Tislif ta’ rumanz iwassalhom biex joħorġu flimkien

Charles B. Spiteri

altMinn Charles B. Spiteri

Fis-snin 50, Laurence Mizzi u Carmen Spiteri ltaqgħu fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, li b’paragun mal-lum setgħet b’xi mod titqies bħala l-Paceville ta’ dawn iż-żminijiet. Kienu jippassiġġaw, ġuvintur għalihom u xebbiet għalihom. Raw lil xulxin u Laurence inġibed lejn Carmen. Peress li t-tnejn kienu għalliema, u kien se jkollhom social fl-iskola primarja tal-Furjana, Laurence waħħalha f’rasu li jmur u jiżfen magħha, minkejja li għadu ma jafx jiżfen sal-lum. ġara li lil Carmen stedinha ħaddieħor qablu u kellu jistenna sa ma mbagħad qabad magħha hu u baqgħu jiżfnu flimkien.

Qabel is-social, għal darbtejn fuq xulxin kien bagħat jistaqsiha ma’ xi ħbieb xtaqitx tkellmu u t-tweġiba tagħha kienet id-darbtejn ‘le’. Fl-aħħar iltaqa’ ma’ ħabiba tagħhom it-tnejn, li kienet sejra għand Carmen biex tagħtiha ktieb li kienet silfitha u Laurence talabha tgħidilha tisilfu lilu. Carmen, ħasset li ma kellhiex terġa’ tgħidlu le u allura silfithulu minkejja li lanqas kien tagħha. Wara t-tislif tal-ktieb, Laurence ġie f’kuntatt dirett ma’ Carmen biex irritornalha l-ktieb, u meta staqsieha riditx toħroġ miegħu, aċċettat.

Għall-bidu kienu jiltaqgħu bil-moħbi fid-dar ta omm Laurence u wara kienu jmorru passiġġata qasira. Carmen kienet beżgħet ittarraf lil ommha bin-namrat tagħha, peress li kienet mara stretta ħafna.
Laurence hu t-tieni tifel fil-familja ta’ sebat itfal – sitt subien u tifla, waqt li Carmen hi l-kbira minn sitt aħwa.

Kellem lil missierha

Darba, Carmen ħeġġet lil Laurence imur ikellem lil missierha. Hu aċċetta bil-qalb u meta rah għaddej mit-triq, resaq fuqu u kellmu. Missierha ħares lejh u qallu “mela le, kollox sew, mhix problema”. Naturalment induna li kien ġuvni serju u bi ħsieb ġenwin.
Ladarba ommha saret taf bl-aħbar minn żewġha, Laurence beda jidħol għandhom ukoll. Il-ħruġ ta’ nhar ta’ Ħadd ma naqasx, iżda dejjem bix-chaperone, bil-għassa magħhom. Fix-xitwa kienu jmorru l-Belt f’xi ħanut tal-kafè u fis-sajf għal xi ġelat f’Wied il-Għajn. Iżda dejjem bl-għassa magħhom.
Kif jirrakkuntaw Laurence u Carmen, id-dixxiplina fl-antik kienet fl-aqwa tagħha. Jiftakru meta attendew għall-kors tat-tħejjija għaż-żwieħ, mill-Moviment ta’ Kana, għand l-Agostinjani f’Ħal Tarxien. Naturalment weħidhom – ħaġa li lil omm Carmen ma għoġbitha xejn.
Biex kollox jagħqad, fl-aħħar tal-konferenzi, Dun Charles Vella kien għażel lil Laurence biex jagħmel erba’ kelmiet għan-nom tal-koppji għarajjes, u għalhekk damu ftit aktar mis-soltu. Meta waslu d-dar, ommha tatha ħasla liema bħalha. Iżda dawn kienu affarijiet komuni, tista’ tgħid mal-għarajjes kollha.
L-għerusija ta’ Laurence u Carmen ħadet ftit snin u dan minħabba li dak iż-żmien, għalliema mara riedet taħdem għal mill-inqas sentejn, inkella teħel multa. Barra minhekk, jekk għalliema mara taħdem ħames snin, kienet tingħata l-gratuity meta tiżżewweġ u għalhekk qatgħuha li jistennew sa ma jieħdu din is-somma.
Iċ-ċrieket tal-għerusija berikhomlhom ħu Laurence – Patri Massimiljan Mizzi ofm conv., assistit minn Patri Innoċenz Delia, Kapuċċin, li kien ħabib tal-familja Spiteri. Wara t-tberik taċ-ċrieket kellhom festin familjari ċkejken fid-dar tal-ġenituri tal-għarusa.

