Il-Palazz ta’ Westminster u ġrajjietu

Charles B. Spiteri
BDL Books - Binjiet Meastużi

Il-Palazz ta’ Westminster, magħruf ukoll bħala l-bini tal-Parlament Ingliż, hu kumpless ta’ bini fil-Gran Britannja. Il-palazz jinsab fix-xatt tan-naħa tat-tramuntana tax-Xmara Thames, fil-belt ta’ Westminster, qrib il-bini governattiv ta’ Whitehall.

Il-palazz fih madwar 1,100 kamra, 100 sular ta’ taraġ u tliet mili (5km) ta’ kurituri. Il-bini hu mifrux fuq erba’ sulari

Għalkemm il-bini jmur lura għas-seklu 19, l-elementi li fadal mill-bini storiku oriġinali jinkludu s-Sala Westminster — li llum tintuża għal ġrajjiet ċerimonjali pubbliċi bħal meta jmut xi ħadd kbir – u t-Torri tal-Ġojjelli.

BDL Books - Binjiet Meastużi

Il-kontroll tal-Palazz ta’ Westminster u l-art mad-dawra tiegħu, għal sekli sħaħ kien immexxi u kien taħt il-ħarsien tal-Lord Great Chamberlain, rappreżentant tar-Reġina. Bi ftehim li sar mar-Reġina fl-1965, kien sar qbil li l-House of Lords u l-House of Commons, jieħdu ħsieb il-kmamar tagħhom rispettivament.

Residenza uffiċjali tal-monarka

Westminster baqa’ r-residenza uffiċjali tal-monarka f’Londra, sa ma fl-1512 nar ħakem lill-palazz u qered parti minnu. Fl-1530, ir-Re Enriku VIII kiseb il-Palazz ta’ York, li semmieh Whitehall, u użah bħala r-residenza prinċipali tiegħu. Madankollu, uffiċjalment, Westminster għadu palazz irjali, għalkemm beda jintuża bħala l-bini taż-żewġ Parlamenti u Qorti.

BDL Books - Binjiet Meastużi

Peress li oriġinarjament kien residenza irjali, il-Palazz ma kellux swali ideali biex jintuża bħala Parlament. Għalhekk, iċ-ċerimonji statali importanti kienu jsiru fil-Painted Chamber. Għall-bidu, il-House of Lords kienet tiltaqa’ fis-Sala tar-Reġina, sala medjevali modesta. Aktar tard, l-Upper House kienet tiltaqa’ fis-Sala l-Bajda, li qabel kienet tilqa’ fiha lill-Court of Requests.

Wara nar li reġa’ qabad fl-1834, il-Parlament, li fih hemm il-House of Lords u l-House of Commons ħa 30 sena biex inbena. Il-perit inkarigat mix-xogħol kien Sir Charles Barry flimkien mal-assistant tiegħu Augustus Welby Pugin. Id-disinn inkorpora lis-Sala ta’ Westminster u l-fdal tal-kappella San Stiefnu.

Importanza strateġika

BDL Books - Binjiet Meastużi

Il-Palazz ta’ Westminster kellu importanza strateġika fil-Medju Evu, minħabba l-post fejn kien mibni. Dak iż-żmien il-post kien magħruf bħala Thorney Island u l-palazz aktarx kien l-ewwel residenza rjali ta’ Canute the Great (li rrenja bejn l-1016 u l-1035). St Edward the Confessor, dak li kien ta’ qabel l-aħħar monarka Sassonu tal-Ingilterra, bena palazz irjali fuq Thorney Island, fin-naħa tal-Punent tal-Belt ta’ Londra, fl-istess żmien li nbena Westminster Abbey (1045 -1050).

Wara l-konkwista Normanna tal-1066, ir-Re William I mar jgħix fit-Torri ta’ Londra, iżda wara reġa’ mar Westminster. Illum, la l-bini użat mis-Sassoni u lanqas dak użat minn William I m’għadu jeżisti kompletament. L-eqdem parti li għadha intatta mill-Palazz hi s-Sala Westminster, u tmur lura għar-renju tar-Re William II, is-suċċessur ta’ William I.

BDL Books - Binjiet Meastużi

Ċaqliq tal-Kunsill Irjali

Il-Kunsill Irjali, li hu l-predeċessur tal-Parlament, iltaqa’ fis-Sala ta’ Westminster fl-1295, għalkemm iċċaqlaq kull darba, kulfejn mar ir-Re.

