinar.

Il-qabar 

L-attenzjoni ċentrali tal-kumpless hu l-qabar. Din l-istruttura kbira, magħmula minn irħam abjad, jinsab wieqaf fuq plinta kwadra u tikkonsisti f’bini simetriku b’iwan (speċi ta’ bieb forma ta’arkata) li fuqu hemm kampnar kbir b’turretta tar-ram maħsula bil-bronż (finial). Bħal ħafna mill-oqbra tal-Mughal, l-elementi bażiċi għandhom l-oriġini tagħhom Persjani. Il-kampnar tal-irħam li jgħatti l-qabar hu l-aktar fattur spettakulari. Hu għoli madwar 35 metru, kważi l-istess għoli tal-bażi u jaċċentwa aktar peress li jistrieħ fuq drum tond ta’ madwar seba’ metri għoli. Minħabba l-għamla tal-kampnar ġieli ssir referenza għalih bħala l-kampnar ‘basla’ jew amrud. L-istess għamla tal-kampnar hi enfasizzata minn erba’ kampnari oħra iżgħar chattris, li jinsabu fl-erba’ kanturnieri, li jirreplikaw l-għamla ta’ basla tal-kampnar prinċipali.

Il-finial oriġinali kien magħmul tad-deheb iżda nbidel b’kopja maħsula bil-bronż fil-bidu tas-seklu 19. Dan l-oġġett jagħti eżempju ċar tal-integrazzjoni tal-elementi dekorattivi tardizzjonali, Persjani u Hindu. Fil-quċċata tal-finial hemm qamar, motiv tipiku Islamiku, li l-ponot tiegħu jippuntaw lejn il-ġenna.

Il-minareti, li huma twal aktar minn 40 metru, juru l-ħila enormi tad-disinjatur għas-simetrija. Kienu disinjati bħala minareti li jagħtu sehemhom – element tradizzjonali tal-moskej, intużati mill-muezzin biex isejħu lill-fidili Islamiċi għat-talb.

Id-dekorazzjonijiet 

BDL Books - Binjiet MeastużiId-dekorazzjonijiet tat-Taj Mahal fuq barra, huma fost l-iktar fini li jinstabu fl-arkitettura Mughal. Hekk kif il-firxa tal-art tinbidel, id-dekorazzjonijiet jidhru rfinuti b’mod proporzjonali. L-elementi dekorattivi nħolqu billi ntużat iż-żebgħa, l-istucco, l-intarsjar fil-ġebel u l-iskultura. U peress li l-Islam jipprojbixxi l-użu ta’ tpinġijiet ta’ annimali, l-elementi dekorattivi jistgħu jinġabru fil-kaligrafija, f’forom astratti jew f’disinji vegetattivi.

Iżda mal-kumpless kollu tat-Taj Mahal, bħala elementi dekorattivi, intużaw passaġġi mill-Qur’an. Xi wħud huma tal-fehma li s-suġġetti tal-passaġġi ntgħażlu minn Amanat Khan u jirreferu għat-temi ta’ ġudizzju. Il-kaligrafija fuq il-grada l-kbira taqra hekk: “O Ruħ, int tinsab mistrieħa. Mur lura għand is-Sid f’ paċi Miegħu, u hu jkun paċi miegħek”. Fil-ġnieb tal-qabar hemm skolpiti f’bas reliev, fjuri u dwieli. Dawn ġew illustrat b’mod li jenfasizzaw sew l-iskultura tagħhom.

BDL Books - Binjiet MeastużiIl-kamra ta’ ġewwa tat-Taj Mahal hi bogħod mill-elementi dekorattivi tradizzjonali. Hawn, l-intarsjar mhux tal-pietra dura, iżda ħaġar prezzjuż u semi prezzjuż. Il-forma tagħha hi ta’ ottagonu, biex tidħol mnejn tidħol tara l-istess dehra, għalkemm bieb wieħed biss jintuża. Il-ħitan huma għoljin madwar 25 metru u fuqhom jistrieħ kampnar ‘falz’ b’motif tax-xemx. It-tradizzjoni Musulmana ma tippermettix dekorazzjoni elaborata fuq l-oqbra. Għalhekk Mumtaz u Shah Jahan jinsabu midfunin fi kripta relattivament sempliċi, b’wiċċhom iħares lejn il-lemin, u lejn il-Mecca.