‘Kaċċa’ ghal dar

alt

Mal-għerusija bdiet il-‘kaċċa’ għad-dar tal-koppja ġdida. Jirrakkuntaw li kien diffiċli ferm issib fejn toqgħod. Iżda bil-ħniena ta’ Alla, ħabib ta’ Laurence qallu b’appartament vojt fl-Isla. Laurence fittex lis-sid, li kien joqgħod Qui Si Sana, sabu, u dak aċċetta li jikrihulu. Dan l-appartament kien fir-raba’ sular, iżda peress li kien twaqqa’ fil-gwerra reġa’ nbena mill-ġdid u kważi kważi żanżnuh huma.
Biċ-ċavetta tal-post fejn joqogħdu f’idejhom, Laurence u Carmen taw id-data taż-żwieġ. Kienet it-22 ta’ Settembru tal-1957. Il-knisja għaċ-ċerimonja kienet il-parroċċa ta’ Kristu Re, f’Raħal Ġdid u ċ-ċelebrant reġa’ kien ħu Laurence. Ix-xhieda tat-tieġ kienu 

Lewis Portelli (illum mejjet, u li kien jaħdem ma’ Laurence fid-Dipartiment tal-Informazzjoni) u Victor Attard (mejjet ukoll).
Laurence u Lewis kienu ħbieb kbar, għax mhux biss kienu jiltaqgħu fuq ix-xogħol normali tagħhom, iżda t-tnejn kienu dilettanti tal-isport. F’dan il-qasam, Lewis ta sehem fix-xandir bir-Rediffusion u t-televiżjoni.
Wara l-quddiesa tat-tieġ, li saret filgħodu, il-miżżewġin friski kellhom riċeviment fir-Reġina Hotel, Tas-Sliema. Hemmhekk sabu tilqagħhom lill-orkestra ta’ Vinnie Vella (il-missier) li dik il-ħabta kien jaħdem ukoll mad-Dipartiment tal-Informazzjoni.
Wara r-riċeviment bdew il-qamar il-għasel billi għal-lejl marru f’lukanda Għajn Tuffieħa u l-għada siefru bl-ajruplan għal Katanja. Minn hemm għal Ruma, Venezja, Innsbruck u Vjenna fl-Awstrija.
Interessanti li fl-istess jum, iżżewġet koppja oħra minn Wied il-Għajn, Lino u Rose Debono, li mhux biss kienu ħbieb ta’ Laurence u Carmen, iżda bħalhom kellhom lill-istess patri Karmelitan, li kienu jqerru għandu u jieħdu l-pariri mingħandu. Għalhekk meta ż-żewġ koppji siefru għal qamar il-għasel, il-Patri tela’ magħhom ukoll. Iżda ladarba waslu fl-ewwel destinazzjoni, kulħadd mar għal rasu.

Tilfu r-‘rapido’

