Minn tank tal-gwerra għal vettura ta’ ħeffa kbira
Dan it-tank tal-gwerra kapaċi jtella’ veloċità minn zero sa 60 fi 3.5 sekondi, meta jinstaq bi 80 mil fis-siegħa fuq kull tip ta’ art. Kumpanija Amerikana qed tbigħ dawn it-tankijiet ta’ saħħa enormi, li qabel kienu jintużaw għall-militar, bħala ‘vetturi lussużi’, għal dawk li lesti jħallu ftit mijiet ta’ eluf ta’ dollari.
B’dehra li tixbah ftit lil Batmobile u moon buggy, ir-Ripsaw Extreme Vehicle 2 inħadem b’mod li sar vettura lussuża ta’ qawwa kbira, imfittxa ferm fid-dinja kollha. Dan, skont l-iżviluppaturi tagħhom Howe & Howe Technologies. Disinjata oriġinarjament għall-militar Amerikan, biex tintuża bħala vettura ta’ ħeffa mmensa, baqgħet l-iktar vettura li tiġri kull fejn tinsaq.
Dan is-suppost tank tal-gwerra għandu suspensjoni mill-aqwa, lussu enormi fuq ġewwa u jġorr magna diesel ta’ 600 horsepower. L-armar għall-użu fil-gwerra, kif ukoll il-kanun, tneħħew. B’hekk il-vettura ġiet eħfef għall-magna li għandha, u jingħad li fil-ġiri tagħha kapaċi tisfida lil kull karozza sportiva li teżisti.
Kelliem tal-kumpanija li qed tipproduċihom mill-ġdid qal li vettura simili tieħu madwar sitt xhur biex tkun lesta, u l-prezz li jintalab ikun skond il-lussu mixtieq li jkollha. Qal li b’waħda minnhom tkun tista’ ssuq fuq is-silġ, il-borra, fid-deżert u wkoll f’toroq bħal tagħna.
Mur ara tiġi Malta u titla’ għall-VRT, jew toħroġ biha u tinqabad fit-traffiku!
Enormità ta’ tul
Karan Singh, li għad għandu biss ħames snin, diġà hu twil ħames piedi u seba’ pulzieri.
Hu niżżel ismu fil-Guinness Book of World Records fl-2008, bħala li kien l-itwal u l-iktar tarbija tqila. Kien jiżen seba’ kilogrammi u twil aktar minn żewġ piedi… ħaġa li kompliet tikber maż-żmien.
Għall-familja tiegħu, it-tul mhux xi ħaġa ta’ skantament, għax il-familja kollha Singh, hi twila sew. Sanjay, missier Karan, hu twil sitt piedi u nofs, waqt li martu Shweatlana hi itwal, għax tkejjel seba’ piedi u żewġ pulzieri. Sal-2012 kienet l-itwal mara fl-Indja.
Il-ħolma ta’ Karan hi li jsir lagħab professjonali tal-basketball u s’issa, t-tobba li jinvistawh huma tal-fehma li m’hemm xejn xi jwaqqfu, peress li ma għandu l-ebda problemi ta’ saħħa.
Peduni ġodda flok żarbun!
Il-maġġoranza tan-nies jilbsu l-peduni għax iħossuhom aktar komdi fiż-żraben, iżda nibtet kumpanija li ddisinjat par peduni li jistgħu jintlibsu flok iż-żarbun.
Il-peduni FYF, li tfisser Free Your Feet, huma ddisinjati biex jintużaw għall-isport u bħala żarbun fl-istess ħin.
Hi magħmula minn materjal magħruf bħala Dyneema, li jintuża fil-ħbula tax-xabbaturi tal-għoljiet, u hu 15-il darba aktar b’saħħtu mill-azzar.
Il-peduni, li qed ikunu magħmulin mill-kumpanija Żvizzera Barefoot Company, huma magħmulin b’mod li jintlibsu bħal ingwanti; kull subgħa jidħol fil-post tiegħu.
Huma nħadmu wkoll b’mod li jkunu reżistenti għall-ilma, waqt li fil-qiegħ għandhom dawriet tal-lastiku li jipprovdu qabda f’kull tip ta’ art. Dawn l-istess peduni jistgħu jintużaw għal varjetà kbira ta’ sport, fosthom ġiri, surfing, għadds u wkoll għall-mixi fuq il-ħbula.
L-għalliema li tħobb tixxabbat
F’ritratti drammatiċi, xabbatriċi tidher imħaxkna ma’ blata tar-ramel f’madwar 1,000 pied ’il fuq mill-art.
Ix-xabbatriċi Żvizzera Rachel Schelb ta’ 33 sena, issugrat ħajjitha fir-reġjun ta’ Li Ming, fiċ-Ċina. Għal 25 ġurnata xxabbtet f’madwar 60 rotta, f’għoli u ftuħ fil-blat li jtulu bejn 65 u 100 pied.