It-Torri tal-Ġojjelli nbena għall-ħabta tal-1365 biex fih jinżammu t-teżori ta’ Edward III.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Palazz ta’ Westminster intlaqat erbatax-il darba mill-bombi. L-agħar attakk kien fl-10 ta’ Mejju, 1941, meta nqerdet is-Sala tal-Komun u nqatlu tlieta min-nies.

Għal kemm-il darba, it-tinġis għamel tiegħu fuq il-ġebel tal-Palazz minn barra u l-aħħar programm ta’ restawr fuqu sar bejn l-1981 u l-1994. Issa l-awtoritajiet qed jaraw li r-restawr isir minn żmien għall-ieħor u għaddej proġett fuq il-ġebel tal-btieħi fuq ġewwa, li għandu jitlesta sal-2010.

Il-Palazz ta’ Westminster kif għamlu Barry, fih bosta torrijiet. L-itwal wieħed hu għoli 98.5 metru (323 pied). Dan hu t-Torri Victoria, torri kwadru, fin-naħa tal-Lbiċ tal-Palazz. Issemma għar-Reġina renjanti ta’ dak iż-żmien. Illum, dan it-torri jservi bħala l-Arkivju tal-Parlament. Fil-parti ta’ isfel ta’ dan it-torri hemm l-entratura rjali għall-palazz, użata mir-renjant kulmeta jidħol fil-Palazz ta’ Westminster għall-ftuħ statali tal-Parlament jew għal kull ċerimonja uffiċjali oħra.

BDL Books - Binjiet Meastużi

It-Torri tal-Arloġġ

Fuq in-naħa tal-Grigal tal-Palazz, hemm imbagħad l-aktar torri famuż – it-Torri tal-Arloġġ, jew kif inhu magħruf il-Big Ben. It-Torri tal-Arloġġ hu twil 96.3 metru (316 pied). Fih hemm l-arloġġ b’erba’ faċċati, li kien disinjat minn Pugin innifsu u ħames qniepen li jdoqqu l-Westminster Chimes kull kwarta. L-ikbar u l-aktar waħda magħrufa hi l-Big Ben, li ddoqq is-sigħat.

Mad-dawra tal-Palazz ta’ Westminster hemm numru ta’ ġardini żgħar, bi wħud minnhom miftuħin għall-istranjieri.

Minħabba l-biża’ lil tqanqlet fuq il-possibbiltà ta’ trakk mimli splussivi, misjuq fil-bini, fl-2003 inbnew numru ta’ blokki tal-konkos fit-triq. Għal tul ta’ 70 metru (77 jarda) mix-xatt, ebda qoxra tal-baħar ma titħalla tidħol.

Mill-1 ta’ Awwissu 2005, skont Att tal-Pulizija, hu illegali li jissejħu protesti mingħajr il-permess minn qabel tal-Pulizija Metropolitana, u l-protesti jridu jinżammu madwar kilometru bogħod mid-dawra tal-Palazz.

Ir-rewwixta tal-Insara

Probabbilment l-aktar attentat famuż għall-ksur tas-sigurtà tal-Palazz ta’ Westminster kien il-Pjan tal-Porvli, tal-1605. Il-pjan kien rewwixta mill-Kattoliċi Nsara, li qiegħdu kwantitajiet kbar ta’ porvli taħt il-Palazz u kienu se jagħtuh in-nar waqt il-Ftuħ Statali tal-Parlament. Kieku kollox mexa kif xtaqu, l-isplużjoni kienet teqred lill-Palazz u toqtol lir-Re Protestant James I, lill-familja tiegħu u lil bosta mill-aristokratiċi.

Illum il-ġurnata, il-Palazz ta’ Westminster minn barra – speċjalment it-Torri tal-Arloġġ, huma meqjusin mad-dinja bħala l-akbar attrazzjoni turistika f’Londra. Il-UNESCO tikklassifika kemm il-Palazz ta’ Westminster kif ukoll Westminster Abbey u St. Margaret’s bħala Sit ta’ Wirt Dinji.

BDL Books - Binjiet Meastużi
It-tebut tar-Reġina Omm espost għall-qima tal-pubbliku fis-Sala ta’ Westminster nhar il-Ħadd 5 ta’ April, 2002
BDL Books - Binjiet Meastużi
It-torri tal-arloġġ magħruf internazzjonalment bħala Big Ben