Urna Ċiniża tinxtara bi prezz fenominali
minn Charles B. Spiteri
Urna antika Ċiniża, li sidha kien jużaha biex iqiegħed fiha l-‘pot pourri’, inbiegħet f’irkant għal aktar minn €177,085.
Is-sid, li għandu ftit aktar minn ħamsin sena, wiret fan il-vażun mingħand qarib tiegħu snin ilu, iżda peress li ħaseb li ma jiswiex wisq, għal madwar għoxrin sena wżah biex jaħżen fih petali nexfin u jfuħu u qiegħdu fuq gwardarobba.
Kien meta ġie biex jibdel daru u ddeċieda li jbigħ numru ta’ affarijiet li kellu fid-dar il-qadima, li rkantatur qallu li dak l-oġġett, jaf kien artiġjanat tas-seklu 18, meta ċ-Ċina kienet taħt ir-renju tal-Imperatur ta’ Quianlong u jiswa eluf ta’ ewro.
Meta l-esperti komplew jeżaminaw il-vażun tal-porċellana, taħt saff oħxon ta’ trab sabu disinn pinġut bl-idejn, bi fjuri roża, ħodor, blu u ħomor.
Għall-bidu, l-irkantaturi stmaw l-urna għal bejn €1,180 u €1,483, iżda tant ġibdet interess mix-xerrejja potenzjali, li dan l-artefatt Ċiniż inbiegħ għal €18,087.
Sid l-urna, minn Shaftesbury, Dorset kien preżenti għall-bejgħ u ddikjara li dik kienet l-aqwa ġurnata ta’ ħajtu, wara li l-artefatt antik inbiegħ għal 75 darba iżjed mill-prezz stmat.
Dwejra Mitluqa li ma Daħal Ħadd Fiha!
Dawn huma ritratti bħal f’dar tal-ispirti, iżda l-affarijiet li jidhru huma kollha kif ħallewhom is-sidien aktar minn ħamsin sena ilu. Magħrufa bħala d-Dwejra l-Imgħawġa, din id-dar ċkejkna u misterjuża f’Hertfordshire, għad fiha fost l-oħrajn, is-sodda ta’ bi tnejn, vażetti biċ-ċawsli u kalendarju, bis-sena u xahar ta’ Diċembru 1956.
Jingħad li fiha kienet toqgħod koppja miżżewġa. Meta r-raġel miet, martu baqgħet tgħix fl-istess dar sakemm ittieħdet toqgħod f’għar.

Oġġetti oħra fid-dwejra huma rota tan-nisa, forn antik ferm u ritratti tal-familja, li lkoll juru li tħallew kif kienu, is-snin fuq is-snin.
L-affarijiet f’din id-dwejra nstabu minn Toby Batchelor, fotografu tal-ambjent urban li jħobb jesplora postijiet mhux tas-soltu. U kif sabhom, qal li qatt ma kien jistenna xi ħaġa aħjar!
Żied jgħid li għall-ewwel ħaseb li kien jinsab f’dar ċkejkna tal-films, għax kien hemm ilbies ta’ żminijiet qodma maħruġin mill-kxaxen u dak kollu li l-produtturi tal-films ifttxu għall-filmati tagħhom.
Id-dwejra, li fis-sular ta’ fuq fiha kamra waħda biss għandha l-pedament mikul b’mod li mielet u għalhekk ħadet l-isem tad-Dwejra l-Imgħawġa.
Jinstab min kien Jack the Ripper…
minn Charles B. Spiteri
Il-misterju fl-istorja ta’ Jack the Ripper, li skantat lid-dinja mill-ewwel qtil li sar f’Londra ta’ żmien ir-Reġina Vitorja, nħall għal kollox wara 125 sena, minn eks ditektiv tal-iskwadra tal-qtil.
L-aħbar ħażina għall-miljuni ta’ dilettanti li xtaqu jsibu lil dan il-qattiel notorju hi li dan is-‘serial killer’ qatt ma eżista.
Il-personalità ta’ Jack kienet inħolqot minn ġurnalist sakranazz, bl-isem ta’ Thomas Bulling, li ffalsifika ittra li bagħat lil Scotland Yard fl-1888, u li fiha ppretenda li kien ‘Jack’. Dan għamlu biex ikollu storja sensazzjonali għall-gazzetta li kien jaħdem magħha.
Fuq dan l-imbierek ‘Jack the Ripper’ inkitbu aktar minn 300 ktieb u tużżani ta’ filmati u programmi televiżivi. Bejniethom semmew aktar minn mitt raġel differenti, li seta’ kien il-qattiel u dan għamluh bl-inqas xhieda possibbli. Skont ma dejjem ingħad, il-qattiel qatel u ħanxar gerżumt ħames nisa u wara qalagħhom imsarinhom. Dejjem kien rappurtat li l-qtil sar fit-toroq ta’ Whitechapel, li kienu mixgħulin b’lampi tal-gass.
