Jiltaqgħu wara 70 sena
minn Charles B. Spiteri
Għaxriet ta’ snin qabel ma kien hawn iċ-ċellulari, u dinja ’l bogħod mill-Facebook, Harold ‘Johnny’ Johnson u Eddie Scott Jones, ħasbu li se jinfirdu għal dejjem meta sellmu lil xulxin wara li nħelsu minn ħabs Nazist.
Wara li sparawlhom f’missjonijiet separati u kellhom jinżlu bil-paraxut tagħhom fuq l-art tal-għadu, iltaqgħu fiċ-ċelel tal-barbed-wire għall-priġunieri tal-gwerra, fi Stalag Luft VI, fl-1944.
It-tnejn b’ħajra qawwija għall-arti, saru inseparabbli — dejjem flimkien u jpinġu fil-ħabs iffriżat fil-Litwanja. Iżda meta wasal il-waqt għall-ħelsien tagħhom, Johnny, ta’ 23 sena, kellu jmur f’Leeds, pajjiżu, waqt li Eddie, ta’ 21 sena, kellu jirritorna f’Liverpool.
Huma kienu ppremjati b’labra tal-ingravata kull wieħed, f’forma ta’ paraxut.
Ħadd minnhom ma emmen li wara l-firda kellhom jerġgħu jiltaqgħu inċidentalment wara 70 sena ta’ ħbiberija.
Kien meta Eddie, illum ta’ 91 sena, kien qed jaħdem għall-kumpanija Pagan Smith, li xi ħadd irrimarkalu għal-labra tal-ingravata u qallu li kien hemm xi ħadd ieħor jaħdem hemm, li kellu labra bħalha.
Mejjet bil-kurżità biex jara min seta’ kien dan il-paraxutist, li bħalu ngħata l-labra ta’ mertu, mexa wara l-kollega, biex tlaqqgħu miegħu. Għax il-labra kienet tingħata lil kull min ikun imġiegħel jaqbeż mill-ajruplan tiegħu.
Metasab lil ħabibu Johnny, baqa’ mibluh u qajla seta’ jemmen, iżda malajr għannqu lil xulxin u ma damux ma pinġew il-ġrajja tagħhom tas-snin 40.
Eddie Jones pinġa mill-memorja l-avventuri tiegħu fuq il-linji tal-għadu, jispara fuq il-postijiet tagħhom u jfittex postijiet fejn seta’ jillandja.
Johnny Johnson, li kien itir mal-Iskwadra 102, kellu jaqbeż darbtejn bil-paraxut mill-ajruplan tat-tip Halifax tiegħu. Mat-tieni darba nqabad mill-Ġermaniżi. Huma sparaw u laqtulu l-ajruplan fit-3 ta’ Diċembru, tal-1942, f’għoli ta’ 15,000 pied. Hu wkoll pinġa dak li jiftakar fiż-żmien tal-gwerra.
Noli ta’ 41 sena għal ċurkett
minn Charles B. Spiteri
Brenda Caunter, li fl-1972 kienet qed tqiegħed u tirranġa l-kaboċċi f’posthom, f’għalqa fejn kienet taħdem, baqgħet sorpriża għall-aħħar meta ndunat li ċ-ċurkett tat-tieġ tagħha kien ħarġilha u waqgħalha qalb l-istess ħamrija mxarrba tal-kaboċċi.
Hi u żewġha Dave fittxewh kemm felħu għal numru ta’ jiem. Meta qatgħu qalbhom, Brenda kellha tikkuntenta b’ċurkett ieħor.
Illum, li Brenda għalqet it- 62 sena, għandha żewġ ċrieket tat-tieġ, grazzi għal fittiex tat-teżori lokali, li sabilha ċ-ċurkett mitluf meta kien qed ifittex għal muniti medjevali permezz ta’ apparat li kapaċi jsib il-metalli mirdumin. Hu rritorna ċ-ċurkett mitluf lil Brenda wara li kien ilu mitluf 41 sena.
Kien Dave, ir-raġel ta’ Brenda li meta ġimgħa ilu kien għaddej mill-istess post fejn martu kienet tilfet iċ-ċurkett, lemaħ lil ġar ifittex b’metal detector għal muniti antiki. Waqaf, u rrakkuntalu l-ġrajja ta’ martu. Ftit jiem wara, l-istess persuna ċemplitilhom id-dar u għarrfithom li kienet sabitilhom iċ-ċurkett!
Inkredibbilment, kien għadu f’kundizzjoni perfetta, minkejja li kien ilu midfun 41 sena. Hi tirrakkonta li dakinhar li tilfitu, kienet liebsa l-ingwanti tal-plastik. Metawaqfet u neħħiethom, indunat li magħhom kien ħarġilha ċ-ċurkett tat-tieġ u waqgħalha.
Min sabu, li xtaq jibqa’ anonimu, qal li mhux darba u tnejn ħareġ bil-metal detector biex jipprova jsib muniti medjevali u rnexxielu. Din id-darba, kellu jsib iċ-ċurkett mitluf, li jirrapprżenta l-unjoni dejjiema bejn Brenda u Dave!
L-iżgħar linfa fid-dinja

