Hena

Joseph Henry Abela, Qassis

Aktarx titbissem u tlissen f’qalbek li hawn min baqa’ joħlom, hekk kif tinstema’ l-kelma u jitfisser il-ħsieb li bniedem jista’ jġarrab il-milja tal-qalb.

Jista’ jkun li fiż-żgħorija jkollna għax moħħna jtir bla lgiem, u fiż-żgħożija nduquha għax qalbna timraħ. Iżda meta nidħlu fż-żmien u naraw li dak li għażilna sar suf, allura naqtgħu qalbna nintefgħu ġo toqba tal-moħħ u nitmermru hemm.

Fil-fatt dan m’għandux ikun hekk. Jekk minn kelma ta’ ħaddieħor, jew imġiba, jew għemil ħażin, aħna nisiltu ħsieb, malajr ix-xejra mdejqa u kiebja tagħna titmermer u flokha titlissen ħlewwa u ferħ, sliem u faraġ.

Timxi bl-arloġġ? Tagħmel kollox fil-ħin? U bil-ħin? Ukoll uġigħ f’qalbek jiġik fil-ħin u jaf iħallik taħtu; agħżel jum fejn tista’ tkun merħi, sib siegħa li tqattagħha fil-ġnien, aqbad ktejjeb minn ġo librerija jew jekk moħħok jagħtik, ixtri wieħed!

Tintebaħ kemm kont qed tgħix fir-rassa ta’ moħħok, fil-gaġġa ta’ lsien in-nies, fis-sikkatura li trid iġġib ruħek skont ma’ taħseb li hu l-aħjar.
John Milton, kittieb, għandu dan l-għajdut; ‘Il-moħħ f’sikktu jista’ l-infern iġibu ġenna, u l-ġenna jġibha nfern.’

Qatt ħsibt f’dan? Ieqaf kemm kemm, ixrob tazza ilma kiesħa bil-mod, ħu n-nifs u tħossok qed tgħix, u ħares madwarek u għożż dak li qed tara. Bil-mod tibda ssoff dak li ħaddieħor ilu jsoff u kien barrani għalik: il-ferħ.

Jekk dil-kitba tħallik fejn kont, sinjal li l-kisja madwar qalbek hi ħoxna; jekk le, sibt il-mogħdija għall-ġnien ġewwien.