Warrab il-ħsieb u daħlet l-imħabba

Charles B. Spiteri

Minn Charles B. Spiteri

altKienu żewġ dilettanti żgħażagħ tal-kant, membri tal-kumpanija teatrali Stardust, meta darba, wara l-kant tal-kor Va Pensiero mill-opra Nabucco ta’ Giuseppe Verdi, Ritchie, ta’ 22 sena u Connie ta’ sittax-il sena u nofs, ftiehmu li jibdew joħorġu flimkien; ħruġ li bdielhom it-triq għaż-żwieġ tagħhom. L-ewwel laqgħa tagħhom tmur lura għas-sajf tal-1953, fuq il-palk li twaqqaf proviżjonalment fl-Empire Stadium, il-Gżira; fuq il-lemin, fejn qabel kienet tibda l-Floriana side. Illum, li diġà għalqu 56 sena miżżewġin, għadhom jinku lil xulxin li kien il-Va Pensiero li ‘għamilhielhom’.

Connie, bint Mary u Paul hi l-iżgħar fil-familja ta’ 15-il-tifel u tifla li kien hemm fil-familja Schembri (fosthom oħtha Ġemma Portelli). Kienu joqogħdu fi Triq Imrabat, f’dar kbira, ħamra. Hi tirrakkonta li aċċettat mill-ewwel it-talba li għamlilha Ritchie biex jibdew ‘jinnamraw’ u dan għax kien diġà kellha grazzja miegħu sa minn meta ratu għar-rehearsals għand xi ħbieb tagħhom.

Ritchie kienu sitt aħwa fil-familja, iżda tifla mietet ta’ sentejn. Hu kien ir-raba’ wieħed. Ommu kien jisimha Dorothea u missieru Attilio. Kienu joqogħdu fi Triq il-Prinċep ta’ Wales, illum Triq Manwel Dimech, tas-Sliema.

Meta qablu li jibdew joħorġu flimkien, Connie mill-ewwel marret tgħid lil ommha, li kienet taf li bintha kellha grazzja miegħu minn qabel ma bdiet toħroġ miegħu. Ommha kellha rispett kbir lejh u għalhekk ma damx ma kien aċċettat id-dar.

Bla chaperone

Peress li ma kellhiex ħutha iżgħar minnha, Connie u Ritchie ma kinux joħorġu bix-chaperone. Madankollu, ommha kienet tesiġi li sat-8.30 p.m. ikunu d-dar. Għalhekk, kienu jaslu hemm ftit qabel u joqogħdu fil-kumpanija ta’ xuxlin taħt il-gallarija tad-dar. Iżda ommha kienet tixref fil-gallarija u ta’ spiss toqgħod tqaħqaħ.

Ritchie kien jgħid lil Connie li ommha għandha x-xerqa, iżda dak kien ikun is-sinjal li hi qed tara kulma jagħmlu. Allura, kif twarrab xi ftit, ‘jisirqu’ l-bewsa ta’ mħabbithom qabel ma Ritchie jerġa’ jirritorna lejn daru.

B’ton ċajtier, Ritchie jgħid li kienu jistgħu jlaqqmu lilhom infushom bħala ‘n-namrati tal-grada’, għax ladarba kienu jaslu hemm, kienu jitħallew xi ftit aktar mit-8.30 p.m., iparlaw u jiddiskutu r-reċtar u l-pjani tagħhom futuri.

Mary, omm Connie kienet mara ta’ dixxiplina ferm aktar minn żewġha, tant li Connie tirrakkonta li anki meta kienu żgħar, u tmur tqajjimhom għall-quddiesa ta’ kuljum, kienet titla’ bl-imgħarfa tal-injam f’idejha, biex tbeżżagħhom u jqumu bla lmenti. Kienu żminijiet oħra.

