Charles B. Spiteri

In-nies li jafu sew lil Madre Tereża huma l-foqra, l-għomja, il-morda u l-poplu abbandunat ta’ Kalkutta. Hi u l-Ordni tas-Sorijiet li waqqfet, bdew jipprovdulhom skejjel, djar, mediċini u fuq kollox attenzjoni.
Madre Tereża twieldet fl-Albanija u tgħammdet bħala Agnes Gonxha Bojaxhiu. Meta kienet għadha tattendi l-iskola kienet taf li riedet taħdem fost il-poplu fqir tal-Indja. Ta’ 19-il sena daħlet bħala għalliema f’kunvent f’Kalkutta, fejn saret Sister Theresa.
Għallmet għal għoxrin sena, iżda d-dispjaċir tagħha dejjem baqa’ jikber meta bdiet tara n-numru enormi ta’ nies foqra madwarha. Fl-aħħar qatgħetha li tmur tgħix u taħdem fosthom. Fetħet skola għat-tfal tas-slums u bdiet twassal ikel u mediċini lil dawk fil-bżonn.
Fetħet refuġju għall-moribondi u trabi abbandunati. Imbagħad waqqfet Ordni ġdida ta’ sorijiet, dedikati biex jgħinu lill-foqra u lill-morda.
Aħbarijiet tal-ħidma tagħha ġrew mhux biss f’Kalkutta iżda mad-dinja kollha. Madre Tereża rebħet ukoll il-Premju Nobel għall-Paċi, għall-ħidma tagħha fost il-morda u l-poplu oppress.
Għall-bidu, in-nies tal-lokal kienu suspettużi minn Madre Tereża. Ħasbu li riedet tikkonvertihom fi Nsara u talbu lill-pulizija jagħlqulha d-dar tagħha. Il-Kummissarju tal-Pulizija qabel li jagħmel dan, kemm-il darba jinstab xi ħaddieħor li jwettaq il-ħidma siewja li bdiet hi. Id-Dar baqgħet miftuħa.
Il-ħidma ta’ Madre Tereża mal-foqra kienet fl-Indja iżda l-Ordni tas-Sorijiet tagħha, il-Missjunarji tal-Karità, jaħdmu mal-foqra, mal-morda u ma’ dawk fil-bżonn, fil-pajjiżi kollha tad-dinja.