Uħud mit-tixbit kien jieħu bejn 30 u 60 minuta. Jekk blata għolja jkollha qasma minn isfel għal fuq, lilha u lil ħbiebha toħdilhom jum sħiħ.
Rachel qalet li kull rotta li ħadu għallmithom metodi ġodda ta’ tixbit, u kull telgħa fil-għoli kienet iġġegħilhom jużaw l-immaġinazzjoni tagħhom biex jirbħu d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom.
Fl-Iżvizzera, Rachel hi għalliema, iżda dan id-delizzju jħeġġiġha tivvjaġġa, peress li mhux l-għoljiet u l-muntanji kollha huma xorta. F’pajjiżha, l-blat ma fihx wisq xquq u għalhekk mhux tant diffiċli li tixxabbat miegħu. Issostni li aktar ma l-ġlieda tagħha tkun diffiċli, aktar jinżlilha għasel is-suċċess.
Sejba ta’ fdal ta’ sagrifċċji umani
Qed ikun maħsub li sensiela ta’ għerien jinfdu taħt l-art f’Belize setgħu intużaw biex jittraffikaw tfal Mayas, sa mill-età ta’ sitt snin biex ikunu sagrifikati. Instabu ħafna snien fost l-eluf ta’ għadam uman imferrex fl-għar magħruf bħala l-Għar tat-Terrur ta’ Nofsillejl, u minn studju li sar jirriżulta li kollha huma ta’ tfal bejn is-sitt snin u l-14-il sena.
Minn analizzar kimiku nstab li oriġinalment, dawn it-tfal ma kinux mid-Distrett Cayo, fejn jinsab l-għar. Allura bilfors li twasslu fil-post f’numru qawwi. L-għar jinsab fin-naħa t’isfel ta’ Belmopan qrib il-
Komunità Mennonita, fi Springfield. Instab fl-2006 u kien rappurtata lill-Istitut tal-Antropoloġija minħabba l-kwantità enormi ta’ għadam uman li nstab. L-istudenta Samantha Lorenz, li kienet parti mill-grupp ta’ esperti qalet li ma jirriżultax li t-tfal kienu minn Belize.
Għalhekk bilfors li t-tfal waslu minn xi mkien ieħor, u għar-raġuni unika li jkunu offruti bħala sagrifiċċju. U peress li kien hemm ħafna minnhom, kollha ġejjin mill-istess post, irid ikun studjat kienx hemm xi ħidma kummerċjali fit-traffikar tat-tfal. L-ewwel dawl li dan l-għar seta’ ntuża għas-sagrifiċċji umani ngħata minn Dr James Brady, professur tal-antropoloġija fl-Università Statali ta’ Kalifornja, fir-rapport tiegħu: osservazzjonijiet Preliminarji fuq l-investigazzjoni tal-Għar tat-Terrur ta’ Nofsillejl f’Belize.
Papa Benedittu jirriżenja kawża ta’ ‘gay lobby’ fil-Vatikan
Il-Papa Benedittu XVI għadu kemm stqarr li fil-Vatikan kien hemm moviment magħruf bħala gay lobby. Dan it-tagħrif jinsab fil-ktieb tiegħu bl-isem ta’ The Last Conversations li se jkun għall-bejgħ f’Settembru li ġej u li hi l-ewwel darba fl-istorja, li eks papa jiġġudika l-pontifikat tiegħu wara li warrab minn postu.
Madankollu, bil-kliem gay lobby ma għandniex naħsbu fis-sess. Skont l-Amerikani, dan jista’ jkun grupp li jinfluwenza politikament, li jaf ikun kontra l-kontroll tal-armi u favur l-ippjanar tal-abort. Min-naħa l-oħra, b’gay lobby, it- Taljani ma jfissrux li hu fazzjoni organizzata bl-iskop li jibdel it-tagħlim tal-Knisja fuq l-omosesswalità jew id-drittijiet tal-abort.
Fir-realtà hi organizzazzjoni informali fil-Vatikan, li tappoġġja wieħed lill-ieħor, ma jikxfux lil xulxin u jgħinu lil min ikunu jridu li jitla’ s-sellum tal-poter. Il-grupp għandu l-iskop u l-interess li jgħawweġ it-tentattivi tar-riformi, peress li bis-segretezza jgawdi kif irid; ’il bogħod mill-attenzjoni tal-awtoritajiet l-oħra.
Hi riferuta biss bħala moviment gay, peress li l-omosesswalità tippreżenta sigriet qawwi, speċjalment jekk tkun attiva. Għalhekk il-kelma gay ma tirriferix għas-sess iżda għas-segretezza u għall-fatt li bniedem jiġi promoss minn dawk li jħaddnuha u jkunu humu u mhux il-Papa li jieħdu d-deċiżjonijiet, fuq bażi personali.