Tliet ħitan 

Il-kumpless Taj Mahal hu magħluq minn tliet naħat b’ġebel aħmar, waqt li fuq ix-xellug, fejn hemm ix-xmara, baqa’ miftuħ. Barra l-ħitan hemm bosta musulej oħra, li jinkludu dawk tan-nisa l-oħra li kellu x-Shah, u qabar ikbar għas-seftur favorit li kellha Mumtaz.

Id-daħla prinċipali (darwaza) hi struttura monumentali mibnija primarjament mill-irħam, li hu reminixxenti tal-arkitettura Mughal tal-imperaturi tal-bidu. Hi mimlija bas reliev, u dekorazzjonijiet intarsjati tal-pietra dura b’motifi florali.BDL Books - Binjiet Meastużi

Biex kiseb l-art fejn inbena t-Taj Mahal, ix-Shah Jahan ta palazz kbir fiċ-ċentru ta’ Agra lil Maharajah Jai Singh. L-art, ta’ madwar tliet acres kienet skavata, mimlija bl-iskart biex tinxef u ġiet livellata f’50 metru ’l fuq minn xatt ix-xmara. Fejn hemm l-oqbra , tħaffru l-bjar u mtlew bil-ġebel u l-mazkan biex jiffurmaw il-qiegħ tal-qabar.

Leġġenda 

Skond leġġenda jingħad, li kienet inbniet rampa ta’ 15-il kilometru biex jiġi trasportat l-irħam u l-materjali għall-bini tas-sit, u gruppi ta’ għoxrin u tletin ġendus ġibdu l-blokki fuq vaguni li nbnew b’mod speċjali. Inħadmet ukoll sistema elaborata ta’ tarjola, biex permezz tagħha jittellgħu il-blokki fil-pożizzjoni mixtieqa. L-ilma kien jittella’ mix-xmara permezz ta’ makkinarju mimli bi bramel, li jtella’ l-ilma f’tankijiet kbar u minn hemm jitqassam mal-kumpless. Biex l-ilma jitla’ fit-tankijiet, kienu jintużaw ukoll l-annimali.

Il-plinta tal-qabar ħadet madwar 12-il sena biex tlestiet. Il-partijiet l-oħra ħadu għaxar snin oħra. L-ispiża totali dak iż-żmien kienet stmata f’madwar 32 miljun rupee, li llum jissarrfu fi triljuni ta’ dollari.

Biex inbena t-Taj Mahal intużaw materjali mill-Indja u l-Asja kollha u ’l fuq minn 1,000 iljunfant intużaw biex jittrasportaw dan il-materjal. Il-ħaddiema għal dan il-proġett kienu jlaħħqu għal madwar 20,000 u nġabru min-naħa ta’ fuq tal-Indja.

Imneħħi minn ibnu 

Hekk kif tlesta t-Taj Mahal, Shah Jahan tneħħa mill-poter minn ibnu, Aurangzeb, u tqiegħed taħt arrest f’dar qrib il-Forti Agra. Meta x-Shah Jahan miet, Aurangzeb difnu fil-musulew qrib martu.

BDL Books - Binjiet MeastużiLejn tmiem is-seklu 19, partijiet mill-bini ġarrbu ħsarat li ma setgħux ikunu irranġati. Imbagħad, matul l-irvell Indjan tal-1857, it-Taj Mahal safa misruq mis-suldati Ingliżi u uffiċjali tal-gvern, li ħaffru biex qalgħu l-ħaġar prezzjux u l-lais lazuli minn mill-ħitan tiegħu. Iżda l-Viċire Ingliż, Lord Curzon ordna restawr massiv, li tlesta fl-1908. Hu ikkummissjona wkoll lampa kbira fil-kamra ta’ ġewwa, fuq mudell ta’ oħra li kien hemm f’moskea fil-Kajr. Fl-istess żmien, il-ġnien ġie rimudellat fi stil Ingliż – ħaġa li għadha hekk sal-lum.

