Ħarġa mal-Ħbieb

Meta Elise u Luca bdew jitfarfru, kien l-għors tagħhom li joħorġu mal-ħbieb. Il-mamà u l-papà kienu jaraw dan l-aġir tagħhom minn lenti pożittiva għax intebħu li, issa li ma kinux għadhom ta’ subgħajhom f’ħalqhom, iż-żewġ uliedhom riedu jibdew jaqtgħu ftit għal rashom, u jqattgħu iżjed ħin liberu ma’ min kien tamparhom. Malli għamlu l-Griżma tal-Isqof u qabdu t-triq tal-adolexxenza, Elise u Luca bdew iħabirku mhux ftit biex ilestu l-homework tal-iskola u tal-privat fost il-ġimgħa ħalli s-Sibt u l-Ħadd ikollhom ċans jiltaqgħu ma’ ħbiebhom.

Darba minnhom, Elise u Luca ftiehmu ma’ sħabhom biex, fl-aħħar Ħadd ta’ Mejju, jagħmlu picnic il-Buskett qabel jibdew l-eżamijiet. Meta waslet il-ġurnata mistennija, intasbu fil-kċina minn kmieni filgħodu u qagħdu jippreparaw l-affarijiet għall-picnic. L-ewwel dilku l-bziezen bil-butir u l-perżut, u kebbuhom f’biċċa karta strazza. Imbagħad qattgħu wkoll ftit biċċiet mill-kejk tal-frott, li kienet sajret il-mamà l-jum ta’ qabel, u poġġewhom f’landa żgħira. Wara, qiegħdu l-bziezen u l-landa f’basket kbir taċ-ċarruta, u ma nsewx iżidu magħhom flixkun luminata, żewġ tazzi tal-plastic, u sarvetta biex jimsħu jdejhom fiha.

Kif lestew mill-preparamenti, u nħaslu, u libsu, u sellmu lill-mamà u lill-papà, Luca u Elise ħaffew ’il barra biex jaqbdu tal-linja. Kienu miftehmin li jiltaqgħu ma’ ħbiebhom għat-tlieta ta’ wara nofsinhar, u ma ridux jittardjaw. B’xorti tajba, ma damux jistennew fuq l-istejġ, u b’hekk waslu l-Buskett fil-ħin.

Ftit wara, waslu wkoll l-erbat iħbieb tagħhom: Gordon, Rebecca, Ryan u Tiziana. Ilkoll kienu mgħobbijin sa ruħ ommhom bil-basktijiet, u ma damux ma ntefgħu bilqiegħda qalb il-ħaxix salvaġġ. Kienet tassew ġurnata bnazzi, kif jaf jagħmel f’Mejju, iżda dakinhar ma kienx hemm ruħ il-Buskett, u s-skiet kont taqtgħu b’sikkina. Iż-żgħażagħ intilfu jparlaw u jogħxew bid-daħk, wara li Gordon qalilhom ċajta tajba li kien sema’ mingħand sħabu tal-privat. Tiziana kienet iffissata wisq fid-diski u ma kinitx kuntenta qabel ħarġet is-CD player mill-basket tagħha u bdiet iddoqq id-diski tal-One Direction, Avicii u David Guetta. Elise u Luca qamu jiżfnu u sħabhom għamlu l-istess. Ħassuhom fil-ġenna tal-art għax stħajluhom qegħdin f’diskoteka.

L-arja safja tal-Buskett fetħitilhom l-aptit għax il-ġuħ ma damx wisq ma beda jagħmel tiegħu. Wara li kienu għejew jiżfnu, iż-żgħażagħ reġgħu qagħdu bilqiegħda fejn xulxin biex jieklu xi ħaġa milli ħadu magħhom. Tiziana riedet tpartat l-ikel tagħha ma’ dak t’Elise, u din tal-aħħar aċċettat minnufih għax ir-ross il-forn kien fost il-platti favoriti tagħha. Luca wkoll spiċċa kiel panina bit-tonn taż-żejt għax Ryan ried minflokha l-bezzun tiegħu bil-butir u l-perżut. Wara li kielu, Elise ħarġet il-landa mill-basket tagħha u tat biċċa kejk lil kulħadd. Filwaqt li Gordon mela erba’ maggijiet bil-kafè mit-termos tiegħu, u qassamhom lil ħbiebu. Dik il-biċċa kejk u dik il-belgħa kafè niżlulhom għasel, u l-kliem waqa’ bħaċ-ċirasa fuq l-artisti tal-films. Lil Elise qabdu jsemmulha lil Brad Pitt, bħas-soltu, għax ilkoll kienu jafu kemm kien jogħġobha. Biex tagħqad, Luca kixfilha sigriet meta qalilhom dwar dak il-poster kbir ta’ Brad Pitt li kellha mdendel mal-gwardarobba tal-kamra tagħha. Rebecca u Tiziana xtaqu ħafna li jarawh, u Elise wegħdithom li darb’oħra teħodhom id-dar tagħha, u turihulhom. Qaltilhom ukoll li kif ikunu hemm kien beħsiebha turihom l-iktar film riċenti ta’ Brad Pitt fuq id-DVD player tagħha, u anki tlestilhom il-popcorn ħalli joqogħdu jnaqqruh waqt li jaraw il-film bħalma jagħmlu meta jmorru ċ-ċinema.

Sakemm Elise kienet aljenata titkellem ma’ sħabha, Ryan ħadilha l-mowbajl minn maġenbha baxx baxx, u telaq jiġri bih ftit ’il bogħod, u staħba wara siġra. Ma kinitx l-ewwel darba li nibixha xi ftit. Dak il-ħin, Luca kien qiegħed jitkellem ma’ Gordon fuq il-futbol, u rah kollox minn taħt il-għajn. Telaq jiġri wara Ryan bla telf ta’ żmien biex jeħodlu l-mowbajl minn idejh qabel ma tinduna oħtu u tibda tippanikkja. Iżda bil-fixla, waqa’ u ħabat irkopptu x-xellugija ma’ ġebla mdaqqsa. Mad-daqqa, li damdmitu, Luca nfaqa’ jibki bl-uġigħ, u tgħidx x’qatgħa ħadet Elise xħin intebħet x’kien ġralu! Ryan kien pront skuża ruħu magħhom għax li ġara kien tort tiegħu. Lanqas huma ma riedu jaqilgħu argumenti miegħu għax ma xtaqux jisfrattaw il-ħbiberija tagħhom minħabba dak l-inċident, li kien kollu frott il-karattru nebbiexi tiegħu. Gordon tefa’ ftit ilma frisk mill-flixkun tiegħu fuq l-irkoppa ta’ Luca, u beda jogħrokhielu ħalli jtaffilu l-uġigħ. Imbagħad għenu jqum mill-art. Luca beda jzappap, u kellhom jgħinuh biex jimxi.

Kif beda jidlam, iż-żgħażagħ irħewlha lejn djarhom għax l-għada riedu jmorru lura l-iskola. Luca kien għadu muġugħ, u kellu jqatta’ ġimgħa sħiħa jistrieħ id-dar sakemm irkopptu għaddietlu sew, fuq ordni tat-tabib. Minn dakinhar tal-picnic ’il quddiem, Ryan beda joqgħod b’seba’ għajnejn qabel ma jiċċajta ma’ xi ħadd minn sħabu, wara dak li kien ġralu Luca minħabba fih.