Is-suspettati nkludew lil kulħadd, min-neputi tar-Reġina Vitorja, id-Duka ta’ Clarence sa Lewis Carroll, l-awtur tar-rumanz Alice in Wonderland. Kien hemm ukoll min qal li l-qattiel kien gwerrier Indjan Sioux, bl-isem ta’ Black Elk, li dar mal-Gran Britannja flimkien ma’ ‘Buffalo Bill’s Wild West Show’ fis-snin 1880.
Iżda Trevor Marriott, li kien jaħdem bħala ditektiv fl-iskwadra tal-qtil, f’Bedfordshire, qatta’ 11-il sena jistudja l-każi ta’ qtil u jqalleb il-fajls ta’ Scotland Yard. Spiċċa wkoll jagħmel użu mit-tekniċi moderni mħaddma mill-pulizija.
Hu qal li tul is-snin, il-fatti ta’ dawn ta’ dawn il-każi kienu mħawda u l-pubbliku ġie mqarraq totalment minn numru ta’ awturi u pubblikaturi.
Pulizija – pupu tal-Lego
minn Charles B. Spiteri
Membru tal-Pulizija Ingliża baqa’ ferm skantat meta sab pupu tal-Lego mlibbes ta’ pulizija, li mhux biss kien ixiebhu qatigħ, iżda kellu wkoll l-istess numru tiegħu fuq il-kullar.
Il-manifattur tal-logħob qal li hi b’kumbinazzjoni kbira li dan il-ġugarell għandu xebh inkredibbli mal-pulizija Thomas minn Hampshire.
Din il-figura ġdida tal-logħob għandha l-istess uniformi bħal ta’ Thomas; missier ta’ żewġt itfal, għandu mustaċċi bħal tiegħu u n-numru li jġib hu 1337 ukoll.
Thomas, ta’ 48 sena qal li x-xebh tant hu qawwi li spiċċa biex għamel kuntatt mal-produttur tal-ġugarelli Daniż u qallu li spiċċa bi sħabu kollha jinkuh fuq ix-xogħol.
Mistoqsi kif sab il-ġugarell, Thomas qal li wieħed mill-kollegi tiegħu jfaddal il-figorini tal-Lego, u fost l-aħħar li xtara, sab dan. Żied li ċempillu biex jgħarrfu u meta hu daħal għax-xogħol fix-xift ta’ wara, sab l-istess ġugarell jistennieh fuq l-iskrivanija.
Din il-forma ta’ pulizija li ħarġet f’edizzjoni limitata, għandha kappell, u lembuba u hi deskritta mil-Lego bħalha
Xenarju Ngliż fl-Afrika t’Isfel
minn Charles B. Spiteri
Membri tal-Istitut tan-Nisa li ħadmu villaġġ żgħir bis-suf, għat-tfal morda, baqgħu skantati meta ntqalilhom li ma setgħux jagħtuhulhom minħabba li s-suf jirrappreżenta riskju għas-saħħa u s-sigurtà tat-tfal.
In-nisa minn Sidford f’Devon, qattgħu sena sħiħa joħolqu x-xenarju f’kobor ta’ sitt piedi b’erbgħa, mimli b’persunaġġi ċkejknin, djar, annimali, fjuri, razzett u knisja.
Dan ix-xogħol soltu jingħata lill-isptarijiet tat-tfal, ospizji u nurseries, biex it-tfal foqra jkollhom biex jilagħbu, iżda din id-darba ma kienx aċċettat minħabba l-biża’ li s-suf ma jistax ikun sterilizzat. Għalhekk, in-nisa ħarġu diżappuntati għall-aħħar.
Waħda mill-anzjani qalet li kienu xebgħu sal-ponta ta’ mneħirhom, li kull sena jaħdmu x-xalpi u għalhekk qatgħuha li jagħmlu xi ħaġa differenti u fuq skala kbira.
Ilkoll involvew ruħhom f’dan ix-xogħol u ħadu gost jaħdmu xi ħaġa mhix tas-soltu mis-suf. Huma fittxew li jkollhom materjal li hu sigur għat-tfal.
Meta ngħataw din l-aħbar – li qatgħethom xi ftit minn ġewwa – in-nisa esibew ħidmiethom f’wirja tal-ortikultura, fejn laqat l-għajn ta’ voluntier tal-karità. Dan qalilhom li orfanatrofju fl-Arika t’Isfel jieħu gost jaċċettah għat-tfal orfni tiegħu.