Fl-1942, il-gvern waqqaf scaffolding għax beża minn xi attakk mill-ajru mill-Luftwaffe :ermaniżi u wara mill-Forzi tal-Ajru :appuniżi. Waqt il-gwerer tal-1965 u l-1971 bejn l-Indja u l-Pakistan, l-iscaffoldings reġgħu nbnew biex iqarrqu bil-piloti tal-bombers. Iżda theddid ieħor kien dak mit-tinġis ambjentali mix-xmara Yamuna u l-acid rain minħabba r-raffinerija taż-żejt ta’ Mathura. Dan it-tinġis qed jaqleb il-lewn abjad oriġinali tat-Taj Mahal, f’isfar.

It-Taj Mahal jiġbed lejh bejn żewġ u erba’ miljun viżitatur fis-sena, b’aktar minn 200,000 ikunu turisti.

Id-dar tal-Prim Ministri Ingliżi li qed tqarreb il-500 sena

BDL Books - Binjiet MeastużiId-dar numru 10 f’Downing Street hi r-residenza u l-uffiċċju tal-First Lord tat-Teżor u Prim Ministru tal-Gran Brittanja. Il-kwartieri tal-Gvern tal-Maestà tagħha jinsabu f’Downing Street, fil-Belt ta’ Westminster, f’Londra.  Number 10, hi spiss riferuta bħala l-aktar indirizz famuż f’Londra u waħda mill-aktar djar magħrufin fid-dinja. Hi d-dar tal-Prim Ministru u l-post tax-xogħol tiegħu, b’uffiċċji għas-segretarji, assistenti u kunsilliera.  Hemm ukoll swali għall-konferenzi u swali għall-pranzi, fejn il-Prim Ministru jilqa’ u jospita mexxejja oħra u dinjitarji barranin. Il-bini jinsab qrib il-Palazz Westminster, il-Parlament u l-Palazz Buckingham, ir-residenza uffiċjali tar-Reġina Eliżabetta II f’Londra.

Oriġinarjament, Number 10 kienet tlett idjar. Fl-1732, ir-Re Ġorġ II offriehom lil Sir Robert Walpole, li aċċettahom bil-kundizzjoni li jservu bħala uffiċċju tal-First Lord tat-Teżor, aktar milli għalih personali. Walpole min-naħa tiegħu qabbad lil William Kent biex jgħaqqadhom flimkien. B’hekk 10 Downing Street saret din id-dar kbira li hi magħrufa llum.  Il-ftehim li sar minn Sir Robert Walpole ma kellux is-suċċess mixtieq minnufih. Minkejja l-qies u l-lokazzjoni konvenjenti, għax qrib il-Parlament, ftit kienu l-Prim Ministri tal-bidu li marru jgħixu hemm.

BDL Books - Binjiet MeastużiMadankollu, Number 10 baqgħet marbuta ma’ ħafna mexxejja u ġrajjiet kbar fl-istorja Ingliża.  Fl-1985, il-Prim Ministru Margaret Thatcher kienet qalet li Number 10 kienet saret “waħda mill-aktar ġojjelli prezzjużi fil-wirt nazzjonali.”

L-oriġinali

Kif għedna, Number 10, Downing Street, oriġinarjament kienet tifforma tlett idjar; bini li jħares fuq St. James’s Park (imsejħa d-dar fuq wara), townhouse warajha f’numru 10 Downing Street u dar ċkejkna tmiss magħha. It-townhouse, mnejn il-bini modern ħa ismu, kien wieħed mill-ħafna mibnijin minn Sir George Downing, bejn l-1682 u l-1684.
Id-dar li kienet fuq wara kienet l-ikbar mit-tlieta. Inbniet għall-ħabta tal-1530 maġenb il-Palazz Whitehall. Mibnija mill-ġdid, imkabbra u rinnovata kemm-il darba, hi wkoll kienet parti minn diversi binjiet li kienu jiffurmaw il-Cockpit Lodgings – imsemmija hekk għax kienu mibnija forma ta’ ottagonu u kienu jservu bħala l-post fejn iġelldu s-sriedak. Fil-bidu ts-seklu sbatax, il-Cockpit inbidlet f’sala tal-kunċerti u teatru; wara r-rivoluzzjoni li fiha tajru lir-Re James II, xi laqgħat tal-bidu tal-Kabinett kienu jsiru fiha b’mod sigriet.  Għal ħafna snin, id-‘dar fuq wara’ kienet id-dar tal-għassies tal-Palazz Whitehall, Thomas Knevett, li baqa’ magħruf għall-qbid ta’ Guy Fawkes fl-1605, u li sfaxxa l-pjan għall-assassinju ta’ James I. Is-sena ta’ qabel, Knevett kien fid-dar tal-maġenb, kważi kważi fejn illum hemm in-Number 10.