Min-naħa tiegħu, peress li Ritchie kien joqgħod qrib ix-xatt ta’ tas-Sliema, kien jattendi l-quddiesa ta’ kuljum fil-knisja tan-Nazzarenu, li fi żmien tfulitu, lanqas kienet għadha saret parroċċa. U l-valur reliġjuż tant intiseġ f’ħajtu, li għadu sal-lum ma jitlifx il-quddiesa ta’ kuljum.

Prietka tal-Milied

Fi żmien il-gwerra, meta l-familja ta’ Ritchie kienet refuġjata għal tliet snin fiż-Żurrieq, hu kien membru tal-MUSEUM. Jiftakar li dak iż-żmien, kien abbati u kienu qabbduh jagħmel il-prietka tal-Milied u ż-Żrieraq ħadu ftit għalihom billi ma kienx tifel mir-raħal. Għalhekk hu għamilha lejlet il-Milied u tifel ieħor Żurrieqi għamilha fil-Milied. Kien kitibha u għallimhielhom Mons. Professur Pietru Pawl Saydon.

altConnie żżid tgħid li waqt li hi ilha xi snin tgħin fil-Fond Missjunarju (li binha kien il-fundatur tiegħu), żewġha Ritchie ilu fil-Leġjun ta’ Marija, aktar minn 55 sena. Tiftakar li għall-ewwel li bdew jinnamraw, kien qalilha li nhar ta’ Erbgħa ma setgħux joħorġu, għax kien ikollu l-laqgħa ta’ kull ġimgħa.

Il-ħruġ ta’ Ritchie u Connie kien ikun lejn l-inħawi tad-dar ta’ Connie. Kienu jinżlu n-‘niżla tal-kirxa’ u jiġu Balluta. Passiġġata u lura. Fis-sajf, Connie ġieli ppruvat taħbi l-malja, biex imorru jgħumu, iżda ommha ma kinitx tippermettilha tgħum miegħu jekk mhux fil-preżenza tagħha. Tiftakar li fis-sajf, il-kumpanija Stardust kienet torganizza private biex imorru jgħumu, u ommha, kienet tmur magħhom bilfors..

Meta jirritornaw id-dar, kienet tgħidilha biex darb’oħra ma tgħumx daqshekk viċin tan-namrat.

Għerusija ‘mħassra’

L-għerusija ta’ Ritchie u Connie kienet ippjanata li ssir fil-31 ta’ Marzu, 1957. Kellhom kollox lest, inklużi l-mistednin u r-riċeviment, iżda kellu jitħassar kollox. Ftit jiem qabel, omm Connie kienet malament u fil-fatt mietet dakinhar stess li kellha ssir l-għerusija.

L-għada, l-1 ta’ April, wara l-funeral, Patri Harry Born, li kien se jgħarrashom, baqa’ sejjer id-dar għandhom, sab lil Connie u qalilha: “Hux jien, il-bieraħ kont se nberkilkom iċ-ċrieket tal-għerusija. Mur isa ġibhom, ħa ngħarraskom issa.” U l-għerusija saret b’Connie liebsa l-fardal fil-kċina.

Imbagħad bdiet it-tfittxija għad-dar. Dak iż-żmien Ritchie kien jaħdem ma’ skrivan li kien se jemigra għall-Awstralja. Allura staqsieh setax jikri d-dar hu minfloku biex jiżżewweġ u dak qallu li se jistaqsi lis-sid. Is-sid aċċetta u b’hekk, Ritchie u Connie ma damux wisq ifittxu fejn se jmorru joqogħdu.

Ir-rabta ċoff issir għoqda

Ladarba kellhom id-dar mikrija, hejjew għall-jum li, b’daħqa, Ritchie jirreferi għalih bħala dak li minn rabta ċoff saret għoqda. Żewwiġhom Mons Ġużeppi Mifsud, il-kuġin ta’ missier Connie u mbagħad kellhom ir-riċeviment, tas-Sliema fil-Lukanda Imperial. Jiftakru li tilqagħhom fis-sala kellhom l-orkestra ta’ Oscar Lucas, magħmula minn tmien mużiċisti.

