Ħadd ma jaħsillek wiċċek biex tkun aħjar minnu

Joseph Henry Abela, Qassis

altB’qalbi maqsuma u b’uġigħ, nikteb dan il-ħsieb. Mindu kont ċkejken sirt nafu dan il-qawl, u fittixt u qallibt fil-ħajja biex nara u nsib li mhux minnu!

Imma għarrixt, għarbilt u stennejt u t-tagħrif li ħareġ hu li fl-aqwa mħabba hemm il-jien: kemm jogħġob lili, kemm nieħu pjaċir jien: il-bqija nieqaf: “Ta’ żgħira taħsibha mod ieħor” kliem imżejjen biex juri l-egoiżmu fl-aqwa tiegħu: Ħobb u agħti, imma ħobb lilek innifsek ukoll; “il-qmis eqreb miċ-ċeppun.” *

Issa jew tmur mal-kurrent, jew inkella ssuq int. Jew tkun bħal ħawt, li jistenna biex jimtela, jew tkun bħal nixxiegħa, ħierġa l-ħin kollu.

L-imħabba tridha minn xi mkien, għax ħadd ma jagħti minn dak li m’għandux inkella tfittex, tixxennaq u tibqa’ bin-nieqes.

Min mela qalbu, qatt ma naqas li jmexxi s-sewwa u jiftaħ toroq ġodda għal oħrajn. B’hekk xorta mar minn fuq, għax il-ġid iġib il-ġid.

Saħħa.

*‘kowt’ jaqbel mal-Ingliz ‘Charity begins at home’