Residenti fid-dar

Minn dak iż-żmien, membri tal-familja rjali u tal-gvern kienu jgħixu ‘fid-dar ta’ wara’. Il-Prinċipessa Eliżabetta għexet hemm mill-1604 sal-1613, meta żżewġet lil Frederick V, Elector Palatine u marret tgħix Hanover. Saret in-nanna ta’ George, l-Elector ta’ Hanover, li sar Re tal-Ingilterra fl-1714, u l-bużnanna tar-Re George II, li ppreżenta d-dar lil Walpole fl-1732.
George Monck, l-ewwel Duka ta’ Albemarle, il-ġeneral responsabbli għar-restawr tal-monarkija, għex hemm mill-1660 sa ma miet fl-1671. Bħala kap tal-Kummissjoni tat-Teżor tal-167 – 1672, Albemarle ittrasforma l-metodi tal-ikkuntjar u ppermetta aktar kontroll fl-infiq tal-Kuruna.
Aktarx li dan it-tibdil kien sar mis-Segretarju tiegħu, Sir George Downing, li wara bena Downing Street.  Wara George Monck għexu fl-istess dar George Villiers, it-tieni Duka ta’ Buckingham; Lady Charlotte Fitzroy, bint Karlu II; Hendrik van Nassau-Ouwerker, (ġeneral Olandiż) u Johann Caspar von Bothmer. Meta dan miet, id-‘dar ta’ wara’ ngħatat mill-ġdid lill-Kuruna, fejn George II ħa l-opportunità li jagħtiha lil Sir Robert Walpole, li jirreferu għalih bħala l-ewwel Prim Ministru. Din ingħatatlu bħala rigal għas-servizzi tiegħu lin-nazzjon. Fl-istess waqt u b’koinċidenza, ir-Re kiseb iċ-ċnus ta’ żewġ proprjetajiet oħra f’Downing Street, fosthom Number 10, u żiedhom mar-rigal tiegħu li ta lil Walpole.
Il-bini tal-għaqid tat-tliet binjiet flimkien ħa tliet snin. Fit-23 ta’ Settembru, 1735, il-London Daily Post ħabbar li “Il-bieraħ, l-Eċċellenza Sir Robert Walpole, mas-Sinjura u l-familja tiegħu ħarġu mid-dar tagħhom fi Pjazza St James biex marru fid-dar li tmiss magħha.”
Din id-dar kellha 60 kamra, b’art tal-injam u l-irħam, kolonnar eleganti, fuklari tal-irħam ukoll u veduti mill-isbaħ tal-Park St. James.

L-akbar kamra

Waħda mill-akbar kmamar kienet l-uffiċċju, f’qies ta’ 40 pied b’20, bi twieqi enormi fuq l-istess park. Aktar tard, dan l-uffiċċju kellu jservi bħala l-kamra tal-Kabinett, fejn il-Prim Ministri jiltaqgħu mal-Ministri tal-Kabinett. F’din il-kamra kbira, kulma hemm hu inkwatru wieħed – pittura ta’ Walpole, li tinsab fuq il-fuklar u wara s-siġġu tal-Prim Ministru. Il-ħlas li sar biex kien konvertit l-uffiċċju mhux magħruf. Oriġinarjament kien stmat li jiswa £8,000 iżda finalment, qabeż l-£20,000.

