
Dan kollu minħabba konġura li faqqset segretament fil-palazz tagħha biex jippruvaw iwaqqfuha milli ssir reġina, fis-snin qabel il-mewt ta’ missierha, Ġorġ VI. Fil-qalba ta’ din il-konġura sensazzjonali kien hemm zijuha, dak li kien se jkun ir-Re Dwardu VIII, u li abdika fl-1936. Il-pjan kien wieħed sempliċi. Id-Duka ta’ Windsor, kif beda jissejjaħ meta abdika mit-tron, kellu jmur lura l-Ingilterra biex isir Re –bl-iskuża li n-neputija tiegħu (li kienet fl-għoxrinijiet tagħha) kienet ċkejkna wisq biex tirrenja. U ladarba jikseb it-tron mill-ġdid, kien ikun diffiċli li jerġgħu jwarrbuh minn postu.
Inħarsu lejn din il-konġura llum, jaf ma naqblux magħha – iżda setgħet ħadmet.


Id-Dar ta’ Windsor ma kienet popolari xejn. Ir-Re, imfarrak minn snin ta’ gwerra, qatt ma ta kas ta’ saħħtu, u skont Winston Churchill, kien ‘miexi id f’id mal-mewt’.
Lord Moran, it-tabib ta’ Churchill innifsu, fl-1949 kien tal-fehma li: ‘Anki jekk ir-re jfiq, qajla jkun jista’ jgħix aktar minn sena’.
Ma’ mewtu kellha tieħu postu bintu Eliżabetta, xbejba ċkejkna, li tqieset bħala vulnerabbli għal Philip, li permezz tiegħu saret Mountbatten. Ħafna kienu tal-fehma wkoll, li hekk kif Eliżabetta tiżżewweġ lil Philip, il-prinċipessa ssir Reġina u ‘Dickie’ Mountbatten jippjana biex neputih jilħaq Re, jew jingħata t-titlu aktar prestiġjuż minn prinċep – bħala King Consort.
Iz-ziju ta’ Philip deher aktar milli ferħan għall-fatt li l-Familja Rjali Ingliża, magħrufa bħala d-Dar ta’ Windsor sa mill-1917, kellha tibda tissejjaħ id-Dar ta’ Mountabtten appena neputih jiżżewweġ lil Eliżabetta.
Kien hemm bosta li opponew għal dan u nies għolja mill-palazz, ħadmu favur id-Duka ta’ Windsor u ħajruh jerġa’ lura fl-Ingilterra biex ikun fil-quċċata tas-siġra.
Jidher li dan l-inkuraġġiment għoġob lid-Duka li beda jdur fuq il-Ministri u n-nies tal-Palazz u jwegħidhom xogħlijiet mill-aqwa. Hu u n-nies tal-konġura tiegħu riedu jwarrbu lil Eliżabetta, li wara kollox kellha d-dritt tiret it-tron mingħand missierha.

X’seta’ waqquf mill-konġura mħejjija għall-kisba tat-Tron? Tilef is-sabar? Jew laħaq ħabb New York, Palm Beach u l-Cote d’Azur?
Hi x’inhi r-raġuni, il-Prinċep għamel żjara qasira f’Londra – it-temp Ingliż ma għoġbux u reġa’ telaq. Kieku rnexxielu jikseb it-Tron hu, żgur li r-Reġina Eliżabetta II ma kinitx tiċċelebra s-60 anniversarju tal-Koronazzjoni tagħha fil-bidu ta’ Ġunju.