Għalhekk, in-nisa ppakkjawh f’taqsimiet u bagħtuhulhom bil-posta. Għax, kif ngħidu bil-Malti: min hu mejjet fis-sakra…. u min hu mejjet għal qatra!
Għaddasa ta’ Ħila mal-Klieb il-Baħar

Għaddasa prima, li hi magħrufa għall-ħila tagħha mal-klieb il-baħar, dan l-aħħar inġibdilha filmat, tqiegħed idha f’ħalq din il-ħuta, biex taqlgħalha sunnara li weħlitilha fil-fond ta’ garġiha.
Hekk kif il-klieb il-baħar bdew iduru ma’ ħabibithom u ma’ għaddasa oħra li niżlu magħha fil-baħar blu u ċar tal-Bahamas, it-Taljana Cristina Zenato, mingħajr biża’ ta’ xejn, tidher iddaħħal idha f’ħalq il-predatur u tneħħilha s-sunnara għal kollox.
Il-filmat juri wkoll lil din il-ħuta feroci tikkwieta fil-preżenza ta’ Cristina, u hekk kif din iddaħħlilha idha fil-fond ta’ ħalqha, lanqas tipprova tigdimha.
Jingħad madankollu, li taħt il-wetsuit tagħha, Cristina kellha libsa tal-azzar, ikkatinata rqiq. Hi rnexxielha traqqad lill-ħuta billi togħrkilha l-partijiet magħrufa bħala l-ampullae ta’ Lorenzini, li huma mijiet ta’ pori madwar imneħirha u ħalqha.
B’riżultat ta’ dan, il-ħuta tipparalizza ruħha sa madwar kwarta, u tidher rieqda f’idejn Cristina, li ilha twettaq dan ix-xogħol għal kważi 20 sena, iżda xorta waħda; dejjem tilbes l-ilbies protettiv biex tilqa’ għal xi gidma mhix mistennija.
It-talenti ta’ Cristina wassluha biex tkun magħrufa u mitluba għal xogħol mill-produtturi ta’ filmati u dokumentarji televiżivi u s’issa ħadmet mad-dinja kollha, fosthom ma’ organizzazzjonijiet bħall-BBC, Discovery, Nat Geo, ABC, Science and Nature.
Hi wkoll il-mexxejja ta’ tim ta’ għaddasa tas-Soċjetà ta’ Esploraturi ta’ taħt il-Baħar (UNEXSO) fil-Gżira Grand Bahama.
Kelb isalva ieħor
minn Charles B. Spiteri
Il-kangaroos jafu jidhru annimali ħelwin, iżda ma kisbux il-fama tagħhom ta’ boxers għalxejn.
Dan jista’ jkun mixhud minnfilmat li nġibed dan l-aħħar u li juri ġlieda bejn kangaroo u kelb li ma kienx jaf li l-opponent tiegħu kien boxer.
Fil-vidjo, li ttella’ fuq You Tube minn Anthony Gill, jidher il-kelb ta’ lewn iswed, Max, tar-razza Great Dane, jgħum f’għadira Awstraljana, mingħajr ma jirrealizza li ftit wara se jinżel ‘l-opponent’ tiegħu biex jieħu għawma. Għall-kelb, jaf għaddielu minnmoħħu li se jilagħbu.
Iżda immedjatament, il-kangaroo jmur fuq id-difensiva – l-istess kif jagħmlu l-boxers, u jersaq lejn il-kelb.
Max imur in-naħa l-oħra u jitla’ fuq l-art niexfa. Metajikseb il-kunfidenza, jerġa’ jersaq aktar lejn l-annimal ġgantesk. Hawnhekk, il-kangaroo jagħti daqqa lill-kelb, jixħtu fl-ilma u jipprova jgħerrqu billi jgħoddsu u jibqa’ jżommu bla ma jieħu nifs.
Kelb ieħor, ħabib ta’ Max, jasal fil-post u jibda jinbaħ b’mod frenetiku tant l-ġlieda tieqaf u Max jirnexxilu jerġa’ jitla’ fuq ix-xatt.
Din id-darba, l-kelb ma jerġax jersaq lejn il-kangaroo, iżda jmur għar-refuġju ta’ sidu.
Kalkulatur primittiv għall-bejgħ
minn Charles B. Spiteri
Kalkulatur ‘tal-but’, rari u eċċezzjonali, li jmur lura għas-seklu 17, mistenni li jinbiegħ f’irkant għal xejn inqas minn €117,315.
Il-magna tal-aritmetika hi waħda mill-ewwel apparati tal-kalkulazzjoni li għadha teżisti u hi meqjusa bħala waħda li ġġorrha faċilment.