minn Charles B. Spiteri
Kumpanija Ingliża inawgurat dik li temmen li hi l-iżgħar linfa fid-dinja. Kulma hi, tliet pulzieri wiesgħa, b’tul ta’ żewġ pulzieri, b’xemgħat ta’ kwart ta’ pulzier għoljin. Din il-linfa kollha tidħol f’bozza normali. Iżda minkejja l-qies tagħha, din il-bozza, magħrufa bħala King Edison, hi l-ogħla waħda fil-prezz – €563.
Lill-bejjiegħa qed jingħadilhom, li waqt li jistgħu jixtru bozza b’linfa waħda; jekk jixtru aktar, ikollhom effett massimu!
Id-dawl f’din il-linfa ċkejkna; tnax b’kollox, huma maqsumin f’żewġ ċrieki u jixegħlu lkoll b’LEDs żgħar. Issemmiet wara l-inventur tal-bozza, Thomas Edison.
Disinjata minn Young and Battaglia, il-linfa hi tar-ram u fiha partijiet tal-kromju.
Id-disinjaturi tagħha, Brendan Young u Vanessa Battaglia, qalu li dawn il-linef huma ideali għal min iħobb xi ħaġa differenti u jammira d-disinn.
Biex inħadmet l-ewwel linfa nħtieġu 50,000 siegħa.
Klieb ta’ lewn aħdar ċar
Charles B. Spiteri

Spanjola li trabbi l-klieb baqgħet ixxukkjata meta tnejn mill-klieb li twildulha kellhom lewn aħdar ċar.
Aida Vallelado, ta’ 27 sena, qalet li ma setgħetx temmen dak li rat. Iż-żewġt iklieb ma kinux b’saħħithom wisq ħdejn il-boton l-ieħor. Kelba minnhom mietet ftit wara li twieldet, iżda l-ieħor għadu ħaj, għalkemm mhux wisq fuq tiegħu. Vallelado ħasbet li dawn iż-żewġt iklieb tħammġu b’xi mod u għalhekk ippruvat tnaddafhom, iżda l-kulur ma riedx jerħi. Għalhekk irrealizzat li kien il-lewn ta’ sufhom.
Hi u missierha, li jrabbu l-klieb tal-kaċċa f’Laguna de Duero, bdew jirreferu għal dawn il-klieb bħala Hulk, għalkemm qatt ma setgħu jirrabjawhom. Issa li l-kelba mietet baqa’ l-kelb, li wara twelidu beda jitlef il-kulur li twieled bih. Il-veterinarju Daniel Valverde qed jistudja l-kawża tal-mewt tal-kelba u l-kulur mhux tas-soltu li twieldu bih. Hu qal li qatt ma kien hemm twelid bħal dan fi Spanja. Qed jagħmel it-testijiet viroloġiċi u batterjoloġiċi biex jipprova jsib tweġiba.
Madankollu qed jingħad li ż-żewġt iklieb Spanjoli mhumiex l-ewwel klieb li ġew rappurtati b’kulur ħadrani. Fl-2012 kien rappurtat li twieled kelb tar-razza Labrador fi Clayon-le-Moors, f’Lancashire.
Arloġġ bi Storja Jinbiegħ fi Rkant

