Luca u Elise kienu mimlijin sa ruħ ommhom bil-ġugarelli. In-nanniet kienu ta’ sikwit jagħtuhom xi teddybear jixgħel u jiċċaqlaq jew xi logħba ġdida tal-playstation. Kull meta l-mamà kienet teħodhom magħha l-Belt ma kinitx tonqos milli tixtrilhom xi trumbetta tal-plastik u xi raddiena żgħira, li tant kienet taffaxxinahom iddur waħidha ma’ naqra żiffa. Dawn il-ġugarelli kienu jdumu sħaħ mill-Milied sa San Stiefnu għax malajr kienu jagħmluhom biċċiet.
Dan l-aħħar ġara li Elise u Luca kienu xebgħu dejjem l-istess ħajja. Ma setgħux jifhmu kif it-tfulija tagħhom kienet tfisser biss logħob bil-ġugarelli. Għalhekk riedu jsibu mezz ieħor kif jistgħu jilagħbu u jieħdu gost flimkien. In-nannu Ġużi ma damx wisq ma ħarġilhom b’idea brillanti. Huwa ssuġġerielhom li jagħmlu mħatra bejniethom fuq min minnhom iqum l-ewwel filgħodu. Lil Luca u lil Elise tgħidx kemm għoġobhom is-suġġeriment tan-nannu, l-aktar għax min jirbaħ l-imħatra kien se jingħata ċikkulata bħala rigal. Huma minnufih ftiehmu li jagħmlu l-imħatra tagħhom mis-Sibt filgħaxija sal-Ħadd filgħodu ħalli xħin iqumu jkun hemm il-mamà d-dar, u tkun tista’ tagħtihom iċ-ċikkulata dak il-ħin stess.
Meta wasal il-jum mistenni, u Elise u Luca kienu lesti biex jidħlu fis-sodda u jorqdu, il-mamà qabdet l-iżveljarin minn fuq il-komodina tal-kamra tagħhom, u għafsitlu l-buttuna biex idoqq fis-sebgħa u nofs tal-għada filgħodu. Qalbhom bdiet tħabbat sitta sitta bl-eċitament kbir li kellhom fuqhom. Il-mamà qratilhom storja biex jikkalmaw u jorqdu trankwilli. Ma damux ma għalqu għajn m’għajn, u l-mamà tfitilhom id-dawl, u marret fejn il-papà u ċ-ċkejken Peter.
Matul il-lejl, Elise u Luca ma stenbħux lanqas darba waħda biss, iżda kif semgħu t-tisfira rqiqa u qawwija tal-iżveljarin, qamu t-tnejn bilqiegħda f’daqqa fuq is-sodda, u għajtu b’leħen wieħed: ‘IRBAĦT’! Il-mamà u l-papà semgħuhom kollox mill-kamra l-oħra, u telqu jiġru maġenbhom. Il-mamà qaltilhom li l-imħatra kienu rebħuha t-tnejn li huma għax kienu qamu fl-istess ħin.
Imbagħad, marret fil-kċina, qabdet iċ-ċikkulata mgeżwra fil-fidda vjola, fetħitha, u qasmithielhom f’biċċtejn kbar. Luca u Elise kiluha f’nifs wieħed, u qamu jiġru mis-sodda biex iħejju ruħhom għall-quddies tad-disgħa. Dakinhar, il-mamà u l-papà ħassewhom tassew kuntenti li ħadd minn uliedhom ma kien rebaħ l-imħatra waħdu għax kieku ħoll xagħrek u ġib iż-żejt. L-imħatri għaċ-ċikkulata bejn Elise u Luca baqgħu jsiru ta’ spiss, u maż-żmien anki Peter beda jieħu gost jidħol għalihom meta kiber ftit.