Ma jgħajjatx lili!

Joseph Henry Abela, Qassis

altIl-Malti sabiħ: ġmiel ta’ kobor, seħer ta’ gost, ġenn tal-ħsieb. Meta ħaġa, bini, kotba, għamara, ilbies, ġieħ ma jkunx tiegħek il-kliem hu ‘Ma jgħajjatx lili’

Ġieli fuq il-pultruna fil-frisk taħseb fuq dak li tara madwarek u tintebaħ li dik ta’ quddiemek iselliftha u baqgħet għandek; għodda, ktieb, drapp, gaġġa u wkoll flus li jmissu lil ħaddieħor qegħdin għandek.

Kemm toqmos jekk xi ħadd ikollu jagħtik xi ħaġa u tibqa’ mingħajrha. Dak li mhux tiegħek toħdux u n-nuqqas ta’ sew iġib il-qilla u l-qerda.

Ħares lejn l-istorja tad-dinja, ħakkiema ta’ artijiet jidħlu bis-saħħa f’artijiet mhux tagħhom, jaħkmu bil-ħruxija. Fil-qalb tal-bniedem maħkum tibqa’ r-rieda li jeħles mill-ħakkiem. Tibqa’ dejjem dik it-taqbida u ċ-ċaqlembuta daqqa titla’ u daqqa tinżel u jiġri d-demm, l-ebusija u l-ħruxija. Ħaddieħor għandu jedd daqsek li jgħix fil-hena u jekk tipprova ċċekknu jew twarrbu taf tmur minn taħt int.

Fl-ambjent tiegħek imxi sew “Min jixtieq id-deni lil ġaru, jiġi f’daru”.