Laqtiet

1 13 14 15

Ċimiterju ta’ ‘Tyres’

BDL Books - Laqtiet

Tyre medju ta’ karozza jagħmel madwar 20,000 mil sa ma jkollu bżonn jinbidel. Iźda meta fil-Kuwajt jiġri dan, it-tyres jispiċċaw f’ċimiterju għalihom.

Kull sena, fil-belt Sulaibiya, fil-Kuwajt, jitħaffru toqob ġgantestki fl-art tar-ramel, li jimtlew bit-tyres qodma. S’issa hu stmat li hemm aktar minn seba’ miljun tyre taħt il-livell tal-art. Din il-kwantità ta’ lastiku tant hi kbira, li tidher sa mill-ispazju.

Hu mifhum li t-tyres, huma kemm tal-Kuwajt kif ukoll ta’ pajjiżi oħra, li ħallsu biex jeħilsu minnhom – fejn hemm erba’ kumpaniji inkarigati mill-qerda tagħhom u hu maħsub li talbu ammont sostanzjali sew biex jeqirduhom.

Id-direttiva Ewropea għall-miżbliet issostni li dan it-tip ta’ rimi ta’ skart ikun illegali fl-Ewropa – ladarba r-regoli tal-2006 tal-UE iċċensurat ir-rimi tat-tyres fil-miżbliet, b’mod li kull sena jkun hemm madwar 480,000 tunnellata ta’ lastiku mqatta’ biex ikun riċiklat.

F’xi ċirkustanzi, it-tyres qodma jintbagħtu f’pajjiżi bħall-Indja, il-Pakistan u l-Malasja, għalkemm hemm liġijiet stretti fuq l-esportazzjoni tagħhom bil-baħar.

Xi xhur ilu nstab li t-tyres tal-karozzi qodma setgħu jkunu riċiklati u uźati għall-wiċċ tat-toroq . Huma joffru toroq aktar silenzjuźi.

Waħda mill-aktar toroq użati fl-Iskozja, s-sena li għaddiet ngħatat wiċċ bl-asfalt li kien fih biċċiet ta’ tyres qodma.

Mit-testijiet li saru, fit-triq bejn Perth u Dundee nstab li l-brejkijiet tal-karozzi rabtu aħjar u s-sewqan kien wieħed aktar silenzjuż. L-esperti huma wkoll tal-fehma li bl-użu tat-tyres fit-toroq, il-manutenzjoni tkun inqas.

Dawn it-toroq bl-użu tat-tyres bdew jintużaw fis-snin sittin fl-Istati Uniti, fejn illum hemm 20,000 mil ta’ toroq magħmulin b’tyres riċiklati.

L-istess toroq tal-lastiku huma popolari fiċ-Ċina, fil-Brażil, fi Spanja u fil-Ġermanja. Minn stħarriġ instab li l-ħsejjes tat-traffiku jonqsu b’madwar 25 fil-mija.

Iżda biex immorru lura mnejn bdejna! Is-sena li għaddiet it-tyres fil-Kuwajt ħadu n-nar u d-daħna tant kienet kbira li setgħet tintlemaħ mill-ispazju. Dan ġara fis-17 ta’ April, qrib Al Jahrah.

Intqal li kien hemm madwar ħames miljun tyre li ħadu n-nar u kien iebes ferm li l-ispeċjalisti jikkontrollawh. Biex jintefa ssejħu n-nies tat-taqsima tat-tifi tan-nar; suldati u ħaddiema tal-kumpanija taż-żejt tal-Kuwajt.

Xahar wara qabdu tyres oħra fi skartiera f’Amghara, li għalih issejħu ħaddiema tat-tifi tan-nar minn sitt stazzjonijiet.

Hu diffiċli ferm biex titfi n-nar kaġunat mit-tyres – għax jipproduċu ħafna dħaħen, li jkun fihom kimiċi velenużi meta jinħarqu.

Ir-‘Ryanair’ taħt l-attakk

altminn Charles B. Spiteri

Kien rappurtat li l-ekwipaġġ tal-kabina fuq it-titjiriet tar-Ryanair qed ikunu mitluba jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jieħdu kemm jistgħu flus mingħand il-klijenti tagħhom. Il-kumpanija trid tiftaħar li hi ‘l-linja favorita dinjija’, iżda bl-ispejjeż moħbija tagħha, bil-cabin staff u bit-tattiċi aggressivi fil-bejgħ, Ryanair kaxkret il-frażi ‘no frills’ sal-ibgħat trufijiet.