Arloġġ tal-idejn tad-ditta Rolex, milbus minn priġunier tal-gwerra li għen fit-tħaffir tal-mini għall-famuża ħarba magħrufa bħala ‘Great Escape’ se jkun irkantat u mistenni jġib €35,143.
Minkejja li kien miżmum fil-kamp Ġermaniż Stalag Luft, il-Logutenent Gerald Imeson xorta waħda seta’ jordna u jirċievi l-arloġġ ġdid fl-1942.
Il-produttur tal-arloġġi Żvizzeri kien offra lill-priġunieri Ingliżi kollha tal-gwerra, arloġġ ġdid fjamant minn tiegħu, għax dawk li kellhom fuqhom qabel ma nqabdu priġunieri, kienu tteħdulhom mill-Ġermaniżi. Id-ditta Żvizzera għamlet dan bil-patt li wara l-gwerra, jħallsu għalihom.
Il-Logutenent Imeson libes l-arloġġ Rolex waqt li għen fit-tħaffir tal-mini li kellhom jgħinu lill-priġunieri jaħarbu fl-1944. Hu kellu l-parti ta’ ‘pengwin’ – wieħed mill-irġiel li b’mod sigriet kien jitfa’ l-ħamrija maqlugħa fil-bwiet imtaqqba ta’ ħwejġu u jferrixha kull fejn imur.

Kellu jkun il-172 persuna fil-kju tal-priġunieri li kellhom jaħarbu, iżda ma laħaqx wasal sal-mini, għax l-għassiesa Ġermaniżi kixfu l-pjan.
Meta reġa’ lura fil-Gran Britannja, u sewwasew fl-1947, kellu jħallas il-kont tal-arloġġ — €199, (madwar €5,857 tal-lum). Ma ħallasx ma tmiem il-gwerra, peress li dak iż-żmien, il-Gvern Ingliż ma ħalliex flejjes joħorġu barra l-pajjiż. Ried jistenna l-permess tal-Bank Ingliż biex seta’ jibgħat il-flus lejn l-Iżvizzera.
Tul ħajtu u sa ma miet fl-2003, fl-età ta’ 85 sena, Imeson apprezza ferm l-arloġġ tiegħu. Hu dejjem xtaq li wara mewtu, l-arloġġ jinbiegħ biex familtu tkun tista’ tibbenefika minnu.

Issa, se jkun irkantat minn ‘Bourne End Auction Rooms’ ta’ Buckinghamshire. L-istima tal-prezz għalih hi ta’ €29,286, iżda aktarx li l-prezz jogħla.
Fl-1963 sar il-filmat ‘The Great Escape’. Kien ibbażat mill-ġrajjiet veri li seħħew għalkemm xi karattri kienu fittizji. Fil-film ħa sehem prinċipali l-attur Steve McQueen bħala l-Kaptan Virgil Hilts, James Garner bħala Flight Lieutenant Robert Hendly u Richard Attenborough bħala l-Kap tal-Iskwadra Roger Bartlett.
Madankollu, mhux minnu li kien hemm xi priġunieri tal-gwerra Amerikani fit-tentattiv, u la kien hemm ħarbiet b’mutur u lanqas b’ajruplan.
Bniedem Ċajtier Joħloq Biża’ Kbir

Ġimgħa qabel il-Halloween, iċ-ċajtier Amerikan Tom Mabe għamel ċajta li werwret lil bosta mill-vittmi tiegħu, fosthom joggers, individwi li joħorġu għal ħarġa bil-kelb tagħhom u wkoll lil tfal.
Hu għamel użu minn skeletru, li rrefera għalih bħala l-‘Ħassad li Jtir’, li ħaddmu bir-remote control u ġibed il-filmat.
Għalhekk, lil dan il-katavru beda jtajru lejn u fuq in-nies li kienu għaddejjin għall-affari tagħhom. L-istess persuni, kif jindunaw bih, jaħarbu jiġru, uħud imwerwrin!