Illum il-ġurnata, fin-Number 10 hemm tliet swali magħrufa bħala li State Drawing rooms. Dawn huma l-Pillared Room, it-Terracotta Room u l-White Drawing Room. L-ikbar hi l-Pillared Room, li hu maħsub li saret fl-1796 mill-perit Robert Taylor. Fiha 37 pied (11-il metru) tul bi 28 pied (8.5m) wisa’. Ħadet isimha mill-kolonni ioniċi li fiha. Tapit Persjan jiksi l-art kollha.
F’ħafna okkażjonijiet tal-istat, il-mistednin jintlaqgħu f’din is-sala qabel ma jiddaħħlu fis-Sala Statali tal-Pranzu. Peress li ħafna drabi din is-sala tintuża għar-riċevimenti, il-Pillared Room hi mgħammra biss bi ftit siġġijiet u sufanijiet mal-ħitan.
Wara l-attakk bil-bombi tal-1991, żdiedet is-sigurtà man-Number 10. Saru barrikati elettroniċi li ma jħallux lil min jidħol bl-addoċċ u xħin irid u li permezz tagħhom anki l-barranin jistgħu jaraw ir-residenza tal-Prim Ministru mill-bogħod.

George Downing

Iżda min kien dan l-imbierek George Downing? Downing kien spjun notorju għal Oliver Cromwell u wara, għar-Re Karlu II. Downing kien il-bniedem li investa fil-bini u akkwista flus kbar.
Fl-1654, akkwista ċ-ċens tal-art fin-Nofsinhar ta’ St. James Park, li tmiss mad-dar ta’ wara, li kienet passi bogħod mill-bini tal-Parlament. Hu kien ippjana li jibni ringiela ta’ townhouses disinjati għan-nies tat-tajjeb, biex jgħixu fihom.
It-triq fejn bena dawn id-djar, ilum iġġib ismu u l-akbar dar saret magħrufa bħala Number 10, Downing Street.
Probabbilment, Downing qatt ma għex fit-townhouses tiegħu. Fl-1675, hu rtira Cambridge, fejn miet wara ftit xhur li lesta l-bini. Illum il-ġurnata, pittura ta’ Sir George Downing tinsab imdendla fl-intrata tal-foyer fid-dar moderna 10 Downing Street.

BDL Books - Binjiet Meastużi
L-intrata tal-Prim Ministru Ingliż
BDL Books - Binjiet Meastużi
Is-salott f’10, Downing Street
BDL Books - Binjiet Meastużi
L-indani tat-taraġ fid-dar uffiċjali tal-Prim Ministru Ingliż
BDL Books - Binjiet Meastużi
Rokna mil-librerija li llum isservi għal Gordon Brown
BDL Books - Binjiet Meastużi
Il-kamra tas-sodda fir-residenza 10, Dowing Street
BDL Books - Binjiet Meastużi
Il-kamra tal-banju
BDL Books - Binjiet Meastużi
Pittura tal-Prim Ministru Gladstone, jiltaqa’ mal-Kabinett, fil-Kamra tal-Kabinett fl-1868
BDL Books - Binjiet Meastużi
Il-faċċata ta’ 10, Downing Street

Il-Palazz tas-Sultan tal-Brunej – L-akbar palazz residenzjali fid-dinja

BDL Books - Binjiet MeastużiIl-Palazz Istana Nurul Iman hu r-residenza uffiċjali ta’ Hassanal Bolkiah, is-Sultan tal-Brunej. Il-Palazz jinsab mibni qalb għoljiet imdawra bil-weraq u ħdura qrib ix-xmara tal-Brunej, mhux aktar minn ftit mili ’l barra miċ-ċentru tal-belt. L-isem li ngħata hu Il-Palazz tad-Dawl u l-Fidi.

Hu l-akbar palazz residenzjali fid-dinja u l-akbar residenza ta’ kull tip. Kien disinjat mill-artist nazzjonali tal-Filippini għall-arkitettura, Leondro V. Locsin u minbi mid-ditta Ayala International tal-Filippini.

Għalkemm il-palazz hu moħbi mill-għajnejn tal-pubbliku permezz ta’ landscaping artistiku, il-veduti tiegħu miġbudin minn programmi satellitari bħal Google Earth. Kisbu l-għarfien pubbliku li sar jaf ukoll bit-tqassim tal-palazz. Dawn l-immaġini wrew ukoll żewġ binjiet kbar fiċ-ċentru tal-palazz u ħamsa oħra iżgħar fil-ġnub u qrib iċ-ċentru tal-palazz.

