Rigal mhux Mistenni għal Jum il-Missier

Charmaine Tanti M.A.
altGħalkemm il-mamà u l-papà ma kinux anzjani, iż-żmien beda għaddej ġmielu minn fuqhom. Kienu ilhom miżżewġin ftit mhux ħażin, u wara t-twelid ta’ Elise u Luca, huma ntefgħu jaħdmu bis-sħiħ biex jagħtuhom trobbija xierqa, u ma jkun jonqoshom xejn.
Kollox kien miexi ħarir, sakemm il-mamà nbidlet mil-lejl għal nhar. Filli kienet tmur għax-xogħol kuljum, u filli bdiet tibqa’ d-dar, tistrieħ fuq is-sufan, u tara t-televixin jew taqra ktieb. Is-soltu mhux biss kienet tlaħħaq mal-karriera tagħha, iżda anki mal-faċendi tad-dar. Issa bilkemm kienet għadha tmiss biċċa tal-art b’idha. Lil Luca u lil Elise bdiet ta’ spiss tibgħathom jilagħbu f’kamrithom għax ma kinitx tiflaħhom jagħmlu l-istorbju fil-kċina. Meta l-papà kien idoqq xi ftit diski Taljani fi tmiem il-ġimgħa, il-mamà kienet tmur tistrieħ minflok ma tiċċaqlaq mar-ritmu u tkanta l-lirika, bħal qabel.
Din l-imġiba stramba tal-mamà ma waqfitx hawn. Meta qorob Jum il-Missier, hija ma wriet ebda entużjażmu, bħas-snin l-oħra. Elise u Luca baqgħu skantati kif ma kienet ħadithom imkien biex jixtru rigal u kartolina lill-papà. Huma bdew jinkwetaw, u jitnikktu għax ħasbu li kien ġralha xi ħaġa lill-mamà, u ma kienet uriethom b’xejn. Jekk lill-papà ma setgħux jagħtuh rigal għax kienu għadhom żgħar wisq biex imorru jixtru waħidhom, huma kienu jafu jagħmlulu kartolina sempliċi! Lejlet Jum il-Missier, Elise qasqset ftit karti bojod, u waħħlithom flimkien bil-kolla. Luca sab stampa sabiħa ta’ plejer tal-futbol mill-magazine, u waħħalha fuq in-naħa ta’ quddiem tal-kartolina. Imbagħad, Elise kitbitlu fuq in-naħa ta’ wara b’ittri kbar: ‘INĦOBBUK, PAPÀ!’
L-għada filgħodu wara l-quddies, il-familja kollha nġabret madwar il-mejda tal-ikel. Il-papà ferra’ t-te lil kulħadd, u ħareġ platt fond mill-armarju, u mlieh bil-gallettini taċ-ċikkulata. Elise marret tiġri f’kamritha, u ġabet il-kartolina. Marret tagħtiha lill-papà, u hu tgħidx kemm ħa gost biha. Il-mamà bdiet titbissem. Issa kien wasal il-waqt li tiżvela s-sorpriża, li kienet ilha taħmi għal dawn l-aħħar ġimgħat.
Il-papà ma  riedx jemmen lil widnejh meta ħa l-aħbar, li se jerġa’ jsir missier. Dan kien l-aqwa rigal, li seta’ jaqla’ dakinhar, propju fil-ġurnata ddedikata lilu. Il-Bambin kien reġa’ ftakar fihom u kien se jagħtihom ġawhra oħra. Elise u Luca mhux biss ferħu li kien se jkollhom żieda fil-familja, iżda ħassewhom li qegħdin jerfgħu biċċa mir-responsabbilita` wkoll. Ma kinux jaraw is-siegħa u l-mument li jaraw lit-tarbija l-ġdida fid-dar tagħhom, u tgħidx kemm ħadu gost iduru l-ħwienet mal-mamà u l-papà biex jixtrulha l-ħwejjeġ u l-ġugarelli.  Ftit tax-xhur wara, twieled Peter, ġmiel ta’ tifel, kemmxejn samrani, u b’għajnejh kbar, żoroq. Malli rawh, Elise u Luca stħajluh pupu tal-laħam, u ma kinux jiċċaqalqu minn ħdejh ħlief biex imorru l-iskola. Il-mamà u l-papà raddew ħajr lill-Mulej talli kompla jżejnilhom ħajjithom b’dan it-teżor. Il-papà kien ferħan id-doppju li kien twelidlu tifel għax kien diġà deċiż li jibda jibagħtu jittrenja l-futbol ma’ ħuh Luca la jitfarfar ftit. Miskina l-mamà! Aktar ma kien idejjaqha l-futbol, aktar kienet se tibqa’ mwikkija bih.