Tom għamel isem għalih innifsu billi ħoloq filmat mingħajr atturi magħrufa, u kellu riżultat eċċellenti. F’24 siegħa mindu tefa’ l-filmat fuq il-You Tube, kellu aktar minn 150,000 telespettatur.
Tom Mabe, ta’ 44 sena minn Louisville, Kentucky, qal li ħa gost iwettaq din iċ-ċajta, għalkemm ħaditlu ftit ħin mhux ħażin.
Żjara lil 35 tribù f’periklu ta’ qirda
minn Charles B. Spiteri
Il-fotografu Ingliż Jimmy Nelson qatagħha li jivvjaġġa d-dinja fi tliet snin, u żar 35 tribù fil-ħames kontinenti, li jinsabu fix-xifer tal-estinzjoni.
Ma jistax jgħid li kienu ostili miegħu. Anzi; il-ħin kollu joffrulu l-vodka, iżda billi ma jixrobx alkoħol, irrifjuta. Madankollu wara li ma rnexxilux jipperswadihom jippużawlu għar-ritratti, ħaseb li jkun aħjar jekk iwarrab il-camera tal-ritratti u jagħmilha tal-mistieden tagħhom.
It-Tribù tal-Mursi
Ir-riżultat kien li f’temp qasir siker sakra ma jarax art u ntilef minn sensih. Meta qam, sab ruħu t’tinda, imdawwar minn madwar 30 persuna. Xtaq iqum biex jurina, għax kellu l-bużżieqa tal-awrina se tixpakka, iżda ma felaħx. Imgeżwer f’madwar tmien saffi ta’ ħwejjeġ, f’temperatura ta’ inqas minn 40 grad barra, il-fotografu Ingliż ma kellux għażla għajr li jagħmel taħtu. U reġa’ raqad.
Aktar tard irrealizza li t-tinda waqgħet minħabba kwantità ta’ ċriev – annimali li ma kienx jaf li jersqu f’numru mdaqqas meta jxommu l-melħ fl-urina. Dawn l-annimali dawruħ u bdew jippruvaw jilagħqulu ħwejġu.
Irrakkonta li għall-bidu n-nies tat-tribù Tsaatan kienu riservati, iżda meta sar ‘il-babbu’ tagħhom u bdew jidħqu bih, malajr aċċettawh u għoddewh b’wieħed minnhom.
It-Tribù tal-Mursi
Bidlulhom lil Uliedhom

Fl-aħħar tas-sena li għaddiet seħħ mument straordinarju għal żewġ ommijiet li bi żball tal-infermiera tal-maternità fl-isptar, ngħataw it-tarbija tifla li ma kinitx tagħhom.
B’kumbinazzjoni, iż-żewġ ommijiet jisimhom Lyudmila u t-tnejn kellhom jagħmlu ċesarja fl-istess waqt fi sptar Russu. Wara li ħadu lit-tfal fid-djar rispettivi u sqewhom il-ħalib ta’ sidirhom għal mija u jumejn, l-ommijiet reġgħu ltaqgħu fil-klinika tal-maternità u bidlu liż-żewġt ibniet.
Finalment, Lyudmila Dubaeva (xellug) u Lyudmila Trofimova (lemin) għandhom lil veri uliedhom.
Biex itaffu ftit mill-agunija li għaddew minnha mindu saru jafu bl-iżball, iż-żewġ nisa nżammu għal ftit jiem fl-istess kamra tal-isptar, jgħinu lil xulxin bil-veru wild tagħhom u biex isiru jafu aħjar xħin kienu jraqqduhom u liema kantalieni kienu jħobbu jisimgħu.
Lyudmila Dubaeva ta’ 32 sena stqarret li ż-żwieġ tagħha kien se jitfarrak meta l-eżami tad-DNA wera li t-tarbija ma kinitx ta’ żewġha. Għalhekk hu ħaseb li kienet infidila miegħu u hedded li jiddivorzjaha.
Appena welldu b’ċesarja, fis-6 ta’ Awwissu li għadda, kemm hi kif ukoll Lyudmila Trofimova ta’ 28 sena ssuspettaw li ngħataw it-tifla ta’ xulxin – Aishat u Anna rispettivament – iżda l-awtoritajiet tal-isptar f’Naberezhnye Chelny qalulhom li żball bħal dak kien impossibbli.
Anki meta n-nisa ħallsu għall-eżamijiet tad-DNA, li kkonferma l-iżball – l-isptar baqa’ jinsisti li ma kienx hemm bdil ta’ trabi. Kellu jkun rapport lill-Pulizija minnLyudmila Trofimova li ġiegħel lit-tobba jaċċettaw li l-ommijiet kellhom raġun.
Finalment, l-isptar aċċetta wkoll l-iżball; keċċa lill-ħaddiema li kienu responsabbli għall-każ u offra l-għajnuna kollha lill-ommijiet.
Mimlija emozzjoni, Trofimova, bilqiegħda ħdejn Lyudmila l-oħra qalet li lil Dubaeva tqisha bħalha aktar minnoħtha, aktar minnxi ħadd familjari. U lil bintha saret tħobbha daqslikieku kienet tagħha.
Min-naħa tagħha Lyudmila Dubaeva qalet li kienu operati fl-istess waqt, fl-istess teatru. Uliedhom twieldu ftit minuti bogħod minnxulxin. Meta kienet tmur għall-eżami tat-tqala, kienu qalulha li t-tarbija tagħha se tkun tiżen 3,600 gramma, iżda dik li tawha kellha piż ta’ 2,800 gramma.
Wara li telqu d-dar bit-tfal, l-ommijiet baqgħu f’kuntatt u meta Dubaeva rat li t-tifla li kellha Trofimova kienet iktar kabbarija, iżjed aċċertat ruħha li kien sar żball fl-isptar.
Dan ma kienx l-ewwel każ fi sptar Russu u l-awtoritajiet dejjem saħqu li n-numru ta’ taħlit tat-trabi ma jkun magħruf qatt.
Kwantità ta’ mudelli tal-karozzi
minn Charles B. Spiteri
Albert Torney, magħruf bħala Tapper kien idur il-funzjonijiet kollha pubbliċi, l-aktar is-swali taċ-ċinematografu. Miegħu kien jieħu xkora, u joqgħod jiġbor il-fliexken u l-laned vojta tax-xorb.
Kulħadd kien jemmen li hu xi ftit eċċentriku u t-tfal kienu jinkuh u jdejquh. Aktar tard instab li l-fkiexken kien ibigħhom kollha u jbigħ ukoll parti żgħira mil-laned.
Meta miet, fl-1998, fl-eta’ 86 sena nstabet kollezzjoni enormi ta’ karozzi, magħmulin mil-laned tal-aluminju li kien jiġbor.
Dan kollu hu prova li la għandek tiġġudika ktieb mill-qoxra tiegħu u lanqas tiġġudika skultur mill-ixkora li jġorr.