Arja kundizzjonata għaż-żwiemel

BDL Books - Binjiet MeastużiIstana Nurul Iman fih 1,788 kamra, 257 kamra tal-banju u hu mibni fuq 2,152,782 pied kwadru ta’ art (200,000m kwadru). L-amenitajiet jinkludu ħames pixxini, stalla b’arja kundizzjonata għall-200 żiemel tal-polo tas-Sultan, garaxx li jesa’ 110 karozzi, sala tal-festini li tesa’ 4,000 mistieden u moskea li tilqa’ fiha 1,500 ruħ.

Il-palazz inbena fl-1984 u sewa madwar 1.4 biljun dollaru. Fih ukoll 564 linfa, 51,000 bozza, 44 indana ta’ turġien u 18-il lift. Hu wkoll id-dar għall-kollezzjoni ta’ karozzi tat-tip Ferrari, Bentley u 165 Rolls Royce. Il-Wikipedia ssemmi li s-Sultan għandu 531 karozza tat-tip Mercedes Benz; 367 Ferrari; 362 Bentley; 185 BMW; 177 Jaguar; 160 Porche; 130 Rolls-Royce u 20 Lamborgini. B’kollox għandu 1,932 karozza.

Il-kampnari li fih il-palazz, disinjati wkoll minn Leandro V. Locsin innifsu għandhom soqfa troll, li jidwu l-influwenzi arkitettoniċi Islamiċi u Malay.

Il-palazz jintuża għall-funzjonijiet kollha statali. Iservi wkoll kemm bħala s-sede tal-gvern tal-Brunej, kif ukoll bħala l-uffiċċju tal-Prim Ministru. Flimkien mal-Kmamar tal-Udjenza u dawk Statali, hemm is-Sala tat-Tron, li tintuża għal okkażjonijiet varji, bħalma hi l-proklamazzjoni tal-Prinċep Eredi u għall-Investitura annwali.

Ftuħ għall-pubbliku

BDL Books - Binjiet MeastużiIl-palazz ma jinfetaħx għall-pubbliku ħlief għaċ-ċelebrazzjoni Islamika annwali ta’ Hari Raya Idulfitri (il-festival fi tmiem ix-xahar tas-sawm Musulman) meta fil-palazz jaslu madwar 110,000 viżitatur fi tlett ijiem, li jingħataw kumplimenti bħal ikel talli żaru l-post, kif ukoll pakketti ħodor ċkejknin bi flus għat-tfal żgħar. Il-palazz jinfetaħ ukoll għall-Musulmani matul il-perijodu tar-Ramadhan, li jtul għal għaxart ijiem u dan biex isir it-talb.

Primarjament, il-palazz jintuża bħala residenza, waqt li f’ħafna palazzi Ewropej, il-parti l-kbira tal-ispazju tintuża għal skopijiet amministrattivi u statali bħal fil-każ tal-Palazz ta’ Buckingham. Minħabba f’hekk, bi spazju ta’ 828,818 pied kwadru (77,000 metru kwadru) il-Palazz Buckingham għandu t-titlu tal-ikbar palazz irjali fid-dinja li jintuża għall-ħidma.

Mantnut mill-flus taż-żejt

Il-Palazz tas-Sultan tal-Brunej jinżamm fl-istat li hu u hu sostnut mill-flus ġenerati miż-żejt tal-pajjiż, kif huma l-istrutturi kollha kbar fil-pajjiż. Il-Brunej tant hu sinjur li minkejja li l-poplu ma jistgħux jivvutaw, huma ma jħallsux taxxa u l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa huma mingħajr ħlas. Barra minn dan, kulħadd jirċievi pensjoni u l-paga minima nazzjonali hi l-ogħla waħda fix-Xlokk tal-Asja.

BDL Books - Binjiet Meastużi

BDL Books - Binjiet Meastużi

 

BDL Books - Binjiet Meastużi

BDL Books - Binjiet Meastużi