Eglantyne Jebb (1876–1928)

Charles B. Spiteri
altŻgur li kulħadd sama’ bis-Save the Children Fund, il-karità enormi li tqiegħed il-ħtiġiet tat-tfal fl-ewwel post. Madankollu, żgur li ftit semgħu b’Eglantyne Jebb, il-mara mill-aqwa li bdiet il-Fond.
Eglantyne kibret fi Shropshire, fl-Ingilterra. Kienet tomboy enerġetika li kienet tħobb ħafna l-qari.
L-Universitajiet kienu għadhom kemm fetħu l-bibien tagħhom u Eglantyne ħadet l-opportunità li tmur tistudja f’Oxford. Wara, ħadmet bħala għalliema u aktar tard mas-Soċjetà li tieħu ħsieb il-karità.
Fl-1913 intbagħtet il-Maċedonja, tqassam il-flus lir-refuġjati li tiflu djarhom fil-gwerer tal-Balkani. Dakinhar fehmet li l-fatt li tqassam il-flus lir-refuġjati ma kienx biżżejjed. In-nies ħtieġu l-art mill-ġdid fejn jistgħu jgħixu.
Fi tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija, miljuni ta’ familji fl-Ewropa kienu qed imutu bil-ġuħ. Eglantyne bdiet il-Fight the Famine Council  (Għaqda li tiġġieled il-ġuħ) u fond separat bl-isem Save the Children.  Għall-bidu n-nies qalu li kienet traditura: tiġbor il-flus għall-għadu, iżda Eglantyne saħqet li l-ħtiġiet tat-tfal kellhom ikunu trattati l-ewwel. Il-flus bdew deħlin fil-Fond. Intużaw biex twaqqfu sptarijiet, djar u skejjel.
Eglantyne fasslet skopijiet u regoli ċari għall-fond, li għadhom fil-prattika sa llum. Dawn jinkludu l-ħarsien tat-tfal, ikunu ta’ liema razza, nazzjonalità jew twemmin u jgħinu ’l-familji jieħdu ħsieb tagħhom infushom.
Eglantyne Jebb emmnet profondament fil-ħtieġa li tindokra t-tfal. “Kull ġenerazzjoni ta’ tfal toffri lill-umanità l-possibbiltà tal-bini mill-ġdid tar-rovina tad-dinja,” qalet. Fl-1923 fasslet dikjarazzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal. Aktar tard kienet adottat min-Nazzjonijiet Uniti.
Fl-1921 ġuħ fir-Russja hedded miljuni ta’ nies, inklużi ħafna tfal. Is-‘Save the Children Fund’ kien kapaċi jagħti l-għajnuna tiegħu.