Wara madwar 20 ġurnata barra, lil Laurence qabditu l-influwenza u xtaqu jiġu lura malajr. Għalhekk, l-aħħar vjaġġ bil-ferrovija riedu jagħmluh bir-rapido u ħallas aktar għalih. Iżda bi żball qabdu ferrovija b’oħra u ħadu l-qatgħa ta’ ħajjithom, għax beżgħu li se jitilfu l-ajruplan għal Malta. Dak iż-żmien, l-ajruplan minn Katanja għal Malta kien jagħmel it-titjira tiegħu kull tlett ijiem.
Għalhekk, xħin waslu fl-istazzjon tal-ferrovija, Laurence sab tassist u qallu jwassalhom l-ajruport fl-inqas ħin. Dan mhux saq bihom, iżda tar. Meta mbagħad Laurence ġie biex iħallsu, sab li ma kellux flus Taljani biżżejjed, u t-taraġ tal-ajruplan telgħuh imbuttati b’kantaliena ta’ kliem ‘aktarx mhux xieraq’ bl-Isqalli. Fl-ajruplan sabu lill-passiġġieri kollha marbutin biċ-ċinturin. Kienu qed jistennew lilhom u kienu diġà sejħulhom xi darbtejn. Il-Bambin reġa’ daħal għalihom.
Lura Malta, Laurence u Carmen bdew jaħsbu għall-familja u wara sena u xahrejn, fl-Isla, twelditilhom l-ewwel tarbija tifel – Alex, illum direttur tal-HSBC, li hu miżżewweġ lil Marlene u għandhom tifla jisimha Carole.
Tliet snin u nofs wara, il-koppja Mizzi saret taf b’dar li tbattlet f’Raħal Ġdid, irsistiet kemm felħet u spiċċat marret toqgħod fiha. Aktar tard, fl-istess lokalità Laurence u Carmen xtraw biċċa art u bnew darhom. Ftit wara twelditilhom it-tifla – Joanna, li hi direttriċi fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Hi miżżewġa lil Noel Genovese u għandhom żewġt itfal: Jamie u Colleen. B’hekk, Laurence u Carmen huma nanniet ta’ tlieta.

Imġiegħel jitlaq mix-xogħol

altLaurence għandu kliem ta’ tifħir għal martu għax kellha ssofri miegħu d-diffikultajiet kollha li għaddew minnhom tul ħajjithom miżżewġa. Isemmi s-seba’ xhur sospiż fl-1977 għax kien obda direttiva tal-Unjon; il-MGCU (illum UĦM). Iżda l-agħar esperjenza li kellu, kienet li kien imġiegħel jitlaq għaxar snin qabel it-tmiem tal-impjieg tiegħu minn mal-Gvern, fl-1983.
Fl-1986, wara li l-Awtorità tax-Xandir twaqqfet mill-ġdid, Laurence inħatar membru tagħha u tliet snin wara ngħata l-kariga ta’ Chairman fejn dam erba’ snin. Dawk kienu l-aktar snin ibsin għall-Awtorità. Fl-ewwel snin għax kienet ġejja l-elezzjoni u kulħadd kien taħt pressjoni qawwija u mbagħad, meta laħaq Chairman, daħal il-pluraliżmu fix-xandir. Kien hu li f’isem l-Awtorità ħareġ il-liċenzji lill-istazzjonijiet Radio 101, Super One Radio u lill-RTK.
Illum il-ġurnata, minn fuq Laurence u Carmen għaddew 50 sena ta’ żwieġ. Ħamsin sena bis-sabiħ u l-ikreh tagħhom, iżda kif wiegħdu dakinhar li ngħaqdu bħala koppja, kienu lesti għalihom u ħaduhom b’sabar li saħħaħhom u wettaqhom aktar f’imħabbithom. Għal dan kollu kemm Laurence kif ukoll Carmen, jirringrazzjaw lil Alla, li żamm idejh fuqhom u seddaqhom bil-barkiet, lill-ġenituri tagħhom u lil dawk kollha li b’għemilhom tawhom il-formazzjoni Nisranija.
Għall-56 sena anniversarju kellhom quddiesa għand il-Klarissi, San Ġiljan, fejn qaddsilhom Patri Victor Spiteri, ħu Carmen, peress li Patri Massimiljan, kien indispost. Wara, flimkien mal-familjari marru f’lukanda u kellhom pranzu.