Din l-organizzazzjoni kienet qed tibża’ li l-Papa Benedittu kellu x-xewqa li jippurifika ħidmet il-Vatikan u b’hekk seta’ jirfsilha l-kallu.
Fl-2013, Papa Benedittu, ta’ 89 sena, kien qal li rriżenja minħabba saħħtu u b’hekk sar l-ewwel papa f’sitt sekli, li għamel dan. Hu wiegħed li jibqa’ “moħbi għad-dinja” u baqa’ jgħix f’kunvent fil-ġonna tal-Vatikan.
Il-ġurnal Taljan Corriere della Sera, kiseb id-drittijiet li jxandar siltiet mill-ktieb u diġà ħareġ b’artiklu twil minnhom, fejn ġabar il-punti ewlenin.
Fil-ktieb tiegħu, Papa Benedittu jistqarr li sar jaf bil-gay lobby magħmul minn erbgħa jew ħamsa min-nies li bdew jippruvaw jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-Vatikan. Iżda jsostni li hu rnexxielu jkisser il-poter ta’ dak il-grupp.
Madankollu ħass li kellu jirriżenja wara l-istejjer turbulanti tal-papat, li nkuldew ukoll il-każ tal-Vatileaks,meta l-maġġordom stess ħareġ xi informazzjoni mill-ittri personali tiegħu u dokumenti oħra li allegaw il-korruzzjoni u l-battalja għall-poter fil-Vatikan.
Qalbu barra mill-qafas ta’ sidru
Filmati mhux tas-soltu juru raġel li meta twieled kellu qalbu barra mill-qafas ta’ sidru, tħabbat biss taħt saff irqiq ta’ ġilda.
Il-vidjow hu ta’ Arpit Gohil, li lill-ġenituri tiegħu kienu qalulhom li se jmut appena jitwieled minħabba l-kundizzjoni estremament rari li kien fiha.
Issa, ta’ 18-il sena, il-ġuvni fil-vidjow qed ikun deskritt mit-tobba bħala ‘miraklu mediku’, li iżda, waqgħa għal għarrieda jew ħabta, tista’ tħallih mejjet.
Il-Pentalogy of Cantrell, hi kundizzjoni rari fejn il-fetu jiżviluppa b’mod li t-trabi milquta biha jitwieldu b’organi vitali (bħall-qalb jew l-intestini), barra minn ġisimhom.
Ħafna mit-tfal b’din il-kundizzjoni jkunu jridu jintrefgħu bl-ingwanti, imgeżwra fit-tajjar u jinżammu ’l bogħod minn kull riskju.
Iżda Aprit, li twieled bl-iktar forma serja ta’ din id-diżordni, magħrufa bħala ectopia cordis, li bħalu hawn 165 każ ieħor magħruf, mhux raġel ordinarju.
Meta beda jikber, deher bħal tfal oħra, jixxabbat mas-siġar, isuq it-tractor fl-għalqa ta’ missieru, 40 kilometru bogħod minn Ahmedabad, fl-Indja.
Lill-ġurnal Daily Bhaskar, Aprit qalilha, “Jien m’għandi l-ebda problema, u issa drajt ngħix b’din il-kundizzjoni.”
Hekk kif qalbu kienet qed tippompja taħt il-ġilda tiegħu taħt sidru, żied jgħid, “Nista’ nagħmel kollox bħal persuna normali u m’għandi l-ebda diffikultà bix-xogħlijiet li nagħmel fir-razzett, bħal biex nagħżaq, insuq it-tractor u nirkeb ir-rota.”
Madankollu, minħabba li parti mid-dijaframma tiegħu ma taħdimx, il-kumplament tal-muskoli jkollhom jaħdmu bis-sahra.
Dan ifisser li jekk ikollu xi infezzjoni, bħall-pnewmonja, tkun ferm agħar għalih milli għal pazjent normali.
U t-tobba xorta għadhom tal-fehma li Arpit irid joqgħod ferm attent, għax kif inhu, mhux salv mija fil-mija.
Qażquż mhux tas-soltu
Qażquż żgħir b’żewġt irjus, li safa abbandunat biswit tempju Ċiniż, ġie adottat minn bniedem li nzerta għaddej mit-triq.
Il-qażquż, li nstab fil-belt ta’ Xinkou, għandu tlett widnejn u hu kapaċi jiekol biż-żewġt iħluq. Madankollu, il-piż taż-żewġt irjus ma jippermettulux li jqum fuq saqajh jew jimxi.
Yang Jinliang, is-sid il-ġdid tal-qażquż jittama li jikseb l-għajnuna mill-esperti tal-annimali, biex ikun jista’ jżommu. Dan peress li fil-lokal, sar ċelebrità man-nies.
Xi xhur ilu, f’Chongqing, twieled qażquż ieħor b’żewġt irjus, iżda miet tlett ijiem wara.
L-imħabba ma tmut qatt

Eku tal-Gwerra l-Kbira