Investigazzjoni li għadha kif tmexxiet minn The Mail on Sunday kixfet it-tattiċi wżati mil-linja tal-ajru biex tibla’ l-liri u l-ewro mill-passiġġieri tagħha, fosthom:

  • Inċentivi lill-ground staff li jindunaw b’bagollaġġ tqil jew hand luggage ikbar milli suppost u li jġiegħlu lill-passiġġieri jħallsu 70.38 ewro.
  • Inċentivi għall-ground staff li jbigħu priority boarding passes.
  • Jagħtu xorb u rigali lil min jorganizza li stag u hen parties.
  • Imexxu sigaretti elettroniċi mimlijin nikotina.
  • Jgħallmu tabilfors lill-cabin crew, t-tattiċi kollha ta’ kif għandek tbigħ lil min ma jridx jixtri: element ewlieni li jħalli l-profitti lil Ryanair.

Xi ħaddiema qalu lill-gazzetta li kemm huma kif ukoll kollegi tagħhom kienu mġiegħla jilħqu bejgħ impossibbli mit-trolleys tar-rigali u x-xorb jekk riedu jżidu xi bonus mal-pagi tagħhom.

altIl-kumpanija kienet ikkritikata għall-politika tagħha fuq il-qies tal-hand luggage u l-ħlas għoli li titlob biex jittellgħu valiġġi akbar stipulat. Issa nstab ukoll li l-ħaddiema li jinfurzaw dawn ir-regoli ibsin, kienu qed jingħataw bonus. L-investigazzjoni tal-gazzetta saret ftit jiem wara li Ryanair spiċċat taħt l-attakk meta numru ta’ piloti tagħha tkellmu l-verità fuq l-istazzjon televiżiv Channel 4 fuq il-kwalità tas-sigurtà li l-kumpanija toffri fit-titjir. Min-naħa tagħha, Ryanair mhux biss ċaħdet l-allegazzjonijiet li saru, iżda immedjatament keċċiet mix-xogħol lil wieħed mill-piloti ewlenin tagħha, Captain John Goss, li kkritikaha waqt id-dokumentarju.

altFuq ir-Ryanair, il-hand luggage ma jridx ikun ta’ aktar minn 10 kilo, waqt li bagoll jista’ jkun ibbukkjat għal 15 jew 20 kilo. Meta t-toqol ikun aktar fiż-żewġ każi, l-individwu jintalab iħallas għall-piż żejjed li jkollu. Jirriżulta wkoll li mit-trolleys tax-xorb u rigali, ir-Ryanair tipprova ġġiegħel lil kull passiġġier jonfoq minimu ta’ żewġ ewro f’distanzi qoxra u erba’ ewro fi vjaġġi itwal.

L-iġmla fil-labra

altminn Charles B. Spiteri

Darba, Kristu kien qal lid-dixxipli tiegħu li ‘hu aktar faċli għal ġemel li jgħaddi minn għajn ta’ labra, milli għal raġel sinjur li jidħol fis-Saltna ta’ Alla.’ Issa, artist Russu ħa din l-isfida biblika b’mod litterali, u rnexxielu jdaħħal sebgħa minn dawn l-annimali – u tliet siġriet tal-palm – f’ras labra tal-ħjata.

altL-artist hu l-minjaturist Nikolai Aldunin, ta’ 56 sena, li jagħmel dan ix-xogħol, biex skont hu jittestja kemm idejh għadhom sodi. Hu jwettaq l-arti tiegħu fl-appartament li għandu f’Moska.  L-artiġjanat tiegħu tant hu ċkejken li jagħmel użu minn mikroskopju li għandu 28 sena, u l-għodod li juża jinkludu s-superglue, siringi u toothpicks.

alt

Aludin jgħid li minn dejjem ispiratu l-leġġenda Russa fuq Levsha, artiġjan xellugi, li tant kien kapaċi, li kellu l-ħila jqiegħed in-nagħal fuq baqqa. Għalhekk, hu ttanta jagħmel xogħlijiet ċkejknin u rnexxielu. Iżda jirrakkonta li mhux kollox jiġih sew. Darba, ffrustra ruħu bil-kbir. Kien qed jaħdem rifle f’ċokon enormi u tilef il-parti ta’ wara tagħha. Kien ilu jaħdmiha ġimagħtejn.

