Twiebet imdendla mal-irdumijiet

Charles B. Spiteri
altDawn il-katavri żgur huma eqreb lejn Alla, minn dawk midfunin taħt l-art! Iżda dan id-dfin bizarr, li kien ilu jsir għal sekli sħaħ fin-naħa t’isfel taċ-Ċina, minn dejjem ħawwad moħħ il-poplu.
 
L-oqbra, mserrħin mal-irdumijiet ta’ Gongxian, fil-provinċja Sichuan, intelqu hemm min-nies Bo, li aktarx għebu mill-eżistenza madwar 400 sena ilu.
 
Kull tebut hu magħmul minn zokk ta’ siġra waħda mħaffra, u magħluq b’għatu tal-bronż.
 
L-espert lokali Lin Chan qal li waqt li kienu qed jaħdmu fuq ir-restawr tat-twiebet imdendla, nstabu 16 oħra. Skont hu, dawn ilhom hemm aktar minn 3,000 sena u huma ta’ sinifikat storiku kbir. 
 
altEsperi oħra jemmnu li l-poplu Bo ħaseb li l-allat kienu kapaċi jilħquhom aktar malajr jekk il-mejtin ikunu maqtugħin mill-art u mistrieħa mal-irdumijiiet.
 
Il-poplu Bo kien minorità etnika li kien jgħix ’il barra mill-fruntieri tal-provinċji moderni ta’ Sichuan u Yunnan.. Huma ħolqu kultura brillanti sa minn 3,00 sena ilu. Iżda kienet x’kienet ir-raġuni: id-dendil tal-biża’ ta’ dawn it-twiebet, ħawwad il-ħsieb tal-istess nies li jgħixu fin-naħa t’isfel taċ-Ċina.
 
L-aħħar dendil ta’ twiebet sar madwar 400 sena ilu, lejn in-nofs u l-aħħar perijodi tad-Dinastija Ming (1368 – 1644), waqt li dawk tal-bidu jmorru lura sa 1,000 sena, għad-Dinastija Song (960 -1279).
 
Sal-lum, l-aktar tebut imdendel antikament, instab fl-inħawi tat-Three Gorges, u jmur lura għal 2,500 sena ; il-Perijodu tar-Rebbiegħa u l-Ħarifa (770 qabel Kristu  sa 476 wara Kristu).
 
Kif għedna, din il-kwalità ta’ difna għebet misterjożament, hekk kif għeb darba għal dejjem il-poplu Bo.