Jien u z-ziju Willie

Appena jdoqqu l-4.30 p.m. jasal mix-xogħol iz-ziju Willie. L-ewwel ma tkun tistennieh hi ‘Funny’il-kelba taz-ziju Dward. Appena f’dak il-ħin dejjem tisma’l-istess marċmilitari fuq ir-Rediffusion; magħrufa bħala r-Rediffusion March, tibda tferfer denbha u tmur dritt quddiem l-antiporta.

Iz-ziju Willie għandu uniformi. Jaħdem mar-Royal Electrical & Mechanical Engineers (REME). Filgħodu joħroġkmieni iżda ma jdumx ma jiġi d-dar. Jasal ftit wara li nispiċċa jien mill-iskola.

Iz-ziju Willie minn dejjem kien kapaċi jagħmel dak kollu li jara. Mill-bitħa saqqaf parti u għamel workshop. Fih hemm ħafna partijiet ta’karozza. Steering, sparking plugs, swiċċijiet, fanali bix-xibka quddiem, ċineg u wkoll ħames roti kbar.

 

In-nanna Alice u z-zija Connie jgħidu li darba z-ziju Willie għaqqad karozza f’din il-kamra. Għamilha taħdem iżda ma setgħetx toħroġfit-triq, għax il-bibien tal-kmamar huma iżgħar minnha. Iżda għamilha biex jara jirnexxilux iħaddimha. U rnexxielu.

Ix-xogħol tal-injam hu l-aktar li jħobb jagħmel. Minn kemm in-nannu ilu bil-ħanut, iz-ziju Willie qed jagħmel ġugarelli tal-injam il-ġmiel tagħhom. Jagħmel forom ta’tfal jew ta’annimali mill-plywood, li jaqtagħhom bl-arkett, imbagħad, separatament, jagħmel is-saqajn, li jwaħħalhom u jirribattihom b’wajer tal-inxir mal-aljetta; jorbothom fuq pjattaforma  tal-injam li jaħdmilha r-roti fuq it-torn u meta torbotha bi spaga u tmexxiha il-forma jew forom jibdew jiċċaqilqu. Dawn jiġu ferm isbaħwara li jiżbogħhom b’żebgħa taż-żejt. Lili dejjem jagħtini wieħed li jkun jogħġobni.

Il-lum se jagħmel xi ħaġa differenti. Iridni ngħinu. Fit-terrazzin tellajna l-primus, patalott taż-żebgħa u gradjol (qisu kaldarun) itqal minni. Fil-gradjol qed idewweb iċ-ċomb.

Jien qed innaddaflu żewġnofsijiet ta’forom tas-suldati. Hu jorbothom flimkien bil-clips.  Xħin idub iċ-ċomb, iridni nersaq minn maġenbu. Itella’ċ-ċomb bil-kuċċarun li għandu speċi ta’żennuna, u jferra’minn ġenb li qiegħed apposta f’tarf tal-forom. It-tużżana forom li għandu, fosthom ta’annimali, siġar, suldati u footballers, nimlewhom kollha. Meta l-forom jiksħu u jaqlagħhom minn ma’xulxin joħorġu l-mudelli jleqqu taċ-ċomb.

Bħalma jagħmel bil-ġugarelli tal-injam, iz-ziju Willie joqgħod jiżbogħil-mudelli bi pniezel irqaq. Jaf jagħmel ukoll kaxxi tal-kartun li jiksihom b’karti kkuluriti biex jiġbdu l-għajn. It-tfal iħobbuhom wisq dawn is-suldati u jixtruhom. M’hawn ebda kwalitàoħra mnejn jagħżlu. Suldati kollha xorta għajr għall-kuluri li jagħmlilhom iz-ziju Willie.

Żmien ilu għamel kastell kbir ħafna, xi tliet piedi kwadru. Miżbugħisfar bil-fili tal-ġebel suwed. Ilu ħafna merfugħfuq gwardarobba f’kamra tas-sodda. Naħseb li jew jiswa ħafna flus jew ħadd ma għandu fejn jagħmlu. Tgħidx kemm ili nitlobhulu. Qatt ma jgħidli le. Dejjem “mhux għalissa”.

Iz-ziju Fred jirrakkuntali li meta z-ziju Willie kien żgħir u jara xi ħaġa togħġbu kien jistaqsi “Dik x’inhi, dik għalfejn, dik tihieli”. Illum qed nagħmel bħalu. Flok nitolbu l-kastell, nilgħabha tal-ibleh u nistaqsih dak x’kien, dak x’inhu u biex jagħtihuli. Aktarx li dak il-ħin jew ftakar f’li kien jgħid hu, jew qallu xi ħaġa z-ziju Fred: niżżel il-kastell mnejn kien u tahuli. Kemm iħobbni z-ziju Willie. Issa l-istejjer li nivvinta tas-suldati jkunu ferm isbaħ. Meta d-dar għand in-nanna jiġi xi wieħed jew aktar minn ħuti, nagħmlu ors nilagħbu bis-suldati f’dan il-kastell. Min idaħħalhom f’kamra, min joħroġhom minn oħra taparsi se jagħmlu d-drill u mbagħad naqblu li għandna noħorġuhom għall-ġlied. Il-ħmerija hi li mill-istess ġlied tas-suldati, nispċċaw niġġieldu bejnietna, għax ħadd ma jkun irid li s-suldati tiegħu joħorġu telliefa.

Minħabba f’hekk, u biex ma mmorrux inkissru l-kastell taz-ziju Willie, dan jitteħdilna min-nofs u jerġa’jsib ruħu fil-għoli fejn ma nilħquhx. Hu kastell il-ġmiel tiegħu li jħaddimli l-immaġinazzjoni biex dejjem ninseġstejjer differenti għas-suldati tiegħi.

Awtur: Charles B. Spiteri