Wara li poġġa bilqiegħda, pejjep sigarett u kkalma, qatagħha li jerġa’ jibdieha mill-ġdid. Qal: “Biex tagħmel dawn l-affarijiet ma tistax tkun irrabjat, għax tkun trid twettaq dak kollu li ruħek tiddetta lil idejk.”

alt

Studenti bil-ħrieqi

altminn Charles B. Spiteri

Fl-Ingilterra nstab li tfal ta’ ħames snin qed jintbagħtu l-iskola bil-ħrieqi, u dan għax qatt ma ngħataw taħriġ biex jużaw WC. 

Rapport li sar apposta juri li numru qawwi ta’ ġenituri qed jonqsu milli jgħallmu lil uliedhom il-ħiliet bażiċi, tant li lanqas jagħrfu meta għandhom jirrikorru għad-WC. Minħabba f’hekk, l-għalliema qed jispiċċaw jgħinu lit-tfal ibiddlu ħwejjiġhom minflok jgħallmuhom is-suġġetti tal-iskola.

L-għaqda tal-għalliema tefgħet it-tort kollu tal-problema fuq l-ommijiet u l-missirijiet li ma jafux x’inhuma d-dmirijiet tal-ġenituri lejn uliedhom ċkejkin. Kollox beda wara stħarriġ fi 18-il klassi tal-iskola primarja, fejn instab li 24 tifel u tifla ma kinux jafu kif jużaw id-WC u għalhekk kienu għadhom jitlibbsu l-ħrieqi. Issa, l-komunità tas-Saħħa f’Kent qed titlob lill-infermiera tal-iskejjel, jippruvaw jgħallmu l-ħtiġiet bażiċi lit-tfal, qabel ma jibdew l-iskola, għax instab ukoll li ħafna ġenituri mhumiex jagħtu jixorbu lil uliedhom biex ikunu jistgħu jibqgħu indaf il-ġurnata kollha.

Barra minn hekk, is-soċjetà waslet f’livell fejn il-ġenituri tat-tfal żgħar lanqas jgħallmuhom jgħidu ‘jekk jogħġbok’ u ‘grazzi’. 

L-għalliema jsostnu li dawn huma manjieri li għandhom ikunu mgħallma mill-ġenituri nfushom, u jkun inutili li huma, min-naħa tagħhom jgħallmuhom kif iġibu ruħhom mal-mejda; kif jużaw l-imgħarfa, l-furketta u s-sikkina, meta la jafu jgħidu ‘grazzi’ u lanqas meta għandhom imorru d-WC.

Sue Palmer, awtriċi ta’ kotba fuq l-iżvilupp tat-tfal, issostni li t-tort totali għandu jinġarr mill-ġenituri, li għandhom isibu ħin jgħallmu l-ħwejjeġ bażiċi kollha lil uliedhom. Jekk dan ma jsirx, ħadd ma jista’ jistenna aħjar mit-tfal iż-żgħar. M’għandux ikun hemm ġenituri li jaħsbu li għax uliedhom ikunu l-iskola, l-għalliema għandhom iġorru r-responsabbiltà huma.

 

 

Trid tibqa’ zaghzugha: uza l-bebbux !

altminn Charles B. Spiteri

Ftit żmien ilu kellna reklamar fuq duwa tal-bebbux. U balleċ, milli jidher hemm xi verità marbuta ma’ dan. Qed jingħad, li dak il-bebbuxu, li drajna narawh bħala stradikatur fil-ġonna tagħna, hu aktar ħabib milli għadu tal-bniedem fejn tidħol l-idea taż-żgħożija, jew biex dak li jkun jibqa’ jidher iżgħar fl-età.

Mil-likwidu oħxon li jħalli warajh il-bebbux għadha kif kienet introdotta kura rivoluzzjonarja għal wiċċ il-bniedem, fejn dan iħalli l-bebbux iduru fuqu. Instab li l-likwidu tal-bebbux fih taħlita ta’ proteini qawwija, antiossidanti u aċtu li jgħinu lill-ġilda żżomm friska, inaqqas u jserraħ mill-infjammazzjonijet u jwarrab ġilda mejta. Matul il-kura ta’ siegħa, li qed tkun offruta f’Salon Klinku f’Tokjo, il-wiċċ jitnaddaf qabel mal-bebbux jitqiegħed fuq il-ħaddejn u l-moħħ ta’ dak li jkun u jitħallew iduru fejn iridu. Din il-kura tal-wiċċ, magħrufa bħala Celebrity Escargot Course,  tiswa €187 u tinkludi serje ta’ massaġġi tal-wiċċ, masks u l-użu ta’ electrical pulse machine.

