Xahrejn ilu, sewwasew f’Settembru tal-1961, reġgħu fetħu l-bibien tal-iskejjel wara l-vaganzi tas-sajf. Għall-ħames sena, fl-età ta’ għaxar snin, tiela’ fil-klassi Standard III, fl-iskola ta’ wara l-Għassa tal-Pulizija, fil-Ħamrun. Ta’ għaxar snin, l-innoċenza tibda twarrab għal avventuri brikkuni, kif se nirrakkonta.
Bħalissa, Novembru, jiġi mfakkar Jum il-Pepprina (Poppy Day) biex niftakru f’dawk il-bnedmin kollha li mietu kaġun tal-gwerra.
L-iskola ġew nies b’numru kbir ta’ bottijiet bojod magħluqin, b’xaqq fin-naħa ta’ fuq, qishom karusijiet u b’qafla min-naħa għall-oħra, biex jiddendlu mal-għonq. Fuqhom għandhom pepprina.
Is-Sur Abela, l-għalliem tagħna, qassmilna bott kull wieħed biex niġbru l-flus mingħand in-nies. Appena nilmħu lil xi ħadd, l-aktar xi raġel, niġru quddiemu u nitolbuh jagħtina xi flus. Ġeneralment, il-bott jibda jimtela bis-sitt ħabbitiet u soldi, iżda kultant qed insib min jixħetli xi tliet soldi skorfina u f’xi każ rari, sikspenz.
Din is-sena l-ajru għadu ma kagħbarniex. M’hawnx xita u fi Triq Irjali, l-Blata l-Bajda, fejn noqgħod man-nanniet; maz-zijiet ta’ ommi u maz-zija Connie, oħt ommi, għadhom jgħaddu xi stranjieri jew nies tan-Navy.
Filgħaxija iz-ziju Fred jew in-nanna Alice jinstabu bejn il-grada u l-antiporta, u jien nippassiġġa tul il-bankina tat-triq tagħna bil-bott f’idi, nitlob xi ħaġa lil kull min jgħaddi.
Fl-aħħar resqin xi stranjieri. Nersaq lejhom, nurihom il-bott u jdaħħlu idejhom fil-but. Wieħed jixħetli żewġ xelini (biċċa waħda) u l-ieħor, tmintax irbiegħi (biċċa waħda wkoll).
Qalbi trid ittir bil-ferħ. Fejn qatt issib Maltin li jixħtulek dan l-ammont ta’ flus. Il-qalb li għamluli dawn it-tnejn, ħeġġewni nkompli ‘nittallab’. Il-bott qed jimtela ġmielu.
L-iskola, waqt il-kolazzjon, li nsejħulu rikreazzjoni, nitkellmu fuq kemm qed niġbru flus. Wieħed minn sħabna, daqxejn fuq tiegħu qed jgħidilna li rnexxielu joħroġ xi flus mill-bott. L-idea ngħoġbot minn ħafna.
Il-ħsieb qed itambar f’moħħi u qed itellifli l-konċentrazzjoni tal-lezzjoni. L-aktar għal dik iż-żewġ xelini u t-tmintax irbiegħi li l-bieraħ niżlu ħelwin ħelwin fil-bott.
Lura d-dar għadni naħseb fuq kif nista’ nagħmel bħal sieħbi tal-iskola u noħroġ il-flus. Dan iżda, la nista’ nagħmlu quddiem iz-ziju Fred u lanqas quddiem in-nanna Alice. Dawn żgur ma jippermettulix nagħmel hekk.
Wara l-lezzjoni tal-Museum, il-ħsieb għal dawk iż-żewġ muniti għadu qawwi. Bil-moħbi ta’ kulħadd qtajtha x’nagħmel. Iz-ziju Fred qiegħed il-kappella tal-Museum u n-nanna mhix se titla’ fuq għalxejn, għax battikata. Għalhekk nieħu s-sikkina t-twila tal-ħobs, nitla’ fuq, u bil-kumdità kollha noħroġ munita munita sa ma nasal għat-tnejn li nixtieq.
Ħerġin bosta sittiet u soldi, iżda l-ħeġġa ma tonqosx. Fl-aħħar, iż-żewġ muniti mixtieqa, ħarġu wkoll. Warrabthom u rġajt daħħalt is-sittiet u s-soldi kollha f’posthom.
Tul il-lejl, l-istorja ta’ Pinocchio u t-tagħlim tal-Museum qed joqrosli l-kuxjenza.
L-għada, fil-bitħa tal-iskola numru ta’ subien qed ngħidu kemm irnexxielna noħorġu flus mill-bott. Ħadd ma semma żewġ xelini jew tmintax irbiegħi. B’hekk qed inħossni ħati u jekk noħodhom, irrid ngħid bihom lis-saċerdot nhar is-Sibt, meta ta’ kull ġimgħa mmur inqerr.
Filgħaxija qed noħroġ iż-żewġ muniti mill-moħba u ndaħħalhom mill-ġdid fil-bott.
Il-bieraħtlula, is-Sibt, meta mort inqerr, għedt lill-qassis bil-ħsieb li kelli. Ħsibtu se jirrabja miegħi. Minflok staqsieni kontx naf għal min ġbart il-flus. Weġibtu li għal dawk li mietu fil-gwerra. Bi tbissima qalli li kieku dawk in-nies baqgħu ħajjin huma minflok, setgħu mietu l-ġenituri tiegħi u jien ma kontx nitwieled. Żied jgħidli li meta xi ħadd jiġbor il-flus għal xi skop, għandu jagħtihom kollha, inkella l-iskop ma jintlaħaqx.
Illum, it-Tnejn, qed ngħid lil sħabi dak li għaddejt minnu. Xi wħud qablu miegħi. Oħrajn iddieħqu bija u qed jgħidu li l-flus li ħarġu se jżommuhom. Forsi dawn mhumiex rikonoxxenti bħali għat-twelid tagħhom. Jew ma jmorrux iqerru. B’żewġ xelini jew tmintax irbiegħi m’iniex se nbigħ jew inġib ħajja. U wara kollox, jien fejn inkun se nibqa’.