Il-politika f’ħajti

Qed nifhem xi ħaġa li spiss nisma’ lil min jgħid li mhix oġġett għal widnejn it-tfal. Il-kelma babaw – hi ‘politika’. Tagħżel lil xi ħadd biex jiggverna u jmexxi ’l-pajjiż. Bħalissa hawn xi ħames partiti politiċi, li minnhom jistgħu jagħżlu dawk li se jivvutaw. Tan-Nazzjonalisti, tal-Labour, ta’ Strickland, tal-Partit Demokratiku u tal-Partit tal-Ħaddiema Nsara. L-akbar tnejn huma dawk tan-Nazzjonalisti u tal-Labour.

Il-familja tan-nanna Alice, fejn ngħix jien, hi mħallta ftit. In-nanna, iz-ziju Fred u z-ziju Dward huma man-Nazzjonalisti. Mhux għax jitkellmu bosta dwar hekk, iżda meta nistaqsihom xi ħaġa, ninduna. In-nannu Karm le. Dak kien ħaddiem tat-Tarzna u bħall-ħafna, hu Laburist. Ma jibżax juri. Tant li numru ta’ parruċċani m’għadhomx jiġu jixtru mill-ħanut tiegħu u flokhom qed nara numru ieħor ta’ nies li qabel qatt ma rajt b’għajnejja.

Waħda mara xiħa, li jsibuha bħala ‘Ta’ Bosco’, wara l-quddiesa ta’ kuljum, tgħidli li n-nannu għandu l-interdett. Min jaf x’inhu dan? Fil-kappella tal-Museum, fil-Blata l-Bajda, is-saċerdot u l-fidili qed isemmuh ukoll. Għal mistoqsija tiegħi fil-qrar, il-qassis tani t-tweġiba. In-nannu qed ibigħ gazzetta li mhux suppost ibigħha, għax qed jgħidli li tmur kontra t-tagħlim tal-Knisja. Din il-gazzetta hi maħruġa mill-Partit Laburista u jisimha Il-Ħelsien. Min ibigħha u min jaqraha, hu interdettat. Minħabba f’hekk, in-nannu, li ta’ kuljum kien imur għall-quddiesa tal-ewwel fil-knisja tat-Trinità l-Marsa, issa m’għadux imur.

Meta jien u n-nanna noħorġu mill-quddiesa, qed jinġabru ħafna nisa xjuħ magħna. Minn dawk li jieqfu ħdejn in-nanna, min iħarisli bl-ikreh u min bid-daħka. Bejniethom qed jiġbru l-flus u jibagħtuni nixtri kopji ta’ Il-Ħelsien mingħand in-nannu. Jum wara l-ieħor lin-nannu qed nixtrihomlu u nbigħhomlu kollha jien.

Uħud minn dawn in-nisa jinżlu Sqaq Miggiani u jqattgħu l-gazzetti biċċiet. Bla ma jaqrawhom. Ġieli għal dan ix-xogħol jagħtuni xi sold. In-nannu qatt ma jistaqsini għal min ikunu. Għalih, naħseb li l-aqwa hu li jbigħhom.

Il-lum l-Ewwel ta’ Mejju, Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem. Tal-Labour jagħmlu l-karrijiet bħal tal-Karnival, bil-fjuri tal-karti. L-attività, li ssir tul Triq il-Kbira, l-Ħamrun, isejħulha Battle of Flowers. Filgħodu, f’xi l-għaxra, dawn il-karrijiet jibdew jinsaqu lejn il-Blata l-Bajda. Fuq trakk armat minnhom ikun hemm Duminku Mintoff u deputati Laburisti. Ilkoll ixejru lin-nies ta’ madwarhom, li huma l-partitarji tal-Partit Laburista.

In-nannu jinsab bil-ħanut miftuħ, bin-nies deħlin u ħerġin jixtru. F’din il-festa dejjem inkun irrid immur ħdejh, biex inkun nista’ ngħinu u biex nara aħjar. Iżda n-nanna tirrabja u hi u z-zijiet iżommuni ġewwa. Xħin kollox ikun għaddej minn taħtna nitilgħu fil-gallarija u naraw kollox minn wara t-tendini tal-qasab. Bħalna, jagħmlu bosta nies oħra tat-triq.

Il-lum, bla ma rrid, ċaqlaqt ftit it-tendina. Xi ħadd minn dawk il-ħafna nies qed jilmaħni u flimkien ma’ oħrajn qed jgħajtu u jgħajruna. Fis-siegħa u l-ħin  telgħin is-soldi fl-ajru, u addio xi tliet ħġiġiet tal-gallarija. Lighter tas-sigaretti jispiċċa ġewwa wkoll. B’kollox qed ngħodd xi xelin u żewġ soldi, u lighter.

Isfel hemm it-taħbit mal-bieb. Ħadd mhu se jiftaħ għax hemm l-istanga wkoll. Il-pulizija resqin lejn il-bieb tad-dar.

Issa qed jintemm kollox. Il-pulizija qed iħabbtu bil-mod u tiftaħ iz-zija Connie. Iridu jafu x’ġara. Qaltilhom b’kulma ġara u sejrin lura. In-nannu jagħlaq il-ħanut, li hu bieb ma’ bieb mad-dar. Jidher inkurlat ħafna. Ma jridx kliem bħas-soltu u għal darba qed iħarisli bl-ikreh!

L-ispiża għall-ħġieġ tat-twieqi tal-gallarija, se jħallasha z-ziju Fred. Hi ferm ogħla minn kemm ġbart flus mill-art tal-gallarija. Darb’oħra noqgħod attent li ma nerġax inċaqlaq tendini. Hi ħej, kif jagħmlu dawn! Kemm jitlgħalhom malajr!