Qed jingħad ukoll li ż-żlieġa li jħalli l-bebbuxu warajh, tgħin kontra l-ħsara mix-xemx, l-aktar mir-raġġi ultravjola.

altIl-bebbux li qed jintuża mis-salon imsemmi, u li bħalissa huma ħamsa, qed jiġu mitmugħin ħaxix organiku, fosthom karrotti, spinaċi, u ħxejjex Ġappuniżi. Minkejja li tinstema’ xi ftit stramba, din il-kura għal kontra x-xjuħija, mhix xi ħaġa ġdida. Hu magħruf li ntużat aktar minn 2,000 sena ilu.

Skont mhu magħruf Hippocartes, li kien wieħed mill-ewwel tobba, kien jgħaffeġ il-bebbux u jħallathom ma’ ħalib qares biex jikkura l-infjammazzjoni tal-ġilda, waqt li aktar qrib tagħna nsibu li l-likwidu li jħallu warajhom il-molluski kien popolari għall-istess ħaġa fil-Ġappun u l-Korea t’isfel.

 

Il-pets u l-ħwejjeġ tagħhom

altminn Charles B. Spiteri

F’pajjiżna saret dehra komuni li naraw ħwienet ibigħu ħwejjeġ ċkejknin għall-annimali. Anki supemarkets qed ikollhom qatgħat għall-ikel u lbies tal-klieb u l-qtates. Iżda li l-annimali meqjusa bħala pets jitlibbsu l-ħwejjeġ mhix xi ħaġa ta’ dan l-aħħar.

Kollox ħareġ għad-dieher hekk kif l-Arkivju tal-Gazzetti Ngliżi beda jippubblika paġni storiċi fil-website tiegħu.

Qattus fi pram, chimpanzee b’ġakketta bil-barnuża u kelb liebes ta’ buffu huma fost l-aktar stampi li ġibdu ammirazzjoni. L-istampi tagħhom kienu pubblikati taħt diversi titli f’ġurnali bħal The Hull Daily Mail u f’gazzetti bħall-Exeter Gazette.
Artiklu minnhom, meħud mill-ġurnal The Hull Daily Mail tal-1912 juri qattus liebes ġagaga u umbrella tax-xemx pariġġ, li kważi kważi ġie mgħallem juri lill-qarrejja li hu ‘kważi uman’. Dan il-qattus kien il-pet ta’ Miss B. Colman, minn Ilford, Essex.

L-artiklu jkompli jsemmi li Miss Colman u l-qattus imfissed tagħha, spiss kienu jintlemħu f’passiġġati flimkien filgħodu kmieni. 

Ritratt ieħor pubblikat fl-Exeter Gazette tal-1912 juri chimpanzee jismu ‘Consul’liebes dinner dress, bit-tomna u roller blades.

Consul ukoll kien deskritt bħala ‘kważi uman’ u kien attrazzjoni ferm popolari fil-Hippodrome Exeter, f’Awwissu tal-1912. 

Gazzetta oħra, il-Gloucester Journal uriet kelba jisimha Susan, li nġibed ir-ritratt tagħha waqt il-Cranham Fancy Dress Show għall-klieb, f’Settembru tal-1949. Fir-ritratt, Susan tidher eċċitata bil-libsa tas-sajf, bil-bonnet u boots pariġġ. Sidtha, Mrs K. Daniels, kienet rebħet l-ewwel premju fl-istess wirja. 

Amy Gregor, kelliem għall-Arkivju tal-Gazzetti Ngliżi qal: “Jidher li l-komunità tal-21 Seklu, li tuża l-kompjuter hi infatwata tibdel u turi r-ritratti ta’ annimali ħelwin; vidjows tal-annimali jwettqu xi ħaġa tad-daħq u anki pets imlibbsin bħan-nies.                                                

Sejba importanti għat-Testment il-Qadim

altminn Charles B. Spiteri

Bċejjeċ żgħar tal-fuħħar, misjuba f’Iżrael modern, qed jitfgħu dawl ġdid fuq l-abitanti Bibliċi tagħha u jafu jwasslu biex kulħadd jemmen li r-renji tar-Re Salamun u r-Re David, tabilħaqq seħħew. 

