Sejba importanti għat-Testment il-Qadim

Charles B. Spiteri

altminn Charles B. Spiteri

Bċejjeċ żgħar tal-fuħħar, misjuba f’Iżrael modern, qed jitfgħu dawl ġdid fuq l-abitanti Bibliċi tagħha u jafu jwasslu biex kulħadd jemmen li r-renji tar-Re Salamun u r-Re David, tabilħaqq seħħew. 

L-iskrizzjoni Ophel, tas-seklu 10 qabel Kristu nstabet taħt l-art is-sena li għaddiet u għall-bidu x-xjenzjati tħassbu bil-lingwa biżarra li kien hemm imnaqqxa fuq il-fdal ta’ buqar.

Madankollu l-espert ewlieni Dr Douglas Petrovich jemmen li l-ilsien hu wieħed Ebrajk primittiv, li jfisser li l-Iżraeliti tal-qedem kienu jiktbu l-istorja eżatt, ferm qabel ma kien maħsub s’issa.

Meta oriġinarjament instabet l-iskrizzjoni, f’Diċembru tal-2012, l-esperti mill-ewwel ħasbu li kien xi forma tal-lingwa ta’ Canaan. Dawn kienu nies Bibliċi li għexu f’dik li llum hi Iżrael il-moderna. Iżda Dr Petrovich, espert fl-istudji bibliċi u l-istorja tal-Lvant qal li dan il-ħsieb ma jreġix, u li l-lingwa misterjuża, hi fil-fatt l-eqdem u l-aktar forma oriġinali tal-ilsien Ebrajk – b’mod li juri li l-Iżraeliti tal-qedem kienu f’Ġerusalemm ferm qabel ma hu maħsub.

Hu jsostni wkoll li l-kelliema Ebrajki kienu jikkontrollaw Ġerusalemm fis-seklu 10 qabel Kristu, li skont il-kronoloġija kien fi żmien David u Salamun. Kienu min kienu, kienu jiktbu bl-Ebrajk, qishom kienu s-sidien tal-post.

altJekk dak li qed jgħid Dr Petrovich hu korrett, jaf juri b’mod ċar l-eżattezza tat-Testment il-Qadim, u li l-Iżraeliti tal-qedem kienu qed jiktbu l-istorja kif kif seħħet tabilħaqq. Jirriżulta wkoll f’differenzi kbar, meta l-istejjer bibliċi nkitbu mill-ġdid mijiet ta’ snin wara. Jiġifieri li t-Testment il-Qadim hu rakkont ta’ dak kollu storiku u kif tabilħaqq ġraw l-affarijiet.

Kif mistenni, l-istqarrjiiet ta’ Dr Petrovich qed iqanqlu l-kontroversja fost il-komunità arkeoloġika.