Wara t-tieġ, li kien filgħodu, twasslu l-Lukanda Phoenicia sas-7p.m. mnejn imbagħad marru għal qamar il-għasel ta’ 22 jum, fejn żaru Ruma, Napli, Capri u postijiet oħra fl-Italja.

Ftit qabel għeluq l-ewwel sena, lil Connie u Ritchie twelditilhom it-tifla l-kbira Patricia, illum miżżewġa lil Silvio Borg u għandhom żewġt itfal; Andrew u Deborah. Warajha kellhom lil Ian, miżżewweġ lil Rita, li għandhom żewġt itfal, Matthew u Mark. U wara ħames snin, Connie kellha lit-tifel iż-żgħir Paul, li għadu ġuvni.

Mistoqsijin jgħidu x’differenza jaraw bejn it-trobbija ta’ dari u dik tal-lum, Ritchie u Connie jaqblu li din hi waħda enormi. Isostnu li llum it-tfal iridu jonfqu kulma jkollhom. La jridu jġemmgħu, la jkollhom flus il-Bank u xejn. Anzi, jekk jafu li se jdaħħlu xi flus, jippjanaw minn qabel kif se jonfquhom. Din hi problema kbira, bħalma hi problema meta jiġu biex jiżżewġu u ma jsibux fejn jikru. Iridu tabilfors jixtru dar u jagħmlu għomorhom iħallsu djun kbar. Dan l-istress fuqhom, ħafna drabi jwassal għall-kollass tal-għaqda bejn il-miżżewġin.

Id-dover tal-omm

Ritchie jżid ukoll li meta mara miżżewġa jkollha tarbija, postha jkun magħha sa ma tikber sew. Igħid li hi ħaġa tajba li llum hawn il-maternity unpaid leave, iżda sena jew sentejn m’humiex biżżejjed. L-ewwel dover ta’ omm għandu jkun lejn uliedha u mhux lejn ix-xogħol barra mid-dar. Ritchie u Connie lanqas jaqblu li t-trabi jittieħdu għand in-nanniet biex irabbuhom huma. In-nanniet rabbew lil uliedhom – il-ġenituri tal-lum — u dawn għandhom irabbu lil tagħhom.

Jirraġunaw ukoll li r-reliġjon għandha tkun mgħallma aktar fit-tfal, biex jonqsu l-problemi li għandna, fosthom ta’ dawk imsejħa unmarried mothers, li sa minn 12-il sena, diġà qed isiru ommijiet. Mhux talli naqsu l-valuri nsara, talli, min qed jiżbalja qed isib għajnuna ma taqta’ xejn b’diversi modi..

altMeta għalqu 25 sena żwieġ, Ritchie u Connie kellhom quddiesa ta’ ringrazzjament fl-istess knisja li żżewġu fiha, u wara organizzaw riċeviment għall-membri tal-familja u ħbieb f’St.Benild’s. Imbagħad, meta għalqu 50 sena miżżewġin, il-quddiesa ta’ ringrazzjament saret fil-knisja tal-Karmnu, fil-Balluta, iċċelebrata minn Patri Leonard Mahoney, li kien qaddsilhom ukoll fil-25 sena taż-żwieġ tagħhom. Binhom Ian, flimkien ma’ martu u uliedhom, daqqew u kantaw l-innijiet tul il-quddiesa. Wara kellhom ikla fil-Lukanda Le Meridien, il-Balluta.

Il-messaġġ li jagħtu lill-miżżewġin friski hu li għandhom jibżgħu għall-flus; isibu kemm jistgħu ħin biex ikunu fil-kumpanija ta’ xulxin u jwarrbu l-ħbiberiji u l-familjarità żejda, li jistgħu jwasslu għat-tifrik taż-żwieġ.