L-iskrizzjoni Ophel, tas-seklu 10 qabel Kristu nstabet taħt l-art is-sena li għaddiet u għall-bidu x-xjenzjati tħassbu bil-lingwa biżarra li kien hemm imnaqqxa fuq il-fdal ta’ buqar.

Madankollu l-espert ewlieni Dr Douglas Petrovich jemmen li l-ilsien hu wieħed Ebrajk primittiv, li jfisser li l-Iżraeliti tal-qedem kienu jiktbu l-istorja eżatt, ferm qabel ma kien maħsub s’issa.

Meta oriġinarjament instabet l-iskrizzjoni, f’Diċembru tal-2012, l-esperti mill-ewwel ħasbu li kien xi forma tal-lingwa ta’ Canaan. Dawn kienu nies Bibliċi li għexu f’dik li llum hi Iżrael il-moderna. Iżda Dr Petrovich, espert fl-istudji bibliċi u l-istorja tal-Lvant qal li dan il-ħsieb ma jreġix, u li l-lingwa misterjuża, hi fil-fatt l-eqdem u l-aktar forma oriġinali tal-ilsien Ebrajk – b’mod li juri li l-Iżraeliti tal-qedem kienu f’Ġerusalemm ferm qabel ma hu maħsub.

Hu jsostni wkoll li l-kelliema Ebrajki kienu jikkontrollaw Ġerusalemm fis-seklu 10 qabel Kristu, li skont il-kronoloġija kien fi żmien David u Salamun. Kienu min kienu, kienu jiktbu bl-Ebrajk, qishom kienu s-sidien tal-post.

altJekk dak li qed jgħid Dr Petrovich hu korrett, jaf juri b’mod ċar l-eżattezza tat-Testment il-Qadim, u li l-Iżraeliti tal-qedem kienu qed jiktbu l-istorja kif kif seħħet tabilħaqq. Jirriżulta wkoll f’differenzi kbar, meta l-istejjer bibliċi nkitbu mill-ġdid mijiet ta’ snin wara. Jiġifieri li t-Testment il-Qadim hu rakkont ta’ dak kollu storiku u kif tabilħaqq ġraw l-affarijiet.

Kif mistenni, l-istqarrjiiet ta’ Dr Petrovich qed iqanqlu l-kontroversja fost il-komunità arkeoloġika.
 

Spaga għal kontra l-ħxuna

minn Charles B. Spiteri

Mara li riedet tirqaq tenfasizza li l-fatt li naqset tal-piż tagħha tafu lis-sistemi Eġizzjani antiki. 

altTina Oliver, ta’ 44 sena, li taħdem bħala parrukkiera, tħajret tnaqqas minn piżha wara li qagħdet tikkunsidra ritratt tagħha, tiżen 19-il stone u tilbes ħwejjeg ta’ qies 26.

altDak ir-ritratt, flimkien mat-twissija mit-tabib tagħha li setgħet issir dijabetika jekk tkompli tiekol bl-addoċċ, kienu l-qasba li qasmet dahar il-ġemel.  B’hekk investiet b’xi ħaġa li għenitha tnaqqas tmien stones fil-piż u tibda tilbes ħwejjeġ b’qies 9. Dan kollu għamlitu permezz ta’ spaga!

Xtrat dik li jgħidulha Malory Band slimming aid – spaga li tintrabat mal-qadd, li ma tippermettilekx tiekol iżżejjed u li tiqsar kull meta jonqos il-piż – u bdiet timxi mas-Slimming World plan. Tgħid li qabel ippruvat kull dieta immaġinabbli u ma rnexxietx. Iżda b’din is-sistema niżlet għal 19-il stone u mbagħad għal ħdax u l-qisien tal-ħwejjeġ niżlu minn 28 għal qies 10.

Hi żvelat li: “Sa Settembru li għadda, tant kont ħoxna li qajla stajt noqgħod fuq riġlejja u kelli niġġieled miegħi innifsi biex inkompli bix-xogħol tiegħi. Wara li eżaminajt ritratt tiegħi stess quddiem il-pastini… għedt daqshekk!”