Esibizzjoni ta’ Ġojjellerija
Ġojjelli milbusa min-nies irjali u leġġendi ta’ Hollywood, kienu esibiti fl-ikbar esibizzjoni li qatt organizza Cartier.

Fost l-esibiti kien hemm iċ-ċurkett tal-għerusija ta’ Grace Kelly u oġġetti kkummissjonati u milbusa mid-Dukessa ta’ Windsor. Dawn kienu għall-wiri fil-Grand Palais, f’Pariġi mill-4 ta’ Diċembru, biex tkun ċelebrata l-arti u l-istorja tal-ġojjelliera ikoniċi.
Fost id-djamanti kien hemm ukoll dawk milbusa minn Elizabeth Taylor.
Iċ-ċurkett tal-għerusija ta’ Grace Kelly hu emerald ta’ 10.47 carat, mogħti lilha mill-Prinċep Rainier ta’ Monaco. Hi tidher bih fil-film High Society.
Tad-Dukessa ta’ Windsor kien hemm il-labra tal-fjamming, disinjata minn Jeanne Toussaint, li saret mill-platinum, brillanti, djamanti, emeraldi, żafiri, u ċitrin. Id-Dukessa dehret liebsa din il-labra fl-1940. Kien hemm ukoll għall-wiri d-disinn oriġinali ta’ Toussaint li sar għal din il-labra.
Jeanne Toussaint kienet saret direttriċi tad-dipartiment tal-ġojjellerija ta’ Cartier fl-1933.
‘La Peregrina’ ta’ Elizabeth Taylor kienet rigal mogħti lilha minn Richard Burton, u li Cartier dawruha f’ġiżirana. L-attriċi tidher liebsa din il-ġiżirana li fiha perla li tmur lura għas-seklu 16, u li darba kienet tar-Reġina Mary Tudor.
Tal-attriċi Gloria Swanson kien hemm brazzuletta tal-1930, ikkummisjonata lil Cartier u magħmula mid-djamanti, platinum u rock crystal. Hi libsitha fiż-żwieġ tagħha lill-Franċiż Michael Farmer. Tidher biha fil-films Perfect Understanding u Sunset Boulevard.
Dawn kienu biss ftit mill-ħafna ġojjellerija li kien hemm għall-wiri. Fil-fatt, b’kollox kien hemm 600 oġġett.