Minn dak li nsibu, ma hemm ebda rabta bejn il-figolli u t-tlugħ fis-sema ta’ Sidna Ġesù… il-festa tal-Għid.
Il-bajd tal-Għid, magħrufin ukoll bħala Paschal eggs huma dawk il-bajd imżejnin, li jingħataw bħala rigal fir-Rebbiegħa, li aktar tard intrabat magħha l-Għid. Miż-żminijiet antiki, il-bajd kien jitqies bħala simbolu tal-fertilità u t-twelid mill-ġdid.

Hi drawwa li tmur ferm lil hinn mit-tradizzjonijiet Kristjani, fejn il-qxur tal-bajd kienu jiġu dekorati. Insibu pereżempju li fuq il-qoxra tal-bajd tan-ngħam kienu jagħmlu inċiżjonijiet sa minn 60,000 sena ilu. Minnhom instabu fl-Afrika. Imbagħad kien hemm rappreżentazzjonijiet tagħhom fid-deheb u fil-fidda, li ġeneralment kienu jitqiegħdu fl-oqbra tas-Sumerjani u l-Eġizzjani tal-qedem; madwar 5,000 sena ilu.
L-Insara bdew jiddekoraw il-bajd għal din il-festa, lejn il-bidu tal-Kristjaneżmu fil-Meżopotamja. Huma kienu jiżbgħu l-qxur tal-bajd b’kulur aħmar, bħala tifkira tad-demm li Kristu xerred waqt il-kruċifissjoni. Minn dak iż-żmien, il-Knisja Kattolika adottat din id-drawwa u qieset l-istess bajd bħala simbolu tal-qawmien mill-mewt.
Fl-ewwel edizzjoni tar-Ritwal Ruman, li kienet pubblikata fl-1610, għalkemm fiha kitbiet ta’ żminijiet qabel, wieħed isib li fost it-tberik tal-ikel għall-Għid wieħed kien isib ukoll il-ħaruf, il-ħobż, l-ikel prodott ġdid u kif ukoll il-bajd.
Għalkemm it-tradizzjoni hi li tintuża żebgħa fuq il-bajd tat-tiġieġ, drawwa moderna hi li jintużaw bajd taċ-ċikkulata, inkella tal-plastik mimlijin bil-ħelu. Ħafna drabi, l-istess bajd tal-Għid kien jkun moħbi biex jinstab mit-tfal nhar l-Għid filgħodu, meta kien jingħad li jkun wassalhomlhom l-Easter Bunny… l-istess bħalma jsir bir-rigali tal-Milied, meta jwemmnuhom li ġabhomlhom Father Christmas!
Imbagħad, minn dak iż-żmien ’l hawn, almenu f’pajjiżna, bdejna naraw kull sura ta’ dik li ngħidulha ‘figolla’, magħmula mid-dqiq u aktar tard minn dqiq u intrita, f’forom ta’ ħaruf, nisa ħoxnin, fniek, ħut u karozzi, fost oħrajn. Ma fadalx festa waħda li maż-żmien ma saritx kummerċjalizzata!