Din il-pocket calculator irkantata minn Christie, hi waħda minn erbgħa li baqa’ fid-dinja. Kienet saret minn Renè Grille de Roven, arluġġar u bniedem mekkaniku Pariġin, għar-Re Luiġi XIV.
Minn dak li jirriżulta, il-magna, li hi tal-injam fiha qies ta’ 15-il ċentimetru wisa’ bi 32 ċentimetru tul, u nħadmet fl-1673.
Nistgħu faċilment ngħidu li s-seklu 17 sa l-ewwel invenzjonijiet ta’ għodod ta’ kapaċità biex jgħinu fil-kalkulazzjonijiet aritmetiċi, ukienu bażati fuq il-logaritmika ta’ Napier. Intużaw ferm mix-xjenzjati ta’ dak iż-żmien, biex jimmultiplikaw u jiddividu.
Dan l-apparat tal-kalkulazzjoni, li se jkun irkantat, jinsab f’kaxxa tal-injam tal-ġewż u fih 24 arloġġ, imqegħdin fi tliet ringieli ta’ tmienja ’l waħda, mal-għatu tiegħu.
Mit-tliet eżemplari l-oħra ta’ dan il-kalkulatur, tnejn jinsabu fil-Musée des Arts et Métiers f’Pariġi u l-ieħor fil-kollezzjonijiet tal-IBM fi New York.
Robot iferra’ x-xorb
minn Charles B. Spiteri
Għadha kif ħarġet aħbar tajba għall-klijenti, iżda ħażina għall-ħaddiema tal-bars. Għax ix-xjenzjati għadhom kif ħolqu barman robot, li jista’ jservi lill-klijenti f’inqas ħin u f’miżuri aħjar.
James, imsemmi wara l-kreatur tiegħu, (mill-ewwel kelmiet tas-sistema Joint Action in Multimodal Embodied Systems),għandu kompjuter flok ras, li turi par għajnejn kbar biex ikun jista’ jagħmel kuntatt bil-ħars mal-klijenti tiegħu.
Ħalq James jiċċaqlaq skont il-kliem li jkun qed ilissen u ġismu, magħmul mill-metall u b’id waħda hu mwaħħal wara l-bar, mnejn jaċċetta l-ordnijiet għax-xorb u jilħaqhom b’idu, li fiha erba’ swaba’; imbagħad iservihom lill-klijenti.
James jaqra wkoll il-lingwa tal-ġisem u jagħraf minnufih min għandu jinqeda l-ewwel u min min-nies ma jkunx se jordna x-xorb.
L-imġiba tar-robot titħaddem fuq studju li sar aktar kmieni mill-Università ta’ Bielefeld, li sabet li 90 fil-mija tal-klijenti jħarsu lejn il-bar meta jordnaw. Irriżulta wkoll li dawk li ma jkunu qrib il-bar iżda ma jridux jordnaw xorb, ikunu qed jiddiskutu ma’ ħbiebhom u għalhekk ma jkunux f’komunikazzjoni viżwali mal-bartender. Allura James, jaqbiżhom.
Sebastion Lothe, psikologu mill-istess università qal: “Effettivament, il-klijenti jidentifikaw lilhom infushom bħala dawk li jirdu jorndaw jew le, mill-imġiba tagħhom.” Dan seta’ kien indikat minn studju li sar fin-nightclubs f’Edinburgh u fil-Ġermanja.
Fis-sistema li jħaddem James, għandu l-ħila li jagħraf min ikun qabel min u kapaċi jlissen “Nista’ naqdik?”
Safejn jasal moħħ Ċiniża!
minn Charles B. Spiteri
Mara Ċiniża, li r-raġel ta’ bintha dejjaqha sal-ponta ta’ mneħirha wara li ma baqax iħallas lura d-dejn li kellu, ħadet miżuri iebsa ferm kontrih.
Wang Qin, kriet krejn biex tella’ l-karozza tar-raġel ta’ bintha fit-terrazzin tagħha, ħalli tiżgura ruħha li jħallasha mill-ġdid il-flus li silfitu. U s-somma li silfitu ma kinitx ta’ sold jew tnejn iżda madwar nofs miljun yuan. Hu ried dawn il-flus bl-iskuża li jinvesti fin-negozju tiegħu.
Ma damitx wisq ma ndunat li beda jaħrabha u jinjora t-talbiet tagħha għall-ħlasijiet.
Għalhekk bdiet iżżommlu l-karozza tiegħu bħala ostaġġ, għalkemm sabet li xorta baqa’ jużaha bil-moħbi billi jirnexxilu jiftaħha u jsuqha.
Appena tilfet il-paċenzja, Wang kriet krejn u tellgħet il-karozza tat-tip Audi fit-terazzin tagħha, b’mod li issa żgur ma jistax isuqha.