Il-valuri morali

Mitlubin jagħtu l-fehma tagħhom fuq il-valuri morali tal-antik, il-koppja Mizzi qalet li dak iż-żmien tant kienu qawwija, li jmorru fejn imorru qatt ma abbużaw. Jemmnu li l-valuri ħadu daqqa ta’ ħarta bit-teleserials Amerikani fuq it-televiżjoni, fejn jippruvaw juru li xejn m’hu xejn. Kienu huma li daħħlu l-libertinaġġ. Imbagħad ġie kollox ma’ kollox. U fejn dari konna nidħlu d-dar fid-disgħa, iż-żgħażagħ tal-lum ikunu għadhom lanqas biss ħarġu.
Semmew ukoll il-valur tal-onestà, fejn dari, jekk issib xi flus jew affarijiet oħra, kont tmur dritt tagħtihom lill-kappillan.
Għall-mistoqsija fuq x’jaħsbu għall-ħafna żwiġijiet qed jaslu għal separazzjoni, Laurence u Carmen jemmnu li dan kollu hu riżultat tan-nuqqas tal-valuri Nsara. Fi żmienhom, il-Kmandamenti kellhom il-valur tagħhom. Valur li ma jinbidilx. Illum, minn stħarriġ li sar fost l-istudenti universitarji, numru kbir minnhom qalu li ma jsibu xejn Ħażin is-sess qabel iż-żwieġ. Fi żmienhom, din l-affari lanqas kienet tgħaddi minn rashom.
Laurence qal li kull żwieġ ikollu l-problemi għax raġel u mara mhumiex identiċi, lanqas fil-fehma, iżda koppja għandha tilħaq il-kompromessi u tfittex il-komprensjoni, mhux tieħu r-raġun parzjali u egoistiku.
Carmen hi tal-fehma li fin-nuqqas ta’ qbil, koppja għandha tirrikorri għall-pariri, speċjalment ta’ saċerdot, għax meta sija r-raġel kif ukoll il-mara, jiftħu qalbhom ma’ konfessur, diġa’ jkunu qed itaffu mill-istress li jkunu għaddejjin minnha. Il-verità hi li llum, ftit huma ż-żgħażagħ li jemmnu f’din it-terapija.
Interessanti wkoll li dari, rari kont tisma’ b’separazzjoni jew b’xi xbejba b’tarbija barra ż-żwieġ. Fl-antik, f’Raħal Ġdid kollu jiftakru b’persuna waħda biss li kien se jkollha tarbija hekk. U kulħadd ilissen il-kelma ‘miskina’. Jiftakru wkoll li biex dawn in-nisa jwelldu, kienu jintbagħtu Għawdex. Illum il-ġurnata, f’pajjiżna, terz tat-trabi qed jitwieldu barra ż-żwieġ. U dawn l-affarijiet saru qishom m’huma xejn, għax il-valuri ttappnu.

Sess qabel iż-żwieġ

Laurence jirraġuna li s-sess qabel iż-żwieġ hu ħażin mhux għax ma jridux Alla, iżda Alla ma jridux għax hu ħażin. L-istess id-divorzju. Hu ħażin mhux għax ma jridux Alla, iżda Alla ma jridux għax hu ħażin fih innifsu. Jaf kif ikisser is-soċjetà kullimkien.
Fl-Amerika hemm aktar min-nofs iż-żwiġijiet li jispiċċaw f’divorzju, u hemm min jiżżewweġ tlieta u erba’ darbiet.
Bħala messaġġ lill-koppji żgħażagħ, Laurence u Carmen huma tal-fehma li dawn għandhom jirrispettaw u jħobbu tabilħaqq lil xulxin, iwarrbu l-egoiżmu, li hu l-għadu taż-żwieġ. Apparti dan jisħqu li l-valuri Nsara huma l-garanzija tal-kuntentizza. Ħadd m’għandu jħares lejn dawn il-valuri bħala jasar, iżda bħala sinjal ta’ gwida għal ħajja hienja.

‘True Love Waits’

Semmew ukoll li ftit snin ilu, fl-Amerika, grupp ta’ żgħażagħ reġgħu bdew jirrestawraw il-valuri. Semmew il-grupp tagħhom: True Love Waits. Jintrabtu li ma jagħmlux sess qabel iż-żwieġ. U fih hemm eluf ta’ membri żgħażagħ li kapaċi jagħmlu wegħda.
Carmen iżżid tgħid li meta koppja taqa’ fis-sess qabel iż-żwieġ, iż-żwieġ bħala Sagrament ma jibqagħlu xejn x’joffri. Terġa’ llum, il-materjaliżmu għolla ferm rasu u ż-żgħażagħ qed jippruvaw jagħmlu affarijiet li ma jifilħux għalihom. Dan qed iwassal biex koppja miżżewġa friska jintefgħu għal xogħol wara ieħor bla ma jiltaqgħu u ma jdumux ma jfeġġu quddiemhom bosta problemi li jheżżulhom iż-żwieġ tagħhom.