F’Ottubru li għadda Tina kellha riżultati mediċi ħżiena u t-tabib qalilha li riedet tara x’tagħmel. Snienha tħassrulha wkoll, mis-snin li għamel tmeċlaq il-ħelu, pastini, takeaways u ċikkulata. Kellha Boby Mass Index ta’ 43.  Imbagħad, ħabiba qaltilha fuq il-Malory Band, li l-Eġizzjani kienu jużaw biex inaqqsu qaddhom u jerġgħu għall-forma ta’ qabel it-twelid tat-trabi. Hi speċi ta’ spaga.  Tintrabat madwar il-qadd u l-ħin kollu tfakkar lil min jilbisha, joqgħod attent x’jiekol, għax mal-ikel, tissikka.
Tina ppruvata u tgħid li salvatilha ħajjitha. Ġegħlitha tirrealizza wkoll li l-ikel mhux dak li kienet drat taħtaf biex tkompli għaddejja bix-xogħol tagħha.

altIllum, li naqset u għandha dehra ferm attraenti, issib nies li jafuha, li jwaqqfuha u jistaqsuha x’għamlet. Qed tħossha ferħana u ferm aktar b’saħħitha. “Dari qajla stajt nimxi u l-mixja tiegħi kienet tkun il-ħarġa bil-kelb. Illum tgħid li tista’ niġri għaxar kilometri bla ma nieqaf u qed nistenna li nieħu sehem fil-Great North Run.”

Mal-bdil f’suritha, Tina bidlet ukoll id-drawwiet tagħha. Issa qed tieħu l-porridge jew muesli għall-kolazzjon, frott, yoghurt u salad għall-ikla ta’ nofisnhar u biċċa tiġieġa u ħaxix, filgħaxija.
 

Relazzjoni qawwija bejn tifel u kelb

altminn Charles B. Spiteri

Iċ-ċkejknin, sija jkunu tfal jew klieb, ikunu jeħtieġu dik ir-raqda ta’ wara nofsinhar.

Meta Jessica Shyba u żewġha ħadu kelb fid-dar tagħhom għat-tlett itfal żgħar li għandhom, qatgħuha li jgħallmuh iħammeġ f’kaxxa apposta, peress li għandu biss seba’ ġimgħat.

Iżda wara l-ewwel lejl ta’ qrid, Jessica ddeċidiet li ma terġax tħalli lill-kelb Thoe jorqod waħdu. U dan fehimha mill-ewwel u obda anki għall-irqad ta’ wara nofsinhar. Kull darba li binha Beau jitqiegħed fis-sodda, ‘ħuh’ Theo jaqbeż għal fuq is-sodda u jorqod miegħu.

altL-ewwel darba li Jessica ndunat b’dan l-irqad stagħġbet u ġibditilhom numru ta’ ritratti. Hi qalet li sa mill-għada wara nofsinhar Thoe joqgħod jistenna wara l-bieb tal-kamra tas-sodda, biex flimkien ma’ Beau, jerġa’ jmur jorqod. L-omm issostni li din kienet l-ikbar relazzjoni sabiħa u organika li qatt xehdet b’għajnejha.

Binha u l-kelb jieħdu nagħsa ta’ sagħtejn kuljum, flimkien.
 

Granċ jew fantasija?

Charles B. Spiteri

BDL Books - Laqtiet

Sa mill-piramidi tal-qedem għall-bunkers militari, it-teoristi ma daħlu fl-ebda konfoffa. Lanqas issa b’dak li raw fuq Mars.

Fl-aħħar dehra biżarra, il-kaċċaturi għall-aljeni qalu li setgħu jilmħu granċ misterjuż fuq il-pjaneta l-ħamra.

Mindu l-immaġni ntefgħet fuq il-Facebook, numru ta’ persuni qalu li dan il-granċ jixbah lill-mostru li kien intwera fil-film tal-1979 bl-isem ta’ Alien. Ir-ritratt inġibed mill-magna Curiosity, fuq Mars, li wriet speċi ta’ daħla ta’ għar fuq il-pjaneta l-ħamra.

Iżda Seth Shostak, direttur taċ-Ċentru għat-Tiftix SETI, qal li probabbilment dan hu każ ta’ pareidolia, kelma li tintuża għal dawk l-individwi li fl-immaġinazzjoni tagħhom jaraw forom u wċuħ f’dak li jħarsu lejh. Tant hu hekk li hemm kaċċaturi oħra tal-aljeni li dan l-aħħar stqarrew li fuq Mars raw dik li jemmnu li hi mara samranija.

1 13 14 15